Jikkonsidra l-Ministru li jitħejja pjan ta' attivitajiet li jfakkru l-ħajja ta' Arvid Pardo - li wieħed jista' jikkonsidrah bħala l-Malti li l-aktar ħalla impronta fix-xena tal-politika internazzjonali in vista tal-proposta tiegħu tal-wirt komuni ta' l-umanita'? Jikkonsidra wkoll li l-apice ta' dawn l-attivitajiet ikun il-kxif ta' monument ta' Arvid Pardo?
Response (GALEA, LOUIS)
Iva. Fil-fatt diġa' bdejt naħdem fuq kommemorazzjoni li tixraq lil dan il-personaġġ ta' għarfien nazzjonali. Għadu kmieni biex wieħed iħabbar id-dettalji.
Jista' l-Ministru jgħid mill-1 ta' Jannar, 1999 sa l-aħħar ta' Mejju, 1999 fl-aħbarijiet ewlenin tal-PBS kemm-il darba ġew intervistati l-Prim Ministu, il-Kap ta' l-Oppożizzjoni, il-Ministri tal-Gvern, kelliema ewlenin ta' l-Oppożizzjoni?
Fil-programm ta' ġrajjiet kurrenti fuq il-PBS fl-istess perijodu, kemm ġew intervistati Ministri tal-Gvern u kelliema ta' l-Oppożizzjoni?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li fil-perjodu msemmi saru b'kollox 106 intervista li minnhom 96 kienu mal-Prim Ministru, Ministri u Segretarji Parlamentari, filwaqt li 10 kienu mal-Kap, Membri u kelliema ta' l-Oppożizzjoni. Kien hemm ukoll 14-il intervista man-naħa tal-Gvern u 5 ma' rappreżentanti ta' l-Oppożizzjoni fil-programm "Lenti", u 9 man-naħa tal-Gvern u 6 man-naħa ta' l-Oppożizzjoni fil-programm "Mill-Parlament".
Fl-istess perjodu tal-ewwel ħames xhur tas-sena 1998 kien hemm 23 intervista li minnhom 22 kienu għan-naħa tal-gvern ta' dak iż-żmien u ntervista waħda f'ħames xhur mal-Kap tal-Oppożizzjoni.
Peress li l-fondi ta' l-Unjoni Ewropea għall-programmi edukattivi, per eżempju, Socrates u Leonardo jridu jitmexxew minn struttura li ma tkunx ikkontrollata mill-Ministeru ta' l-Edukazzjoni, jista' l-Ministru jgħid x'passi se jittieħdu biex ikun hemm din l-istruttura lokali skond il-parametri ta' l-Unjoni Ewropea?
Response (GALEA, LOUIS)
Qed nieħu l-passi meħtieġa biex jitwaqqfu l-istrutturi lokali għall-ġestjoni ta' dawn il-programmi. Hu maħsub li dawn ikunu mwaqqfa fil-futur qrib.
Jista' l-Ministru jgħid xi pjan ta' ħidma hemm ippjanat għal matul iż-żmien li baqa' mill-1999 u għas-sena 2000 biex tissaħħaħ l-istruttura amministrattiva u akkademika tal-bord tal-Matsec? X'kordinazzjoni se jkun hemm bejn l-Universita', id-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni u d-Dipartiment ta' l-Eżamijiet għal tmexxija aħjar tal-Matsec? X'kollaborazzjoni se jkun hemm mal-Edexal biex jissaħħaħ l-Matsec?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li bil-ħsieb li tissaħħaħ l-istruttura amministrattiva u akkademika tal-Bord tal-MATSEC ħarġu applikazzjonijiet għall-postijiet vakanti fil-karigi ta':
(a) Principal Subject Area Officer (Science)
(b) Research and Development Officer
(c) Co-ordinator, Matsec Support Unit
Fix-xahar ta' Mejju saru l-intervisti għal dawn il-vakanzi u wieħed jistenna li dawn jimtlew fil-ġejjieni qrib.
