Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid x'qed iżomm lid-Dipartiment ta' l-Artijiet biex jaqleb il-fond fuq xi ħaddieħor minn tal-familja, li dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament, wara li l-inkwilin preċedenti miet madwar tliet snin ilu?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi sabiex id-Dipartiment tal-Artijiet jaqleb il-kirja minn fuq l-inkwilin ta' qabel għal fuq xi membru ieħor tal-familja sakemm ma jkunx l-armel jew l-armla, irid ikollu l-approvazzjoni tad-Dipartiment għall-Akkomodazzjoni Soċjali. F'dan il-każ id-Dipartiment tal-Artijiet għadu ma rċeviex ebda komunikazzjoni mingħand id-Dipartiment tal-Akkomodazzjoni Soċjali.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid fid-dettall kif tiġi phased in is-sistema Schengen f'pajjiżna kif ukoll it-tħejjiet li qegħdin isiru billi ħafna barranin b'residence permit jew working permit f'Malta qed iħossu inċertezza kbira? X'inhu l-action plan tal-Gvern? X'liaison qed isir mal-Ministeru ta' l-Affarijiet Barranin fl-implimentazzjoni ta' dan l-arranġament? Se jkun hemm xi special unit li tieħu ħsieb problem areas u trobleshooting ta' xi problemi kumplessi li jistgħu jinqalgħu fl-implimentazzjoni tal-ftehim? Kif ser jiġu pproċessati l-ħruġ ta' Schengen u national territorial visas? Huwa minnu li d-dewmien fil-ħruġ tal-visasjista' jitwal milli hu llum? Huwa minnu li fl-Immigration Control fl-ajruport mhix issir distinzjoni bejn barranin bil-permess li jaħdmu Malta jew residenti Malta u barranin li jkunu biss viżitaturi? Ma jaħsibx li billi l-introduzzjoni tas-Schengen qegħda biss sena 'l bogħod għandhom jiġu organizzati briefings u jinħarġu leaflets dettaljati bħala gwida għal dawk kollha li jistgħu b'xi mod dirett jew indirett jiġu effettwati mis-Schengen Agreement?
Response (BORG, TONIO)
Is-sistema tas-Schengen hija mistennija tidħol fażi fażi bit-tneħħija tal-fruntiera bil-baħar ma' l-Italja fl-ewwel ta' Jannar 2008 u t-tneħħija tal-fruntieri mill-ajru mal-bqija taż-żona tax-Schengen sa l-aħħar ta' Marzu 2008. Hemm numru ta' tħejjijiet għaddejjin sabiex ikun assigurat li Malta, bħal pajjizi applikanti l-oħra, tkun tista' tassumi r-
responsabbiltajiet għall-fruntiera tan-Nofsinhar t’isfel taż-Żona tax-Schengen u għalhekk tassigura l-moviment ħieles tal-persuni u ta' l-affarijiet f’din iż-Żona.
Il-pjan ta’ azzjoni tal-Gvern huwa li jassigura li l-infrastrutturi, is-sistemi, il-proċeduri, il-proċessi u l-istrutturi kollha meħtieġa jkunu fis-seħħ, sa nofs Settembru 2007 sabiex ikun assigurat li Malta tista' tgħaddi b'suċċess mill-evalwazzjonijiet stretti neċessarji tal-Kummissjoni ta' l-UE, tal-Kunsill tal-UE u ta' l-istat membri sħab flimkien mat-tmien stati membri l-oħra li daħlu fl-UE fl-1 ta’ Mejju 2004. Fil-fatt, Ċipru kienet l-uniku Stat Membru li pposponiet bi ftit id-dħul tagħha fix-Schengen.
Hemm komunikazzjoni u kooperazzjoni mill-qrib bejn il-Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern u l-Ministeru ta’ l-Affarijiet Barranin u koordinazzjoni mill-Uffiċċju tal-Prim Ministru fis-sens li t-timijiet ta’ dawn il-Ministeri jaħdmu mill-qrib ma’ xulxin, mhux biss fl-iskambju ta’ informazzjoni, iżda wkoll billi jipparteċipaw f’laqgħat u fl-attivitajiet u fit-tħejjijiet għall-evalwazzjonijiet tax-Schengen u fl-implimentazzjoni tal-bidliet meħtieġa.
Se titwaqqaf unita speċjali, magħrufa bħala s-Central Visa Unit, fi ħdan il-Ministeru ta’ l-Affarijiet Barranin, li se tieħu ħsieb issolvi l-problemi u dawk marbuta ma’ ħsarat tekniċi li jistgħu jinqalgħu.
