Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 9 PQ #8874 Sitting 136 1999-07-19 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

PBS — Network Publications

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'kien il-ftehim kuntrattwali tal-kumpannija Network Publications mal-PBS dwar il-produzzjoni tal-programm Outlook Europe? Veru li din il-kumpannija waqqfet ħesrem li tipproduċi dan il-programm? Ġiet imposta xi multa mill-PBS, jekk hu minnu, li kien hemm ksur ta' kondizzjonijiet kuntrattwali?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li dan kien kuntratt ta' natura kummerċjali ma' Network Publications li twaqqaf u l-PBS se timxi skond il-klawsoli ta' dan il-kuntratt.
Leg 9 PQ #8910 Sitting 136 1999-07-19 Oral · Final From: MICHAEL ASCIAK To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel — Persuna bi bżonnijiet speċjali

Question

Jista' l-Ministru jagħti raġuni għaliex id-dipartiment ma jipprovdix facilitator għall-persuna bi bżonnijiet speċjali meta din il-persuna tkun qed tattendi skola privata?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-Gvern iħallas għas-servizz ta' facilitator jew Kindergartenn Assistant għal persuni b'diżabilita` meta dawn ikunu jattendu skejjel privati tal-Knisja. Informat ukoll li għad m'hemmx ftehim simili ma' skejjel privati indipendenti.
Leg 9 PQ #8917 Sitting 136 1999-07-19 Oral · Final From: CHRIS AGIUS To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Valletta — Dar il-Mediterran

Question

Jista' l-Ministru jgħid kif kienet spiċċat l-inkjesta wara l-ħruq li kien hemm f'Dar il-Mediterran?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-inkjesta ġudizzjarja dwar il-ħruq f'Dar il-Mediterran għadha mhix mgħaluqa għaliex erba' esperti tal-Qorti għadhom ma espletawx l-inkarigu tagħhom.
Leg 9 PQ #8918 Sitting 136 1999-07-19 Oral · Final From: CHRIS AGIUS To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel — Xogħol ta' manutenzjoni

Question

Issa li spiċċat is-sena skolastika, jista' l-Ministru jagħti lista ta' skejjel, kemm primarji kif ukoll sekondarji, li fihom se jsir xogħol ta' maintenance fil-livell li kienu saru fis-sajf ta' l-1997 u l-1998? Se jiġu nvoluti l-kunsilli lokali kif kien sar ukoll dak iż-żmien?

Response (GALEA, LOUIS)

Ser inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista ta' xogħlijiet ta' manutenzjoni li d-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni qed tipproponi li jitwettqu matul is-sajf tal-1999. Dawk ix-xogħlijiet li huma mmarkati bl-ittra 'Y' jindikaw li se jsiru flimkien mal-Kunsilli Lokali. Informat li xogħol ta' manutenzjoni inbeda wkoll fil-kumpless ta' Bighi, fejn se jitwaqqaf l-Istitut tar-Restawr. Informat ukoll li L-'iSteering Committee for Schools Refurbishment' iddeċieda li jipposponi x-xogħol fl-Iskejjel Primarji tar-Raħal il-Ġdid għas-sena d-dieħla minħabba raġunijiet tekniċi.
Leg 9 PQ #8919 Sitting 136 1999-07-19 Oral · Final From: CHRIS AGIUS To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel — Eżamijiet tal-Junior Lyceum

Question

Jista' l-Ministru jagħti lista, lokal b'lokal, maqsumin skond is-sess, ta' dawk it-tfal li għaddew għall-Junior Lyceum Form I? Jista' jagħti lista wkoll ta' kemm għaddew tfal għall-istess eżami, lokal b'lokal, għal kull suġġett?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-informazzjoni mitluba se tkun fl-istatistika tar-Rapport li se jkun ippubblikat ma jdumx.
Leg 9 PQ #9071 Sitting 136 1999-07-19 Oral · Final From: HELENA DALLI To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Dipartiment ta' l-Edukazzjoni — Kotba ta' awturi Maltin