Fuq il-Bord tal-MATSEC hemm żewġ rappreżentanti tad-Diviżjoni u ieħor tal-Ministeru u prattikament fuq il-panels kollha hemm uffiċjali mid-Diviżjoni għal kull livell. Dawn jattendu regolarment u jipparteċipaw bis-sħiħ fix-xogħol li jagħmel dan il-Bord għat-tmexxija ta' l-eżamijiet tal-MATSEC. Dan isir dejjem fil-parametri li jorbtu lil dan il-Bord, fosthom dak li l-aħħar deċiżjoni hija dejjem tas-Senat ta' l-Universita`.
Minn din is-sena d-Dipartiment ta' l-Eżamijiet ħa ħsieb parti sostanzjali ta' l-amministrazzjoni ta' l-eżamijiet billi ta s-servizz tiegħu waqt ir-reġistrazzjoni ta' l-applikazzjonijiet, l-allokazzjoni ta' kandidati fiċ-Ċentri ta' l-Eżamijiet, fl-appuntar ta' l-Invigilators u Head of Centres kif ukoll fit-tmexxija ta' sessjonijiet bil-miktub kemm tas-Sec kif ukoll tal-Matsec.
Id-Dipartiment qiegħed f'kuntatt mal-Matsec Bord biex mir-reġistrazzjonijiet tas-sena 2000 jiġu formalizzati r-responsabiltajiet individwali taż-żewġ entitajiet bl-iskop li jissaħħu l-istrutturi ta' tmexxija ta' l-Eżamijiet tal-Matsec. Din il-parteċipazzjoni tad-Dipartiment fl-amministrazzjoni mistennija tikber fis-snin li ġejjin.
Il-Bord tal-Matsec qiegħed fi trattattivi ma' l-Edexcel biex din tagħmel evalwazzjoni ta' erba' suġġetti li ġew eżaminati din is-sena fil-livell ordinarju. Hu maħsub li kollaborazzjoni tiġi estiża fis-snin li ġejjin.
Jista' l-Ministru jgħid meta hemm il-ħsieb li jitwaqqaf art studio fl-Universita' ta' Malta ħalli l-istudenti ta' l-arts fl-Universita' jkollhom fejn jipprattikaw l-arti u mhux kif qed jiġri bħalissa fejn isibu biss il-qalb ġeneruża tal-lecturers li jieħdu lill-istudenti fl-istudios tagħhom jew f'xi skola privata?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-korsijiet fl-arti fl-Universita` huma indirizzati lejn studju akkademiku fl-Istorja u fl-Apprezzament ta' l-Arti viżiva aktar milli lejn taħriġ fl-arti prattika. Dawn il-korsijiet iwasslu għal gradi ta' Baċillerat, Masters u Dottorat u huma organizzati mill-Art Unit fi ħdan il-Fakulta` ta' l-Arkitettura. Korsijiet limitati fl-Arti prattika huma organizzati mill-Art Unit għall-Fakulta` ta' l-Edukazzjoni u huma indirizzati għal 'student teachers'. Huma f'dawn il-korsijiet li tinqala' l-ħtieġa li l-istudenti jżuru studios ta' artisti stabbiliti għat-taħriġ neċessarju.
Għalkemm it-twaqqif ta' studio fuq il-Campus huwa desiderabbli iżda hemm prioritajiet oħrajn.
Jista' l-Ministru jgħid fiex waslu l-pjanijiet għat-twaqqif ta' kulleġġ fuq l-isport? Kemm hemm flus ivvotati għal dan?
Response (GALEA, LOUIS)
Naħseb li l-Onor. Membru qed jirreferi għall-proposta ta' skola speċjalizzata għall-formazzjoni ta' sportivi żgħażagħ. Il-proposta għadha qed tiġi konsidrata.
Jista' l-Ministru jgħid huwiex jagħmel użu minn mobile phone li jsir ħlas għalih mill-fondi tal-Ministeru? Jista' jgħid ukoll jekk is-Segretarju Parlamentari huwiex jagħmel użu minn mobile phone? Jekk fl-affermattiv, jista' jgħid fiż-żewġ każijiet kemm laħqet l-ispiża ta' dan l-użu mill-5 ta' Settembru, 1998 sal-31 ta' Marzu 1999? Jista' wkoll ipoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-irċevuti konnessi?
