Legislature:
Category:
Reset
Active:

Adozzjoni ta' tfal

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhuma (u jekk jista' jpoġġihom fuq il-Mejda tal-Kamra) l-kriterji u ż-żmien biex wieħed jaddotta tfal minn barra minn Malta?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Il-kriterji lokali biex wieħed jadotta tfal minn barra minn Malta huma dawk indikati fil-Kodiċi Ċivili dwar l-Adozzjoni: fosthom illi koppja tkun tista' tħares l-aħjar interessi tal-minuri li tkun ser tadotta u tkun ilha miżżewġa ħames snin; illi r-raġel jew il-mara jkunu għalqu t-tletin sena u ma jkunux għalqu s-sittin sena u li l-wieħed jew l-oħra jkunu wieħed u għoxrin sena akbar mill-minuri. Persuna weħidha tista' tadotta. Il-kriterji barranin ivarjaw minn pajjiż għal ieħor imma l-interessi tal-minuri li jkun ser jiġi adottat huma dejjem ewlenin skond konvenzjonijiet internazzjonali. Adozzjonijiet mir-Rumanija u mill-Albanija huma regolati bi ftehim bi-laterali bejn iż-żewġ pajjiżi. Dokumentazzjoni dwar il-koppja tintbagħat lill-kumitati kompetenti f'dak il-pajjiż u dokumentazzjoni dwar il-minuri li ser ikun adottat, jiġifieri sfond soċjali u ċertifikati mediċi u oħrajn, jintbagħtu lill-koppja f'Malta permezz tad-Dipartiment Ħarsien tal-Familja. Iż-żmien meħud biex wieħed jadotta tfal minn barra minn Malta jiddependi minn każ għal każ. Fin-normalita' tal-każi dan jieħu minn sena sa sentejn. Importanti li, qabel ma koppja jew persuna tadotta, tieħu parir espert jew tmur fit-Taqsima ta' l-Adozzjonijiet, Dipartiment Ħarsien tal-Familja, Santa Venera. 31.5.99

Sigurta' Soċjali — Għajnuna soċjali

Question

In vista ta' mistoqsija parlamentari numru 4020, jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra jekk kemm-il darba d-dipartiment spiċċax il-proċess ta' komputerizzazzjoni u għalhekk x'inhi l-possibbilta' li din il-Kamra tiġi nformata dwar kemm persuni qed jirċievu l-għajnuna soċjali ġewwa l-bliet ta' Bormla, Birgu, Senglea u l-irħula tax-Xgħajra u l-Kalkara?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Għalkemm il-proċess ta' komputeriżżazzjoni fid-Dipartiment tas-Sigurta' Soċjali miexi b'pass mgħaġġel, dan għadu ma jkoprix il-Benefiċċji Soċjali kollha. L-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant dwar l-Għajnuna Soċjali tkun tista' tinġabar aktar tard din is-sena meta l-imsemmi benefiċċju jkun komputeriżżat. 31.5.99