Viżas se jkunu pproċessati prattikament bl-istess mod kif qed isiru bħalissa, jiġifieri permezz ta’ applikazzjoni fil-konsolati ta’ Malta u f’dawk ta’ pajjiżi oħra fejn jeżisti ftehim ta’ rappreżentazzjoni. L-applikazzjoni se tiġi eżaminata fuq numru ta’ kriterji standard fosthom jekk wieħed għandux passaport validu, mezzi biex jirritorna lejn pajjiżu, sussistenza biżżejjed, kondotta tajba u raġunijiet validi biex jidħol Malta, u aktar tard fiż-Żona kollha tax-Schengen, kif ukoll li ma jkunx ta’ theddida għall-immigrazzjoni illegali, is-saħħa pubblika u s-sigurta'.
Jista’ jkun hemm każijiet izolati fl-ipproċessar ta' l-applikazzjonijiet tal-viżaż ta' ċerti nazzjonalitajiet fejn ikun hemm bżonn ta' konsultazzjoni ma' Stati Membri oħra ta' l-UE taħt l-Istruzzjonijiet Konsulari Komuni ta' l-UE u l-Kodiċi Komunitarju ta' l-UE. F’każijiet bħal dawn, peress li mhux taħt il-kontroll dirett ta’ l-awtoritajiet nazzjonali, jista’ jkun hemm xi titwil fil-ħin biex tinħareġ il-viża. Pero’ dawn mistennija jkunu każi ta’ eċċezzjoni u mhux ta’ regola.
Meta Malta tissieħeb fiż-Żona Schengen, id-distinzjoni prinċipali tkun fil-punt tat-tluq tal-passiġġier qabel ma jasal Malta. F'każ li dan ikun minn pajjiż ieħor tax-Schengen, ma jsiru l-ebda spezzjonijiet. Meta dan ikun minn pajjiż barra x-Schengen, isiru spezzjonijiet ta' malajr fuq ċittadini ta' l-UE filwaqt li fuq ċittadini li m'humiex mill-UE, l-ispezzjonijiet jibqgħu jsiru bħal fil-preżent iżda flimkien ma' spezzjonijiet fid-database tas-Sistema ta’ l-Informazzjoni tax-Schengen.
Laqgħat informattivi u t-tqassim ta’ fuljetti se jigu ippreparati pero’ ovvjament dawn jistgħu jsiru biss la darba Malta tgħaddi mill-evalwazzjonijiet kollha tax-Schengen u għalhekk tkun tista’ tissieheb f’din is-sistema.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jagħti dettalji sħaħ dwar kif qed taħdem is-sistema Pisces? X'inhuma r-reporting lines tagħha u lil min? Min huma l-partijiet jew pajjiżi li huma nvoluti fl-information sharing? Liema huma dawk il-pajjiżi l-oħra ta' l-Unjoni Ewropea li daħħlu sistema simili?
Ġaladarba wara 6 xhur il-ġnien G. Camilleri f'San Gwann baqa' fi stat dilapidat u l-kunsill lokali ta' San Gwann mhux qed jinfunzjona kif suppost, jista' l-Gvern ċentrali jieħu lura dan il-ġnien bil-flus allokati biex ir-residenti tal-inħawi jistgħu jerġgħu jgawdu l-ġnien kif suppost?
Response (BORG, TONIO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi b'referenza għall-istat ta' l-imsemmi ġnien, uffiċjali tal-Field Services Unit fi ħdan id-Dipartiment għall-Gvern Lokali reġgħu spezzjonaw dan il-ġnien fit-22 ta' Mejju 2007 u r-rimarki huma kif indikat fir-rapport li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Abbażi kemm tal-Mistoqsija Parlamentari mill-Onor. Interpellant kif ukoll mir-rapport ta' spezzjoni, id-Dipartiment għall-Gvern Lokali beħsiebu jiltaqa' mal-Kunsill Lokali San Ġwann biex jiddiskuti kif il-Kunsill jista' jtejjeb il-qadi tal-funzjonijiet tiegħu f'dan ir-rigward.