Response (GALEA, LOUIS)
Jien infurmat li bejn il-5 ta' Settembru 1998 u l-aħħar ta' Marzu 1999 in-nefqa fuq il-'mobile phone' li nagħmel użu minnu jien kienet ta' Lm715.60.
Informat ukoll li s-Segretarju Parlamentari qiegħed jagħmel użu minn 'mobile phone' li huwa propjeta` tiegħu personali. L-ispiża mill-5 ta' Settembru 1998 sal-31 ta' Marzu 1999 kienet ta' Lm270.20
Ma narax il-ħtieġa li nqiegħed l-irċevuti fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' l-Ministru jgħid fejn se jintbagħtu l-għalliema ta' l-iskola tas-snajja' ta' Bighi fis-sena skolastika l-ġdida? Kemm saru laqgħat ta' konsultazzjoni magħhom dwar l-għeluq ta' dik l-iskola, peress li dawn qed jgħidu li ġew informati biss u mhux konsultati?
Response (GALEA, LOUIS)
L-għalliema ta' l-Iskola tas-Snajja' - Bighi ġew offruti jindikaw il-preferenzi fejn jixtiequ jgħallmu s-sena d-dieħla. Safejn hu possibli, ix-xewqa tagħhom tiġi rrispettata.
Infakkar li d-deċiżjoni dwar l-għeluq ta' l-iskola ta' Bighi qed issir biex jitwettaq proġett ta' mportanza fil-qasam edukattiv u ta' restawr, u wara li ġie konsidrat li kemm l-istudenti kif ukoll l-għalliema jistgħu jiġu akkomodati fi skejjel oħra tas-snajja'.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhuma r-raġunijiet li għalihom mhux se tintlaqa' t-talba li l-mużiċisti ta' l-orkestra nazzjonali jkollhom direttur-ħaddiem li jirrappreżentahom fil-bord tat-tmexxija?
Response (GALEA, LOUIS)
Minn imkien ma jirriżulta li diġa' ġie deċiż li t-talba msemmija mhix ser tintlaqa'. Il-kwestjonijiet kollha marbuta ma' l-Orkestra qed jiġu konsidrati.
Protokoll Taljan — Ċentru ta' l-istudji tar-Restawr
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm huma stmati li se jkunu l-ispejjeż totali biex jitmexxa ċ-ċentru ta' l-istudji tar-restawr fl-1999 u fis-sena 2000? Kemm se jkun hemm fondi mill-Protokoll Taljan għal dan iċ-ċentru fl-1999 u fis-sena 2000? Kemm se joħroġ fondi pubbliċi l-gvern għal dan iċ-ċentru fl-1999 u fis-sena 2000?
Response (GALEA, LOUIS)
Peress li t-tagħrif mitlub ma laħaqx wasalli, tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.
Fid-deċiżjoni dwar kemm se jiddaħħlu studenti fiċ-Ċentru ta' l-Istudji tar-Restawr, jista' l-Ministru jgħid b'liema kriterji ġew deċiżi n-numri? X'attenzjoni ngħatat għall-opportunitajiet ta' mpjiegi għal dawn il-persuni wara li jtemmu l-korsijiet li jkunu għażlu?
Response (GALEA, LOUIS)
Peress i t-tagħrif mitlub ma laħaqx wasalli, tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.
Peress li ftit ilu ntqal li kellhom jinbnew tliet sport complexes u kien ġie kkummissjonat studju dwar l-aħjar area għal dawn il-complexes, jista' l-Ministru jgħid jekk itteħditx deċiżjoni fejn se jinbnew? Jekk fl-affermattiv, liema huma dawn is-siti magħżula?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat lil-istudju dwar il-bini tat-tliet ċentri sportivi mwiegħda mill-Gvern fil-Programm Elettorali ġie ffinalizzat minn kumitat maħtur apposta. Dan l-istudju jinkludi analiżi tal-faċilitajiet sportivi eżistenti li dan il-kumitat ħejja wara li eżamina talbiet minn diversi Kunsilli Lokali, żar diversi siti fin-Nofs in-Nhar, Tramuntana u Ċentru ta' Malta u kellu diversi laqgħat mal-Awtorita` ta' l-Ippjanar.
