Legislature:
Category:
Reset
Active:

Furjana — Proġett ta' slum clearance

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm għad hemm evictees fil-proġett ta' slum clearance f'Lion Street kantuniera ma' Argotti Street, Floriana? Kemm hu ppjanat li jittellgħu appartamenti u liema djar/appartamenti, numru b'numru, huma ppjanati li jkunu nklużi f'dan is-slum clearance project? Intlaħaq ftehim ma' sid il-confectionery li hemm fl-inħawi sabiex is-slum clearance project ikun akbar fid-daqs?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Kien hemm 6 evictees effettwati mill-proġett li 2 minnhom diġa ġew allokati post. Il-proġett oriġinarjament kien ta' 10 appartamenti u kienu effettwati l-postijiet 36 to 50 Argotti Street u 44 to 50 Lions Street. Qegħdin isiru taħditiet ma' sid il-confectionery u jekk jintlaħaq ftehim, il-proġett ikun jinkorpora madwar 40 residenzi. 8.6.99

Bormla — Dar ta' l-anzjani

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid minn min ittieħdet id-deċiżjoni sabiex id-dar ta' l-anzjani f'Bormla jkollha l-faċċata miżbugħa kulur oranġjo skur? Jidhirlu l-Ministru li dan il-kulur ma tantx imur ma' post bħal Kottonera?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Il-kuluri li qed jintużaw fuq il-faċċata tad-dar ta' l-Anzjani ta' Bormla intagħżlu mill-perit ta' dan il-proġett u ġew approvati mill-Awtorita' ta' l-Ippjanar. Dawn il-kuluri għandhom l-intenzjoni li jsebbħu u jqajjmu ftit l-ambjent u jaqblu ma l-irranġar tal-ġnien li hemm quddiem id-dar. 8.6.99

Bormla — Dar ta' l-anzjani

Question

Relatata mal-proġett tad-dar ta' l-anzjani f'Bormla, jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni għaliex Triq San Ġużepp reġgħet inqalgħet riċentement?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Triq San Ġużepp inqalgħet reċentement sabiex jitpoġġew il-kanen ta' l-ilma. Dan huwa parti mill-proġett relatat mad-Dar ta' l-Anzjani f'Bormla. Qed issir koordinazzjoni mal-Water Services Corporation sabiex dan ix-xogħol jitlesta malajr. 8.6.99

Social workers

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid hux jikkonsidra li jingħata back up amministrattiv lis-social workers biex huma ma jinħlewx fuq dan ix-xogħol impennjattiv, u jkunu jistgħu jikkonċentraw fuq xogħolhom speċjalizzati?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Nitlob lill-Onor. Interpellant tispeċifika għal liema 'social workers' u ta' liema servizz qed tirreferi. 8.6.99

Social workers

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid hux jikkonsidra li jintroduċi xi tip ta' sigurta' għas-social workers bħal, per eżempju, it-tneħħija ta' l-isem minn fuq il-liċenzja tal-karozza? Jekk qed jikkonsidra xi miżuri, x'miżuri huma?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Riċentement kelli laqgħa mal-Ministru Tonio Borg u uffiċċjali għolja tal-'Victim Support Unit', fejn fiha ttieħdu deċiżjonijiet dwar miżuri prattiċi ta' protezzjoni għas-'social workers' u oħrajn involuti f'dan il-qasam. Uffiċjali fil-Ministeru tal-Politika Soċjali qegħdin f'kuntatt mal-Assoċjazzjoni Maltija tas-Social Workers u aġenziji oħra biex jistudjaw il-kwistjoni tas-sigurta' tas-social workers u biex jitnaqqsu r-riskji għalihom. 8.6.99

Ligi dwar s-Social Work

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid meta huwa ppjanat li l-gvern iressaq il-liġi dwar is-social work quddiem il-Parlament?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ġie mwaqqaf 'task group' biex jipprepara abbozz ta' liġi dwar is-social work. L-Assoċjazzjoni Maltija tas-Social Workers hija parti minn din it-'task group' permezz tal-president tagħha. 8.6.99