Question

Jista' l-Ministru jagħti tweġiba għall-mistoqsija parlamentari numru 7659?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li d-Dipartiment tal-Kurrikulu qed jippubblika kotba u materjal għat-tagħlim bil-Malti għal studenti fl-iskejjel primarji u sekondarji. Informat ukoll li ftit ilu ħarġu żewġ pubblikazzjonijiet ġodda u bħalissa għaddej xogħol fuq pubblikazzjoni oħra.
Leg 9 PQ #9072 Sitting 136 1999-07-19 Oral · Final From: HELENA DALLI To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Universita' — Nefqa fuq riċerka

Question

Jista' l-Ministru jagħti tweġiba għall-mistoqsija parlamentari numru 7660?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li n-nefqa fuq riċerka fl-Universita` ta' Malta tul dawn l-aħħar għaxar snin mill-1990 sa llum hi kif tidher fid-Dokumenti "A" li ser jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra. F'dan id-dokument jidhru d-Dipartimenti, Fakoltajiet u Istituti Universitarji u l-ammonti rispettivi ta' kif ġew allokati l-flus. Informat ukoll li l-flus għar-riċerka jkunu dejjem allokati għal proġetti interi skond il-bżonnijiet tad-dipartiment u l-utilita` tal-proġetti. Dawn jistgħu jinvolvu kemm studenti kif ukoll għalliema skond in-neċessita` waqt li jkun qed jitwettaq il-proġett.
Leg 9 PQ #9081 Sitting 136 1999-07-19 Oral · Final From: JOE MIZZI To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Bighi — Ċentru tar-Restawr

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk ġiex maħtur id-Direttur taċ-Ċentru tar-Restawr ta' Bighi? Jekk fl-affermattiv, min hu u jista' jgħid jekk kienx hemm sejħa għall-applikazzjonijiet, liema kienu l-gradi li setgħu japplikaw, sarux interviews u xi kwalifiki kienu meħtieġa? Jekk ma sarux interviews, kif ġiet magħżula l-persuna li se tmexxi ċ-ċentru? X'inhuma l-kwalifiki tagħha u jista' jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-lista ta' dawk kollha li applikaw bil-kwalifiki tagħhom?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li d-Direttur taċ-Ċentru tar-Restawr ta' Bighi sejjer jintgħażel minn "short-list" ta' tliet kandidati li tħejjiet wara interviews li saru nhar it-Tlieta 6 ta' Lulju 1999. Bħalissa għadhom għaddejjin it-trattattivi finali mal-persuni konċernati. Din ix-short-list tħejjiet wara li kien hemm sejħa għall-applikazzjonijiet li ġiet ippublikata f'Ġunju li għadda kemm fil-Gazzetta tal-Gvern kif ukoll fl-istampa lokali. Is-sejħa għall-applikazzjonijiet speċifikat tliett kriterji prinċipali għall-pożizzjoni ta' Direttur, jiġifieri li din il-persuna tkun gradwat, b'esperjenza fi tmexxija t'ażjenda b'missjoni pubblika u b'dimensjoni internazzjonali. L-għażla saret mill-Board of Governors taċ-Ċentru tar-Restawr fuq rakkomandazzjoni ta' Selection Board kompost miċ-Chairman u żewġ membri tal-Board of Governors li sejħu għal intervista lil dawk il-kandidati li mill-applikazzjonijiet tagħhom dehru li jissodisfaw il-kriterji indikati. Il-liġi fuq il-ħajja privata hi tali li ma teżistix biżżejjed ġustifikazzjoni li l-applikazzjonijiet t'individwi privati jiġu mxandra, speċjalment jekk dawn ma jixtiqux ixandru l-fatt li tefgħu applikazzjoni, ħaġa li tista' tkun ta' ħsara lill-impjeg preżenti tagħhom. Iżda, jekk l-Onor. Membru jixtieq aktar dettalji, ninsab informat li l-Board of Governors taċ-Ċentru Malti tar-Restawr jista' jilqgħu f'laqgħa fejn jiġi muri kopji anonimizzati tal-applikazzjonijiet li rċieva u jkun dispost iwieġeb kwalunkwe domanda raġonevoli.
Leg 9 PQ #9083 Sitting 136 1999-07-19 Oral · Final From: HELENA DALLI To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Valletta — Bini tal-"Vedette"

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta se terġa' tinbena l-Vedette ta' fuq is-sur ta' San Gwann, il-Belt?