Qabel ma tittieħed deċiżjoni dwar is-siti fejn se jinbnew dawn iċ-ċentri sportivi hemm diversi fatturi oħrajn li joħorġu minn dan ir-rapport li għad iridu jiġu kkunsidrati.
Jista' l-Ministru jgħid meta hu ppjanat li jsir xi ħaġa fuq il-kumpless sportiv ta' quddiem De La Salle College, f'Bormla li ftit tas-snin ilu saħansitra l-gvern kien ibbaġittja somma flus għall-iżvilupp tiegħu?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat lil-iżvilupp tal-kumpless sportiv ta' quddiem De La Salle College, Bormla irid jiġi kkunsidrat flimkien ma' żvilupp ta' siti oħra li dwarhom sar rapport mill-Kumitat li kien ġie appuntat biex jevalwa l-faċilitajiet sportivi eżistenti u jidentifika siti addattati għall-bini tat-tlett ċentri sportivi reġjonali.
Nirreferi wkoll għat-tweġiba għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 8313.
Jista' l-Ministru jgħid għaliex ftit accountants biss irċevew invit mis-segretarja privata tas-Segretarju Parlamentari biex nhar il-Ġimgħa 25 ta' Ġunju jissottomettu offerti ta' konsulenza biex tiġi riveduta l-istruttura u l-operazzjoni tal-pixxina nazzjonali? Għaliex ma ħarġux offerti pubbliċi kif isir is-soltu? Kif intgħażlu l-accountants/kumpanniji ta' accountants li ntbagħatilhom dan l-invit? Kemm issottomettew offerti? Kemm kienet kull offerta? Min intgħażel? Meta għandu jiġi sottomess ir-rapport finali ta' min intgħażel? X'kienu t-terms of reference li ngħataw?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li ma nħarġitx sejħa pubblika għall-offerti biex isir servizz ta' konsulenza biex tiġi riveduta l-istruttura u l-operazzjoni tal-pixxina minħabba li skond ir-Regolamenti Finanzjarji eżistenti n-nefqa nvoluta biex jitwettaq dan is-servizz ma kienetx tirrikjedi li jsir hekk. Ta' min jgħid li din in-nefqa taqa' fil-paramentri stabbiliti fl-istess Regolamenti Finanzjarji li jippermettu lill-Ministru jew lis-Segretarju Parlamentari li jakkwista servizz dirett mis-suq liberu.
L-erba' kumpanniji ta' accountants li ntbagħtilhom l-invit biex jissottomettu offerti ġew magħżula mill-Paġni s-Sofor.
Is-Segretarjat irċieva tlett offerti li d-dettalji tagħhom huma kif se nsemmi:
Messrs G.F.C. Consult Ltd - Lm 490
Messrs Grant Thornton - Lm 950
Messrs Pricewater house Coopers - Lm1800
Dawn il-prezzijiet ma jinkludux it-taxxa fuq il-valur miżjud.
L-offerta li ġiet magħżula kienet l-orħos waħda jiġifieri dik ta' Messrs G.F.C. Ltd li huma mistennija li jissottomettu r-rapport finali fi żmien tlett ġimgħat. It-terms of reference huma simili għal dawk li normalment jiġu assoċjati ma' dan it-tip ta' eżerċizzju.
Peress li meta ħa sehem f'diskussjoni fuq Net TV nhar il-Ġimgħa 25 ta' Ġunju, is-Segretarju Parlamentari tiegħek lissen il-fatt li mhux kuntent bil-livell ta' ċerti coaches li qed jagħtu servizz fid-dixxiplina ta' Skola Sport, jista' l-Ministru jgħid x'qed jaħseb li jagħmel il-gvern qabel ma jerġgħu jibdew l-attivitajiet tax-Xitwa f'Settembru/Ottubru li ġej biex jgħolli dan il-livell? Il-coaches li jieħdu sehem f'dawn l-attivitajiet huma kwalifikati fid-dixxiplina tagħhom?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li qabel ma jiġu ngaġġati coaches biex jagħtu servizz fid-dixxiplini ta' Skolasport dawn jiġu mitluba jipproduċu ċertifikati u dettalji dwar l-esperjenza tagħhom. Sabiex il-Gvern ikompli jgħolli l-livell ta' Skolasport u jiġi provdut servizz aħjar, se jiġu organizzati diversi laqgħat speċjali u seminars dwar it-taħriġ bażiku tat-tfal ta' kull eta`. Dawn il-laqgħat se jsiru għall-coaches u coordinators fid-dixxiplini kollha li tħaddan Skolasport.