Bini tal-Kamarata — Xogħol

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid x'kien li wasal biex tinbidel id-deċiżjoni li x-xogħol urġenti strutturali li hemm bżonn isir fil-bini tal-Kamarata jsir sa tmiem din is-sena, issa nbidlet u qed jintqal mid-Dipartiment tal-Bini u d-Djar li l-aktar kmieni li jista'jsir dan ix-xogħol hu wara r-Rebbiegħa ta'l-2000? Peress li diġa' kien hemm fondi allokati għax-xogħol fil-Kamarata, lejn fejn ġew diretti dawn il-fondi? Jaf li hemm periklu kbir li jekk ma jsirx ix-xogħol meħtieġ jistgħu jiġru aċċidenti serji fil-Kamarata?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Jien infurmat li wara li kienu saru numru sostanzjali ta' talbiet għal tiswijiet fil-blokk tal-Kamrata fi Triq il-Merkanti, l-Belt, id-Dipartiment tal-Bini u Tiswija ta' Djar bagħat numru ta' uffiċjali tekniċi sabiex jagħmlu l-ispezzjonijiet meħtieġa. Jirriżulta li t-tiswijiet li hemm bżonn li jsiru m'humiex ta' natura sempliċi u li għalhekk ma jistgħux isiru mill-impjegati ta' l-istess Dipartiment mingħajr ma jkollhom jitwarrbu ħafna xogħolijiet ta' ċertu urġenza f'imkejjen oħra. Wara li ġabar l-informazzjoni meħtieġa, d-Dipartiment qed jikkunsidra jekk ikunx aħjar li x-xogħolijiet isiru b'kuntratturi privati permezz ta' tender pubblika wara li ssir sejħa għall-offerti. 8.6.99

Djar — Akkomodazzjoni alternattiva

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk il-persuna li l-partikolaritajiet tagħha qed jintbagħtu separatament, hemmx il-ħsieb li tingħata post peress li l-post li tgħix fih huwa ikkundannat u perikoluż?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Jien infurmat illi l-applikazzjoni indikata qed tkun ikkunsidrata ma oħrajn simili. 8.6.99

Ministeru għall-Politika Soċjali — Riċevimenti

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari numru 4458, jista' l-Viċi Prim Ministru jirrikonsidra r-risposta tiegħu peress li l-pubblikazzjoni ta' l-irċevuti konnessi huma fl-interess pubbliku peress li jikkonċernaw infiq pubbliku?

Response (GONZI, LAWRENCE)

M'għandi xejn x'inżid mat-Tweġiba li tajt għal-Mistoqsija Nru. 4458 fis-Seduta 84. 2.6.99

Impjiegi — Reġistrazzjoni għax-xogħol

Question

Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra bil-pjan tal-gvern sabiex isib impjiegi għall-ħaddiema li qed jirreġistraw għax-xogħol u għandhom aktar minn 48 sena? Kemm fil-fatt ġew impjegati ħaddiema ta' din l-eta' mill-5 ta' Settembru, 1998 'il hawn?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Il-Korporazzjoni tax-Xogħol u Taħriġ hi konxja mid-diffikultajiet li nies ta' ċerta eta' ikollhom biex isibu mpieg. Għaldaqstant, għal dawn, kif ukoll għal kategoriji oħra ta' nies bi bżonnijiet partikolari, hija tipprova tgħinhom b'mod aktar personaliżżat. Biex tkompli ssaħħaħ dan il-għan l-ETC qed toffri wkoll l-iskema "Employment Training Placement Scheme (ETPS)" fejn tissussidja l-perjodu ta' taħriġ tal-bidu li dawn ir-reġistranti jkollhom bżonn. Matul il-perjodu li jkunu qed jirreġistraw, nies ta' ċerta eta', bħal oħrajn, jkunu wkoll jistgħu jiparteċipaw fl-iskema ta' xogħol fil-komunita'. Ta min isemmi wkoll li teżisti skema oħra fejn employers li jingaġġaw ħaddiema ta' l-fuq minn erbgħin sena (40), wara li jkunu ilhom jirreġistraw għal perjodu stabbilit, dawn jingħataw "rebate" fuq il-kontribuzzjoni tas-Sigurta Soċjali. Sadanittant il-Korporazzjoni tax-Xogħol u Taħriġ sabet mpieg għal tnejn u għoxrin (22) persuna li għandhom eta' ta' l-fuq minn 48 sena bejn il-5 ta' Settembru u l-aħħar t'April 1999. 2.6.99