Ċentru ta' Taħriġ għall-Adulti — Impjegati

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jirrispondi l-mistoqsija parlamentari numru 6988?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Skond il-ftehim li l-Gvern kien laħaq mal-unions rigward il-ħaddiema li jaħdmu fl-Adult Training Centres, u li kopja tiegħu qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra, hu ppjanat li jkun hemm 5 kategoriji ta' ħaddiema li huma: a) Kapijiet b) Assistenti Kapijiet c) Senior Care Workers d) Care Workers e) Assistant Care Workers Il-kwalifiki marbuta ma' kull grad huma ndikati fil-ftehim imsemmi. Sal-lum inħatru l-Kapijiet u l-Assistenti Kapijiet ta' dawn iċ-Ċentri, u ser jibda l-proċess biex jinħatru t-tielet kategorija. Fiċ-Ċentri hemm numru ta' Care Workers u Assistant Care Workers u fil-preżent hemm proċess biex jiġu ingaġġati aktar Care Workers, liema proċess jinsab fil-fażi finali tiegħu. Skond il-ftehim li jirregola dan l-ingaġġ dawk li jkunu ingaġġati bħala Care Workers għandu jkollhom livell bażiku ta' edukazzjoni ta' livell ta' G.C.E., u dan biex ikunu jistgħu jsewgu kors ta' taħriġ li ser jitfassal għalihom malli dawn jiġu ngaġġati. Fil-preżent hemm 129 ħaddiema li jaħdmu fiċ-Ċentri tat-Taħriġ għall-Adulti f'Malta li jinstabu fl-Imtarfa, Fleur-de-Lys, Ħal Far u Wied il-Għajn u Santa Venera. Filwaqt li l-ewwel erba' huma indirizzati primarjament għall-persuni b'diżabilita' intellettwali, tal-aħħar hu indirizzat lejn persuni għomja. Minn dawn il-129 ħaddiem hemm 109 li jaħdmu direttament mal-persuni b'diżabilita. F'Għawdex hemm Ċentru żgħir li għandhom 12 ħaddiema (4 minnhom jaħdmu 30 siegħa fil-ġimgħa) li minnhom 10 jaħdmu direttament mal-persuni b'diżabilita'. Fiċ-Ċentri hemm numru ta' ħaddiema oħra li jinkludi nurses, tradesmen u Braille Instructor li jaħdem fiċ-Ċentru tal-Persuni Għomja. Fil-preżent ukoll qed tiġi pproċessata sejħa għall-applikazzjoni ta' Assistent Direttur bl-inkarigu ta' dawn iċ-Ċentri. Waħda mill-inkarigi prinċipali li ser ikollu dan l-Assistent Direttur hu naturalment l-organiżżazzjoni ta' t-taħriġ tal-ħaddiema li jaħdmu f'dawn iċ-Ċentri. Qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-'job description' ta' din il-kariga. Il-Ministeru hu impenjat li jżid ir-riżorsi umani l-aktar permezz ta' ħaddiema professjonali biex jaħdmu f'dawn iċ-Ċentri li għandhom jinkludi nurses, fiżioterapisti, occupational therapists, psikologi u social workers. Dawn il-professjonisti jkollhom l-għan li barra li jgħinu biex jiġu mfassla programmi individwali għall-persuni b'diżabilita' li jattendu ċ-ċentri, jgħinu wkoll lill-istaff li jaħdmu ma' dawn il-persuni permess ta' taħriġ dirett (hands on) fl-implimentazzjoni ta' dawn il-programmi. Il-Ministeru qed ifassal pjan fuq tlett snin biex kull ċentru tal-persuni b'diżabilita' jkollu s-servizzi ta' dawk il-professjonisti meħtieġa. 31.5.99

Dipartiment tal-Welfare — Użu ta' karozzi/mobile phones

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jagħti lista ta' ismijiet u gradi ta' persuni li għandhom dritt jagħmlu użu minn karozza u mobile imħallsa mill-gvern fid-Dipartiment tal-Welfare?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Fid-Dipartiment tal-Welfare, jew aħjar id-Dipartiment tal-Ħarsien tal-Familja, id-Direttur jagħmel użu minn mobile imħallas mill-Gvern. Dwar użu ta' karozza imħallsa mill-Gvern, id-Direttur jagħmel użu minn karozza waħda, skond ir-regolamenti. Dwar karrozzi oħra mħallsa mill-Gvern, id-Dipartiment għandu sitt karozzi, tlieta "impressed" u tlieta tal-kiri, u dan għall-użu ta' l-istaff fil-qadi ta' dmirijiethom. 31.5.99

Servizzi soċjali — Servizz ta' handyman

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm anzjani mit-Tielet Distrett elettorali f'dawn l-aħħar erba' snin sal-lum għamlu użu mis-servizz tal-handyman?

Response (GONZI, LAWRENCE)

In-numru ta' anzjani mit-Tielet Distrett elettorali li għamlu użu mis-servizz tal-Handyman f'dawn l-aħħar erba' snin, huwa skond it-tabella li qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra. 31.5.99

Hal Farruġ — Garaxxijiet

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid jekk il-garages li qegħdin qrib il-kappella f'Ħal Farruġ u li huma mikrija lil residenti ta' l-ex-married quarters tas-Servizzi Ingliżi humiex se jitwaqqgħu? Jekk iva, dawn ir-residenti se jiġu offruti garages alternattivi?