Response (GALEA, LOUIS)

Nissuġġerixxi lill-Onor. Interpellant biex jirreferi din il-Mistoqsija Parlamentari lill-Ministru responsabbli mill-Works Division.
Leg 9 PQ #9084 Sitting 136 1999-07-19 Oral · Final From: HELENA DALLI To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Din l-Art Ħelwa — Xogħol ta' restawr

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'qed iżomm milli Din l-Art Ħelwa tkun tista' tibda x-xogħol ta' restawr fuq il-Forti l-Aħmar il-Mellieħa?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li m'hemm ebda oġġezzjoni għall-bidu tar-restawr tat-Torri l-Aħmar (ġewwa l-Mellieħa) minn naħa tad-Dipartiment tal-Mużewijiet.
Leg 9 PQ #8189 Sitting 135 1999-07-14 Oral · Final From: JOSEPH CUSCHIERI To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Ministeru ta' l-Edukazzjoni — Petrol/diesel

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm tlaħħaq l-ispiża mill-5 ta' Settembru, 1998 sal-21 ta' Ġunju, 1999 f'petrol jew diesel għall-użu tal-karozzi tal-Ministeru tiegħu karozza b'karozza? Jista' jgħid ukoll kemm laħqet l-ispiża fl-istess perijodu f'petrol jew diesel għall-użu tal-karozzi tad-Diretturi u Chairmen li jaqgħu b'xi mod taħt wieħed mid-dekasteri tiegħu?

Response (GALEA, LOUIS)

Ser inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista (Dok. A) li turi n-nefqa totali f'petrol jew diesel għall-użu tal-karozzi fil-Ministeru u Diretturi u Chairmen li jaqgħu taħt id-dekasteru. Ser inpoġġi wkoll fuq il-Mejda tal-Kamra lista oħra (Dok. B) li wkoll tagħmel paragun ma' infieq f'diesel u petrol fid-dekasteru ta' dan il-Ministeru f'perjodu simili taħt l-amministrazzjoni ta' qabel.
Leg 9 PQ #8356 Sitting 135 1999-07-14 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Għaqdiet sportivi — Użu ta' art/faċilitajiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid fejn wasal ix-xogħol tal-Kunsill Malti għall-Isports biex jittrasferixxi użu ta' art u faċilitajiet lill-għaqdiet sportivi tal-lokalitajiet ta' Malta u Għawdex? Liema għaqdiet se jingħataw l-użu ta' l-art pubblika matul din is-sena? X'konsultazzjonijiet saru s'issa matul din is-sena dwar dan it-trasferiment: 1) mill-għaqdiet sportivi; 2) mill-kunsilli lokali?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-Kunsill Malti għall-Isport qed jistenna li jirċeivi l-abbozz tal-kuntratti mingħand in-Nutar tal-Gvern sabiex ikunu jistgħu jibdew il-laqgħat ta' diskussjoni mal-kumitati ta' l-għaqdiet sportivi u clubs. Kemm il-darba ma jkunx hemm problemi amministrattivi minn naħa ta' l-għaqdiet ikkonċernati, il-Kunsill qed jaħdem biex jittrasferixxi l-użu ta' l-art u faċilitajiet lil dawn l-għaqdiet: SPORT GĦAQDA SPORTIVA LOKALITA` BMX BMX Association Pembroke Boċċi B'Buġia Boċċi Club B'Buġia Lija Boċċi Club Lija Paola Schreiber Boċċi Club Raħal Ġdid Paola Tarxien Boċċi Club Tarxien Senglea Boċċi Club Isla Sta Venera Boċċi Club Sta Venera Xgħajra Boċċi Club Żabbar Żabbar Boċċi Club Żabbar Żebbuġ Boċċi Club Żebbuġ Żejtun Boċċi Club Żejtun Żurrieq Boċċi Club Żurrieq Ċikliżmu Mosta Cycling Club Mosta Football Marsa Football Club Marsa Mqabba Football Club Mqabba Melita Football Club Pembroke Pembroke Athleta SC Ground Pembroke Pembroke Athleta SC ClubHouse Pembroke Qormi Football Club Qormi Sannat Lions Football Club Sannat, Għawdex Żebbuġ Rangers Football Club Żebbuġ Hockey Malta Hockey Association Kordin Judo Malta Judo Association Pembroke* Sports Clubs Ħamrun Liberty Sports Club Ħamrun Paola Wolves Sports Club Raħal Ġdid Tennis Malta Tennis Federation Pembroke* Lija Tennis Club Lija Tennis Club Kordin Kordin Pembroke Rackets Tennis Club Pembroke Vittoriosa Lawn Tennis Club Kordin Waterpolo B'Bugia Aquatic Sports Club B'Bugia Valletta Waterpolo Club Valletta Diġa` saru numru ta' laqgħat ma' rappreżentanti ta' l-għaqdiet sportivi u clubs dwar it-trasferiment tal-faċilitajiet kif ukoll ma' uffiċjali ta' l-Awtorita` ta' l-ippjanar, tad-Dipartiment ta' l-Artijiet u ta' l-Uffiċċju tan-Nutar tal-Gvern dwar l-abbozz tal-kuntratti. Saru wkoll laqgħat ma' Kunsilli Lokali li talbu speċifikament biex isiru dawn il-laqgħat. L-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali għandha wkoll rappreżentant fil-Kunsill Malti għall-Isport li jservi bħala 'link' għal kull konsultazzjoni mal-Kunsilli Lokali. * Art biex tinbena l-faċilita` sportiva.
Leg 9 PQ #8689 Sitting 135 1999-07-14 Oral · Final From: CHRIS CARDONA To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