Konferenza Nazzjonali dwar il-Qgħad

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kif laqa' t-talba tal-UĦM biex issir konferenza nazzjonali dwar il-qgħad minħabba li pajjiżna bħalissa għandu l-għola ċifra ta' qgħad ta' dawn l-aħħar 12-il sena kif ukoll minħabba li din il-figura telgħet b'1,200 persuna f'dawn l-aħħar sitt xhur?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Għall-informazzjoni ta' l-Onor. Membru l-qgħad f'Novembru 1998 kien ta' 7,371, filwaqt li dak ta' April huwa ta' 7,402. Dan ifisser żieda a' 31 persuna f'sitt xhur u mhux 1,200 kif allegat fil-Mistoqsija. L-ittra tal-UHM, tat-22 ta' Mejju waslet f'dan il-Ministeru fis-27 ta' Mejju u qiegħda tiġi kkonsidrata. 2.6.99

GRTU — Laqgħat

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid x'konklużjonijiet intlaħqu fil-laqgħa li kellu mal-eżekuttiv nazzjonali tal-GRTU dwar tibdiliet li jridu jsiru fl-iskema tal-pensjoni, liema laqgħa kienet fis-6 ta' Mejju, 1999?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Il-laqgħa msemmija mill-Onor. Interpellant kienet intiża biex jinżamm djalogu u diskussjoni fuq diversi oqsma. Ma kienx l-iskop tal-laqgħa li jinġibdu xi konklużjonijiet. Il-punti kollha li semmew waqt il-laqgħa qed jiġu evalwati mill-Ministeru. 2.6.99

Pensjoni

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid xi drittijiet għall-pensjoni għandha l-persuna, li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament, li ħadmet bejn Settembru, 1954 u Mejju, 1965 u reġgħet bdiet taħdem bejn Jannar, 1995 u għadha taħdem u se tkompli taħdem sakemm tirtira minn hawn u ftit ieħor?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li d-Dipartiment qiegħed jinvestiga l-każ tal-persuna kkonċernata. Billi t-talba hija għal stima ta' rata ta' pensjoni jkun meħtieġ li tinġabar ċertu nformazzjoni. Hekk kif jitlestew dawn l-investigazzjonijiet, il-persuna kkonċernata tiġi nfurmata bid-dettalji tal-każ tagħha. 1.6.99

Impjiegi — Żagħżugħ li jaħdem f'supermarket

Question

Jista' l-istabbiliment, li ismu qed jintbagħat separatament, ikeċċi minn miegħu liż-żagħżugħ, li ismu qed jintbagħat separatament, wara li kien ilu sena u nofs miegħu, kultant taħt job coach provdut mill-Fondazzjoni Eden? Kif jista' dan l-istabbiliment ikeċċi lil dan iż-żagħżugħ bla ma qatt tah warning jew bla ma ġiet segwita xi proċedura li tintuża meta jintemmu l-impjieg?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Jien infurmat li ż-żagħżugħ li għalih qed jirreferi l-Onor. Membru kien ġie impjegat mill-istabbiliment indikat bis-saħħa ta' programm li jitmexxa mill-Fondazzjoni Eden u l-Korporazzjoni ta' Xogħol u Taħriġ u li l-għan prinċipali tiegħu huwa li jinstab impjieg għal persuni b'diżabilita'. Jirriżultali minn rapport tad-Dipartiment tax-Xogħol li, f'dan il-każ partikolari, sar kull sforz mill-istabbiliment konċernat sabiex dan iż-żagħżugħ ikun jista jkompli fl-impjieg tiegħu, iżda, anki wara konsultazzjoni ma l-istess Fondazzjoni Eden, instab li dan ma kienx possibbli. Jien infurmat ukoll li, f'dan il-każ, ma kien hemm l-ebda ksur tal-liġijiet li jirregolaw l-kundizzjonijiet tax-xogħol. 1.6.99

Konferenza Nazzjonali dwar il-Qgħad

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kif laqa' t-talba tal-UĦM biex issir konferenza nazzjonali dwar il-qgħad minħabba li pajjiżna bħalissa għandu l-għola ċifra ta' qgħad ta' dawn l-aħħar 12-il sena kif ukoll minħabba li din il-figura telgħet b'1,200 persuna f'dawn l-aħħar sitt xhur?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Nixtieq ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni qegħda tinġabar u risposta tingħata f'xi Seduta oħra. 31.5.99

Djar — Każ bil-file no. RO 50428

Question

Jikkonferma l-Viċi Prim Ministru li l-persuna, li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, qiegħda tgħix f'dar rekwiżizzjonata filed: RO 50428 u l-istatus ta' dan il-fond huwa dokumentat?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Nitlob lill-Onor. Membru jara r-risposta li tajtu għall-Mistoqsija Nru. 6908 li tirriferixxi għall-istess persuna. 31.5.99

Persuni b'diżabilita'

Question

Bil-għan li jissaħħaħ u jitwettaq il-prinċipju li persuni b'diżabilita' jintegraw fid-dinja tax-xogħol fil-gżejjer tagħna, jista' l-Ministru jintroduċi skema ġdida maħsuba sabiex itaffi ftit mill-ispejjeż li jirrikjedu l-azjendi privati sabiex jinvestu u jipprovdu l-aċċessibilita' neċessarja sabiex jikkreaw ftit xogħol lill-persuni b'diżabilita'? Jekk fl-affermattiv, meta?