Peress li hawn numru ta' coaches barranin ta' esperjenza li qegħdin ingaġġati ma' għaqdiet diversi, ħafna minnhom bl-għajnuna tal-Kumitat Olimpiku, jista' jiġi indagat jekk dawn il-coaches jistgħux jintużaw biex jgħinu lil coaches tagħna jakkwista esperjenza?
Jistgħu jintużaw ukoll fl-iskejjel biex flimkien ma' għalliema tal-PE jgħinu fit-taħriġ mat-tfal?
Peress li l-Ministru żgura lil din il-Kamra kemm-il darba li huwa sodisfatt li kull skola qed timxi skond il-gwidi mogħtija mid-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni dwar is-suġġetti obbligatorji, u jien irċevejt ilmenti li dan mhux qed isir kullimkien, jista' jgħid jekk l-iskejjel privati kollha għandhomx dawn is-suġġetti:
(1) it-tagħlim ta' l-istudji soċjali li jwassal għal eżami tal-SEC u li dan qed jiġi mgħallem mill-primarji sal-ħames klassi tas-sekondarji; (2) it-tagħlim tal-PSE fuq bażi regolari ta' mill-inqas sagħtejn fil-ġimgħa; u (3) it-tagħlim tar-Reliġjon fuq bażi regolari li jrid iwassal li studenti jkunu jistgħu joqogħdu għall-eżami tal-SEC?
Jista' jagħti lista ta' dawn l-iskejjel fejn dan qed isir u fejn mhux?
Jista' jgħid kemm-il siegħa ta' tagħlim fil-ġimgħa qed isir?
Response (GALEA, LOUIS)
Peress li t-tagħrif mitlub jinħtieġ żmien biex jinġabar u jiġi verifikat, tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.
Jista' l-Ministru jgħid fiex waslu l-preparamenti biex iż-żewġ imtieħen f'Bormla, jiġifieri dik ta' Triq il-Mitħna u ta' Triq San Gwann jiġu rrestawrati? Min se jagħmel ix-xogħol ta' restawr? Jista' jgħid ukoll jekk hux se jkun miftuħ għal pubbliku fil-futur u jekk humiex se jaqgħu f'idejn xi għaqda filantropika?
Response (GALEA, LOUIS)
Għall-ewwel parti tad-domanda nissuġġerixxi lill-Onor. Interpellant jirreferiha lill-Ministru kkonċernat.
Fuq it-tieni parti tal-Mistoqsija, informat li għalkemm din trid tiġi ndirizzata lill-Ministru konċernat, id-Dipartiment tal-Mużewijiet għadu ma rċieva ebda talba f'dan ir-rigward. Madanakollu, f'dak il-każ id-Dipartiment ikun lest li jikkonsidra pożittivament dawn it-talbiet.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kienu dawk l-istudenti li attendew għal eżamijiet tal-Junior Lyceum?
Kemm minnhom kienu bniet u kemm minnhom kienu subien?
Kemm kienu tfal li għaddew minn kollox? (Min kull eżami)
Kemm kien hemm min weħal minn suġġett wieħed?
Mil-liema lokal b'lokal kienu t-tfal li għaddew?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li din l-istatistika kollha se tkun fir-rapport li se jiġi pubblikat fil-futur qrib u li kopja tiegħu titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' l-Ministru jgħid meta se jitlesta x-xogħol fuq il-ground tal-football f'St. Lucija?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li fl-1 ta' Settembru 1998 il-club tal-football ta' Santa Luċija kienu ingħataw Lm5,200 biex ikopru spejjeż konnessi mal-bini ta' ħajt mad-dawra tal-ground u għar-resurfacing tal-pitch. Ma kien hemm ebda commitment mid-Dipartiment dwar xi xogħlijiet pendenti ma' dan il-club.