Dwar il-fatt li l-Kunsill Lokali San Ġwann "mhux qed jiffunzjoni kif suppost", dan il-Ministeru hu konxju mill-fatt li l-imsemmi Kunsill ilu mingħajr Segretarju Eżekuttiv sa mill-4 ta' Mejju 2007 meta l-istess Segretarju Eżekuttiv irriżenja mill-kariga. Peress li l-Kunsill ma setax jaħtar Deputat Segretarju Eżekuttiv (għaliex il-kariga ta' Segretarju Eżekuttiv kienet vakanti u għalhekk ma setgħetx issir laqgħa tal-Kunsill), inħatar Aġent Segretarju Eżekuttiv biex jassumi din il-kariga sakemm timtela l-kariga ta' Segretarju Eżekuttiv.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid fid-9 ta' Mejju, 2007 kemm-il persuna ġiet irrappurtata li kisret il-liġi dwar il-kaċċa u l-insib? F'kull każ x'kienet l-akkuża?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi l-Pulizija bdiet proċeduri quddiem il-Qorti kontra 5 persuni li nqabdu jiksru r-regolamenti tal-kaċċa u l-insib nhar id-9 ta' Mejju 2007. Tlieta nħarġitilhom ċitazzjoni li sparaw jew ippruvaw jisparaw fuq tajr protett u/jew li aġixxew bi ksur tar-regolamenti tal-kaċċa u l-insib, kif ukoll li fixklu l-uffiċjali tal-pulizija waqt il-qadi ta' dmirijiethom fost l-oħrajn. Filwaqt li tnejn oħra nħarġitilhom ċitazzjoni li kienu għall-kaċċa b'arma tan-nar li kellha kompartiment li jista' jieħu aktar minn (2) skrataċċ fl-istess ħin.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jagħti lista ta' dawk l-impjegati fid-dekasteru tiegħu li qed jieħdu xi forma ta' allowance? X'inhu l-grad u x'inhi r-raġuni wara dan l-allowance?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi t-tagħrif mitlub hu kif jidher fuq it-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid min huma l-avukati tal-qorti f'terminu popolari msejħa tal-fqar? Min huma? X'inhuma l-ħinijiet li jaraw lill-klijenti? X'inhi l-proċedura biex xi ħadd jibbenefika minn dan is-servizz? Fejn jista' kull wieħed minnhom ikun ikkuntattjat?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi l-Avukat ta’ l-Ghajnuna Legali huwa l-avukat Dr. Joseph Mifsud li ghandu mieghu assistent li huwa Dr. Malcolm Mifsud. Dawn jattendu l-Qorti darbtejn fil-gimgha mit-3.00 ‘l quddiem normalment nhar ta’ Tlieta u nhar ta’ Hamis. Wiehed jew l-iehor minn dawn l-Avukati jidher bhala avukat ta’ l-ghajnuna legali fil-qrati kriminali ta’ kompetenza superjuri.
Hemm ukoll l-avukati u prokuraturi legali ex officio. Lista kurrenti taghhom qed titqieghed fuq il-Mejda tal-Kamra. Dawn jidhru ghall-ghajnuna legali fil-Qrati superjuri ta’ kompetenza civili u fil-qrati tal-magistrati kemm ta’ kompetenza kriminali u kemm ta’ kompetenza civili.
Il-procedura sabiex jigi assenjat avukat ta’ l-ghajnuna legali hi regolata bil-ligi. In kwantu ghall-proceduri civili din hi regolata bl-artikoli 911 sa 925 tal-Kodici ta’ Organizzazzjoni u Procedura Civili. In kwantu ghall-proceduri kriminali l-assenjazzjoni ta’ avukat ta’ l-ghajnuna legali hi regolata bl-artikoli 570 sa 573 tal-Kodici Kriminali.
Fil-qosor il-procedura hi kif gej. Fil-proceduri civili tista’ ssir talba b’rikors lill-Prim’Awla tal-Qorti Civili. It-talba tista ssir ukoll bil-fomm lill-Avukat ghal Ghajnuna Legali. Il-persuna li titlob il-beneficcju ta’ l-ghajnuna legali trid tahlef li jidhrilha li ghandha jedd tajjeb u li ma ghandha ebda propjeta tal-valur ta’ tlett elef lira jew aktar. Jahlef ukoll li l-qliegh tieghu fis-sena huwa anqas mill-paga nazzjonali minima. Fil-kalkolu ma jittiehedx qis tar-residenza principali ta’ min japplika. Ir-rekwiziti dwar il-mezzi finanzjarji ma japplikawx fil-kaz ta’ proceduri ghall-korrezzjoni jew thassir ta’ xi registrazzoni ta’ xi att tat-twelid, taz-zwieg jew tal-mewt jew ghal xi registrazzjoni ta’ att bhal dan.
L-Avukat ta’ l-Ghajnuna Legali imbghad jaghmel ir-rakkomandazzjoni tieghu lill-Qorti li taghti d-decizjoni taghha.