Response (GONZI, LAWRENCE)

L-Awtorita' tad-Djar għandha ppjanat l-iżvilupp tas-'site' indikata bl- isfar fuq il-pjanta li kopja tagħha qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra. Jekk il-garaxxijiet li qed tirreferi għalihom l-Onor. Interpellant huma dawk indikati bl-aħmar fuq l-istess pjanta, s'issa ma jidhirx li dawn ser jiġu effetwati b'dan il-proġett. 31.5.99

Bormla — 32/1 Bormla Gate

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jara kif il-persuna li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament li suppost qed tirrisjedi fil-fond Numru 32/1, Bormla Gate, Bormla, in segwitu tar-requisition order numru 39223, fil-fatt mhux qed toqgħod hemm iżda qed tirrisjedi fiż-Żejtun? Fid-dawl ta' dan kollu, jista' l-Ministru jara li ssir spezzjoni mingħajr pre-avviż fil-fond imsemmi sabiex jiġi żgurat li din hi l-pożizzjoni u jekk fl-affermattiv jara li l-fond imsemmi jerġa' jingħata lura lil sidu?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Għalkemm fir-Reġistru Elettorali l-inkwilina għadha tidher reġistrata fl-indirizz indikat, jien infurmat illi se jsiru aktar spezzjonijiet tal-post. 31.5.99

Servizzi Soċjali

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jinvestiga b'liema awtorita' l-għajnuna soċjali tal-persuna li isimha qed jintbagħat separatament ġiet terminata fl-aħħar ta' April 1999 meta allegatament żewġ spetturi ta' l-ETC waqqfu lil dan l-individwu f'nofs ta' triq u rrapportawh li kien qed jaħdem waqt li qed jirreġistra?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Skond rapport ta' l-ispetturi tal-Korporazzjoni tax-Xogħol u Taħriġ il-persuna ndikata ma twaqqfitx f'nofs ta' triq iżda sabuħ jaħdem fuq bejt. Għaldaqstant huwa ġie maqtugħ minn fuq ir-Reġistru. 31.5.99

Awtorita' tad-Djar — Akkomodazzjoni alternattiva

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid jekk jistgħux is-sidien ta' djar japplikaw għal appartament jew dar mill-Awtorita' tad-Djar b'kera jew b'xiri minħabba problemi li jkunu jeħtieġu akkomodazzjoni alternattiva?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Dawk is-sidien li joqgħodu fir-residenza privata tagħhom, u din ir-residenza ma tkunx adekwata għan-neċessitajiet tal-familja tagħhom, jistgħu japplikaw mal-Awtorita' tad-Djar Għall Akkomodazzjoni alternattiva meta jinħarġu postijiet ġodda ta' akkomodazzjoni. 31.5.99

Ċentru ta' Taħriġ għall-Adulti — Impjegati

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid fiex jikkonsistu l-kwalifiki u l-esperjenza li għandhom il-persuni li jaħdmu fl-Adult Training Centres li jħarrġu lill-persuni b'diżabilita'?

Response (GONZI, LAWRENCE)

L-informazzjoni għada qed tinġabar u risposta tingħata f'xi Seduta oħra. 26.5.99

Benefiċċji soċjali

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari numru 3728, jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid jekk il-Public Expenditure Review Trade Force evalwatx x'qed jiġri f'Għawdex fil-qasam tas-servizzi soċjali? Kemm-il darba telgħet Għawdex? Meta? X'xogħol għamlet s'issa f'Għawdex?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Rigward Mistoqsija Parlamentari Nru. 6933 ninforma lill-Onor. Interpellant biex jirreferi din il-Mistoqsija lill-Ministru kkonċernat. 25.5.99

ETC — Art and Design Centre

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid għaliex l-ETC għadha ma sabitx sponsor għall-istudent, li ismu qed jintbagħat separatament, fl-iskema ta' l-apprendistat li jattendi, l-Art and Design Centre, Vallleta, għax se jispiċċa jkollu jitlaq minn din l-iskema?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Tlabt lill-E.T.C. biex jiktbu direttament lill-persuna ikkonċernata u jispjegawlha l-fatti. 25.5.99

Mtarfa — Fawran ta' drenaġġ

Question

Peress li l-problema tal-fawran tad-drenaġġ f'Binja Buqana fl-Imtarfa skond ir-rapport ta' perit privat, li tiegħu qed nibgħat kopja separatament, u li qed jikkawża ħsarat strutturali, jista' l-Viċi Prim Ministru jinvestiga urġentement ħalli jkunu evitati xi inċidenti fatali?