Response (GONZI, LAWRENCE)

1. Il-Ministeru għall-Politika Soċjali, l-aktar permezz tal-Kummissjoni Nazzjonali Persuni b'Diżabilita' u l-Korporazzjoni tal-Impjiegi u t-Taħriġ hu konxju mill-bżonn kbir li l-persuni b'diżabilita' jipparteċipaw aktar fid-dinja tax-xogħol. Għal dan il-għan, saru dawn it-tlett inizjattivi: (a) fl-1969, il-Gvern ta' dak iż-żmien għadda l-Liġi tal-Impieg (Persuni b'Diżabilita') li fost l-oħrajn tesiġi li 2 fil-mija ta' dawk li jaħdmu jridu jkunu reġistrati bħala persuni b'diżabilita'. Sfortunatament, din il-liġi ftit li xejn ġiet infurzata mill-amministrazzjonijiet kollha; (b) fl-1995, il Kummissjoni ħarġet il-politika nazzjonali dwar dan il-qasam. Dan id-dokument iservi ta' gwida ta' x'għandu jsir f'dan il-qasam; (c) fl-1995 ukoll, il-Korporazzjoni tal-ETC ħadet ir-responsabilita' ta' dan il-qasam u waqqfet unit żgħira biex tieħu ħsieb l-impjieg ta' persuni b'diżabilita'. Din il-unit għandha żewġ skemi biex tgħin persuni b'diżabilita' jidħlu fid-dinja tax-xogħol li kellhom riżultat raġonevolment tajjeb. Dawn l-iskemi ġieli inkludew għajnuna biex l-min iħaddem jingħata assistenza anke finanzjarja biex jirrendi l-post tax-xogħol aċċessibbli. 2. M'hemmx dubju li l-Liġi "Opportunitajiet Indaqs", ser tgħin ukoll biex jintlaħaq dan il-għan. 3. Madankollu hi l-opinjoni tal-Ministeru tiegħi li l-akbar ostakolu biex aktar persuni b'diżabilita' jidħlu fid-dinja tax-xogħol hi l-attitudni in ġenerali tal-pajjiż li għadha tħares lejn il-persuni b'diżabilita' bħala persuni mhux kapaċi u għalhekk hi aktar lesta li toffrielhom penzjoni jew xi forma ta' karita' milli lesta li toffri forom aktar immaġinattivi ta' sapport biex dawn ikunu jistgħu jidħlu fid-dinja tax-xogħol. Il-Ministeru tiegħu ta' l-inkarigu lill-Korporazzjoni tal-Impiegi u t-Taħriġ biex b'konsultazzjoni mal-KNPD u Organiżżazzjonijiet oħra tal-persuni b'diżabilita' jħejju pjan għal dan il-għan. Jiena infurmat li diġa bdew diskussjonijiet f'dan is-sens. 31.5.99

Sigurta' Soċjali — Għajnuna medika

Question

Tista' tiġi nvestigata mill-ġdid it-talba tal-persuna, li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament, għall-għajnuna medika? Hemm xi rimedju li jista' jsir biex hi tkun tista' tkompli tikkwalifika għal din l-għajnuna?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Il-persuna konċernata ġiet infurmata biċ-ċirkostanzi kollha tal-każ tagħha mid-Dipartiment tas-Sigurta' Soċjali. 31.5.99

Sigurta' Soċjali — Romol

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid meta beħsiebu jwettaq il-wegħda li kien hemm fl-aħħar Programm Elettorali tal-Partit Nazzjonalista fuq paragrafu 18 li romol mhux se jibqgħu jiġu ntaxxati bħala ġuvintur?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Nitlob lill-Onor. Interpellant li billi l-Mistoqsija tiegħu tirreferi għat-taxxa fuq l-income li jkollhom iħallsu r-romol, din jressaqha lill-Onor. Ministru tal-Finanzi. 31.5.99