Fil-proceduri kriminali fil-qrati superjuri it-talba ghall-beneficcju ta’ l-ghajnuna legali issir jew b’rikors jew bil-fomm lill-Avukat ta’ l-Ghajnuna Legali. Tista’ wkoll tigi informata il-Qort mill-akkuzat u f’dan il-kaz il-Qorti tavza lill-Avukat ta’ l-Ghajnuna Legali li jinforma lill-Qorti bl-isem ta’ l-Avukat ghall-Ghajnuna Legali li jkun se jirraprezenta lill-akkuzat.
Fil-proceduri kriminali fil-qrati tal-magistrati il-qorti tahtar lill-avukat li jkun imissu mill-elenku ta’ avukati ex ufficio. Il-kondizzjonijiet dwar propjeta u dhul li japplikaw dwar il-beneficcju ta’ l-ghajnuna legali fi proceduri civili ma japplikawx ghall-proceduri kriminali.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jara jekk talba biex sinjur, li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament, li talab li jixtri jew jikri biċċa art meta hemm il-ħsieb li toħroġ b'tender?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li l-Uffiċċju Konġunt qiegħed iħejji l-pjanti neċessarji sabiex toħroġ sejħa għal offerti għal bejgħ tal-proprjeta' in kwistjoni.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm kienu l-immigranti illegali li ngħataw working permitf'dawn l-aħħar 10 snin?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li d-Dipartiment taċ-Ċittadinanza u ta’ l-Expatriates li qabel l-1 ta’ Awissu 2005 kien responsabbli mill-ħruġ ta’ liċenzji ta’ impjieg lill-barrannin, qatt ma ħareġ liċenzji ta’ impjieg lil persuni li kienu immigranti illegali f’Malta.
Ninforma lill-Onor. Interpellant ukoll li wara l-1 ta’ Awissu 2005 ir-responsabbilta’ għall-ħruġ ta’ liċenzji ta’ impjieg imxiet għand il-Korporazzjoni għax-Xogħol u t-Taħriġ.
Jista' l-Ministru jara li l-ħajt li hemm f'St Joseph Street, B'Kara wara l-għassa tal-pulizija jitneħħa għaliex qed jagħmel inkonvenjent lill-ġara? Jista' jiġi msewwi l-ħajt ta' wara ta' l-għassa?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi l-preparamenti meħtieġa sabiex jissewwa dan il-ħajt jinsabu fi stat avvanzat u dalwaqt toħroġ il-call for quotations.
B'referenza għall-akkwist ta' proprjeta' għal skopijiet pubbliċi li sar fl-1991 u li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament, peress li s'issa wara li għaddew 16-il sena il-kumpens għadu ma tħallasx, jista' l-Viċi Prim Ministru jara li dan il-ħlas jiġi effettwat kemm jista' jkun malajr?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi l-akkwist li għamlet referenza għalih l-Onor. Interpellanti huwa wieħed minn numru sostanzjali ta'' akkwisti li għadhom pendenti minħabba raġunijiet varji. Il-ħidma fuq dan il-każ qegħda ssir u huwa mistenni li l-każ jingħalaq mal-ewwel possibilita'.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jagħti kjarifika dwar is-sitwazzjoni ta' l-għassiesa (guards) ingaġġati fil-Faċilita' Korrettiva ta' Kordin b'kuntratt ta' tliet snin, kuntratt li jgħid li dawn jitħallsu salarju ta' skala 13 iżda jekk ma jibqgħux b'dan il-kuntratt jiġu fi skala 16? X'inhi s-sitwazzjoni tagħhom rigward il-pensjoni? Il-pensjoni tkun ikkalkulata fuq skala 13 jew skala 16? Iż-żmien li jservu fi skala 16 jgħodd għal 25 sena servizz?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li meta uffiċjali b'kuntratt ta' tlett snin ma jibqgħux b'dan il-kuntratt dawn jaqgħu fis-substansive grade li fil-maġġoranza huwa ta' scale 16. Dan japplika għal dawk l-uffiċjali li ġew ingaġġati wara l-1994.
Fir-rigward tal-pensjoni, din ukoll tkun skond il-grad u għaldaqstant - scale 16.
Iż-żmien li jservu, irrespettivament ikunux fi scale 16 jew 13, jgħodd għal 25 sena servizz.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm hawn kunsilli li għadhom ma ġabrux ċitazzjonijiet minn individwi wara li dawn inqagħtu kontra s-sewwieq? Liema kienu dawn il-lokalitajiet?
Response (BORG, TONIO)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista li turi l-Kunsilli Lokali kollha u l-ammonti ta' flus li dawn għad fadallhom jiġbru għal ċitazzjonijiet li nqatgħu matul dawn l-aħħar sitt snin kontra sewwieqa.