Response (GONZI, LAWRENCE)

L-Awtorita' tad-Djar diġa' qabbdet lil kuntrattur tagħha biex jinvestiga l-kawża tal-ħruġ tal-ilma mis-soqfa tal-garaxxijiet taħt Blokk B Binja Buqana u rriżulta li kien hemm sadd fis-sistema tad-drenaġġ u xi ksur f'pajp tal-ilma. It-tiswijiet meħtieġa diġa bdew isiru mill-kuntrattur. 25.5.99

Djar — Akkomodazzjoni soċjali

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid jekk ħarġux il-permessi mill-Awtorita' ta' l-Ippjanar għall-bini ta' diversi postijiet mill-Awtorita' tad-Djar għal akkomodazzjoni soċjali?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Mill-1992 sal-lum inħarġu permessi għall-bini skond dokumenti li qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra. 25.5.99

CSAs — Trasferimenti

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm ingħataw transfers mill-1 ta' Jannar 1999 sas-26 ta' April 1999 lis-CSAs? Jista' jagħti r-raġuni għalfejn saru dawn it-transfers? Jista'jgħid huwiex il-ħsieb li jsiru aktar transfers fil-futur qarib fil-post tax-xogħol imsemmi?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Mill-1 ta' Jannar sas-26 ta' April 1999 ma ġew 'transferred' ebda CSA's. Iċ-ċaqlieq li sar, sar fuq talba ta' individwi stess. Għalissa, m'hemm l-ebda ħsieb li jsiru xi transfers fil-Home Help. 24.5.99

Labour Offices — Trasferimenti

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm ingħataw transfers mill-1 ta' Jannar 1999 sas-26 ta' April 1999 lill-ħaddiema li jaħdmu fil-labour offices madwar Malta u Għawdex? Jista' jagħti r-raġuni għalfejn saru dawn it-transfers? Jista' jgħid huwiex il-ħsieb li jsiru aktar transfers fil-futur qarib fil-post tax-xogħol imsemmi?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Mill-1 ta' Jannar, 1999 sas-26 ta' April, 1999 kien hemm ħames 'transfers' interni li jinvolvu ħaddiema li jaħdmu fl-Uffiċċji Distrettwali tad-Dipartiment tas-Sigurta' Soċjali. Fil-futur qarib hemm il-ħsieb li l-Uffiċċju Distrettwali jieħdu aktar xogħol li jkopri l-Ministeru kollu. Wieħed għalhekk irid jiżgura ruħhu li kull minn ikun qed jaqdi lill-pubbliku jkollhu r-rekwisiti neċessarji biex dan is-servizz jingħata. Jien ċert li l-Onor. Interpellant jaqbel li ċ-ċittadin għandu jieħu l-aħjar servizz li jista' jingħata u japprova li persuni bi kwalitajiet addatati għandom ikunu f'dawn il-postijiet ta' kuntatt kontinwu mall-pubbliku. 24.5.99

Djar — Furjana - social housing

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk id-Dipartiment tad-Djar u/jew l-Awtorita' tad-Djar għandhomx xi pjan dwar kif fil-Furjana jistgħu jiġu pprovduti aktar units għal skopijiet ta' social housing għall-Furjaniżi, bil-għan li l-Furjaniżi jkollhom opportunita' aħjar li jibqgħu joqogħdu fil-Furjana?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Awtorita' tad-Djar għandha pjan li tiżviluppa l-proġett tal-kantuniera bejn Triq l-Argotti u Triq l-Iljun, Floriana. Bħalissa għaddejjin diskussjonijiet ma' sidien ta' proprjeta' kummerċjali fl-inħawi biex jiġi stabbilit jekk il-proġett jistax jitkabbar minn dak ippjanat oriġinarjament. 24.5.99