The International Foundation

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hux informat li dik li hi magħrufa bil-Franċiż u bl-Ingliż bħala Foundationn Internationmal - The International Foundation - Malta, 54, West Street, Valletta VLT 10, tel u fax 237249 u 221473, twaqqfet fl-1997 jew 1998, jiġifieri ferm wara l-istituzzjoni l-oħra Foundation for International Studies, Old University Buildings, Triq San Pawl, Valletta? Jista' l-Ministru jgħid jekk hux qed jikkonsidra jieħu passi legali, direttament jew permezz tal-Foundation for International Studies, kontra The International Foundation għal dak li jidher ċar li hu uzurpazzjoni ta' l-isem, kompetizzjoni żleali u attentat biex joħloq konfuzjoni bejn iż-żewġ fondazzjonijiet? Jista' l-Ministru jgħid ukoll jekk il-ministeru tiegħu minn Settembru 1998 'il hawn kellux xi relazzjonijiet uffiċjali ma' The International Foundation u jekk iva, liema, għal liema skop u b'liema riżultati?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li dina l-Fondazzjoni twaqqfet fl-10 ta' Jannar 1998 jiġifieri fi żmien l-amministrazzjoni preċedenti li ma ħasset li ma kienx hemm raġuni għaliex tieħu l-passi suġġeriti. Jiena qed nieħu l-istess linja tal-amministrazzjoni preċedenti. Informat ukoll li r-risposta għad-domanda f'paragrafu 3 hija fin-negattiv.
Leg 9 PQ #8777 Sitting 135 1999-07-14 Oral · Final From: JASON AZZOPARDI To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel — Istitut Fellenberg - Proġetti

Question

Jista' l-Ministru jispjega x'isir mill-proġetti ta' l-istudenti tal-Fellenberg Institute ta' l-aħħar sena wara li jitlestew? Xi kemm drabi dawn il-proġetti jiġu patented mill-istudenti sabiex jinbiegħu l-industrija? Ġieli ġara li l-industrija jew nies oħra nteressati xtraw jew għamlu użu minn dawn il-proġetti?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-proġetti ta' l-aħħar sena tal-kors fiċ-Ċentru tat-Taħriġ Fellenberg, fil-maġġoranza jkunu propjeta` ta' l-istudenti nfushom. Madankollu meta l-industrija li tisponsorja l-istudent, tisponsorja l-proġett ukoll, allura l-proġett isir propjeta` ta' dik l-industrija. Informat ukoll li d-deċiżjoni jekk proġett jiġix 'parented' jew le hija strettament tal-istudent innifsu u għalhekk ma jinżammx record ta' dan. Pero` hu magħruf li kien hemm każi fejn l-industrija xtrat jew għamlet użu minn proġetti simili.
Leg 9 PQ #8782 Sitting 135 1999-07-14 Oral · Final From: JASON AZZOPARDI To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Ħaġar Qim — Festival