B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 25295 li oriġinarjament saret lill-Ministru tas-Saħħa, Anzjani u Kura fil-Komunita u issa ġiet riferuta lilu, jista' l-Viċi Prim Ministru jpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra l-ftehim (kuntratt) li sar bejn il-gvern u l-privat (Care Malta) għall-bini tad-dar ta' l-anzjani fil-Mellieħa?
Response (BORG, TONIO)
Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi din il-Mistoqsija lill-Ministru ikkonċernat.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm instabu trabi abbandunati fit-triq u/jew f'postijiet pubbliċi sena b'sena mill-1990 sal-lum?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi t-tagħrif mitlub mill-Onorevoli Interpellant beda jinżamm taħt forma komputerizzata minn April ta' l-1997.
Minn dak iż-żmien il-Pulizija irċevew żewġ rapporti fuq trabi abbandunati, dawn kienu fis-6 ta' Novembru 1997 f'tas-Sliema u fl-1 ta' April 2007 f'Bormla.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm ġew reġistrati tfal li twieldu bla missier mis-sena 2000 sal-lum?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi skond informazzjoni miġbura mill-Uffiċċju ta’ l-Istatistika, in-numru ta’ tfal li twieldu minn missier mhux magħruf bejn is-sena 2000 u s-sena 2005 kien kif muri hawn taħt:-
SenaNumru
2000238
2001245
2002282
2003306
2004330
2005322
Jista' l-Viċi Prim Ministru jikkonferma jekk l-art tal-Ministeru ta' l-Edukazzjoni li hemm qrib il-football groundtan-nursery ta' San Ġwann tistax tiġi mgħoddija lin-nursery b'risoluzzjoni tal-Kamra sakemm m'hemmx il-ħsieb li jsir użu ieħor minnha mill-gvern?
Jista' l-Viċi Prim Ministru jagħti informazzjoni dwar kemm hemm Għawdxin fir-rank ta' surġenti u fir-rank ta' kuntistabbli stazzjonati Malta? In vista tal-fatt li riċentement ġew trasferiti 22 pulizija Għawdxin minn Malta biex jaħdmu Għawdex u in vista tal-fatt li f'dan it-trasferiment m'hemmx proporzjon bejn in-numru ta' kuntistabbli u n-numru ta' surġenti li jaħdmu f'Għawdex, jista' jgħid jekk dan il-gvern għandux il-ħsieb li jittrasferixxi surġenti Għawdex kemm bħala numru kif ukoll bħala data meta dan it-trasferiment se jseħħ?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li preżentament, fil-Korp tal-Pulizija, hawn għaxar (10) surġenti u erbgħa u erbgħin (44) kuntistabbli Għawdxi stazzjonati f'Malta.
Dwar it-tieni parti tad-domanda, u kif diġa' kelli okkażżjoni li ngħid fit-tweġibiet għall-mistoqsijiet preċedenti dwar ċaqliq ta' membri tal-Korp tal-Pulizija, tali ċaqliq isir meta u kif ikun bżonn, fl-aħjar interessi ta' l-istess Korp u tal-pubbliku in ġenerali.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid jekk hux permess li kiosks b'encroachment f'bajjiet jitrasferixxu b'bejgħ l-użu ta' dawn il-kiosks lil persuni oħra li m'humiex dawk li oriġinarjament inħarġilhom il-permess mill-ministeru?
Response (BORG, TONIO)
Trasferiment ta' kiosks privati minn persuna għal oħra, ma jaqax taħt ir-responsabbilita' tat-Taqsima Proprjeta' tal-Gvern. Jekk it-Taqsima tkun mgħarrfa b'tali trasferiment, il-permess għall-okkupazzjoni ta' art tal-Gvern, joħroġ fuq isem il-persuna kkonċernata.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid jekk f'April 2007 il-ministeru ħariġx kundizzjonijiet ġodda għal
1) beach concessions
2) kiosks
3) lukandi
li jużaw b'encroachmentxi parti minn xi bajja bir-ramel? Jista' jgħid f'liema bajjiet ħareġ dawn il-kundizzjonijiet? Jista' jqiegħed kopja tal-kundizzjonijiet ġodda fuq il-mejda tal-Kamra?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi mis-sajf li ġej, il-Management tal-Għadira ser isir mill-Awtorita' tat-Turiżmu. In konnessjoni ma' dan, l-operaturi tal-Beach Concessions ġew infurmati li ser jingħatalhom permess ġdid b'kundizzjonijiet ġodda li jirriflettu dan it-tibdil. Qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta' dawn il-kundizzjonijiet.