Question

Jikkonsidra l-Ministru li jiġi organizzat festival jew attivita' simili ħdejn it-tempji ta' Ħaġar Qim bħalma sar fit-tempji tal-Ġgantija f'Għawdex sabiex il-Malti jitrawwem aktar fl-apprezzament tal-wirt pre-istoriku li għandna?

Response (GALEA, LOUIS)

Is-suġġeriment li wieħed jorganizza festival ħdejn jew fit-tempji ta' Ħaġar Qim jista' jkun wieħed interessanti iżda għandu jiġi meqjus fil-konfront tat-tiswijiet urġenti li għandhom isiru f'dan is-sit matul ix-xhur li ġejjin, liema tiswijiet jistgħu ma jippermettux li jsiru wirjiet ta' din ix-xorta fil-ġejjieni qrib. Aktar tard, wieħed jista' jikkunsidra din l-ideja wara li jiġi mkejjel l-impatt fuq is-sit u l-aħjar mod kif wirja bħal din tista' tixħet l-attenzjoni fuq il-fdalijiet bl-aktar mod xieraq.
Leg 9 PQ #8322 Sitting 134 1999-07-13 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel — Rapport dwar l-iskejjel speċjali

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta se jitlesta r-rapport ta' Dr Chris Bezzina dwar l-iskejjel speċjali?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li Dr Christopher Bezzina qed jiffinalizza r-rapport tiegħu dwar l-iskejjel speċjali, u hu ttamat li r-rapport jitlesta fil-ġejjieni qrib.
Leg 9 PQ #8323 Sitting 134 1999-07-13 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel — Wirja dwar il-wirt storiku

Question

Il-wirja bix-xogħlijiet ta' l-istudenti minn skejjel differenti dwar il-wirt storiku u kulturali lokali li kellha ssir fl-Iskola Lily of the Valley kemm damet miftuħa? Kemm żaruha skejjel u studenti sakemm damet miftuħa?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li din il-wirja damet miftuħa ġimgħa u ma nżammitx statistika dwar in-numru ta' skejjel jew studenti li żaru din il-wirja.
Leg 9 PQ #8349 Sitting 134 1999-07-13 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Universita' — Classroom support trainers

Question

Jista' l-Ministru jgħid għaliex il-classroom support trainers li għamlu certificate course fl-Universita' ġew ingaġġati biss fuq bażi temporanja bħala supply kindergarten assistants meta persuni inqas kwalifikati minnhom ġew ingaġġati fuq bażi permanenti? Li nittrattaw b'dan il-mod lil dawk li għamlu sagrifiċċju u għaddew mill-kors tal-classroom support trainers mhux qed nissograw li jirriżenjaw għax jaraw ix-xogħol tagħhom fraġli ħafna u hekk jitkissru l-prospetti ta' nies imħarrġa għas-suċċess ta' l-edukazzjoni inklussiva?

Response (GALEA, LOUIS)

Peress li t-tagħrif mitlub irid jiġi verifikat, tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.
Leg 9 PQ #8596 Sitting 134 1999-07-13 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Edukazzjoni — Item No. 60

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm intnefqu flus taħt l-Item 60 sa l-aħħar ta' Ġunju 1999 u fiex intnefqu? Jista' jagħti din l-informazzjonni xahar b'xahar minn Marzu 1999 sa Ġunju 1999?

Response (GALEA, LOUIS)

L-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant dwar kemm u fiex intefqu flus taħt Item 60 xahar b'xahar minn Jannar 1999 sa Ġunju 1999 ser titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.