Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 9 PQ #9813 Sitting 151 1999-10-07 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru tat-Turiżmu

Ministeru tat-Turiżmu — PRO

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari numru 6568 u t-tweġiba mogħtija fl-4 ta' Mejju, 1999, jista' l-Ministru jgħid jekk l-Communications Officer tiegħu għadux jagħti s-servizzi tiegħu mingħajr ħlas? Jekk iva, għandu xi allowance bħal użu ta' mobile phone u vettura? Jekk qed jitħallas kemm hu s-salarju tiegħu u minn meta beda jaħdem?

Response (REFALO, MICHAEL)

Nirreferi lill-Onor Membru għat-tweġiba li tajtu fis-Seduta 136 għall-Mistoqsija tiegħu 8612.
Leg 9 PQ #8578 Sitting 148 1999-10-04 Oral · Final From: JOSEPH CUSCHIERI To: Ministeru tat-Turiżmu

Ministeru tat-Turiżmu — Xogħol nutarili

Question

Jista' l-Ministru jgħid mill-5 ta' Settembru, 1998 'il hawn, x'kien ix-xogħol nutarili li sar mill-ministeru u mid-dipartimenti u entitajiet oħra li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu? Jista' l-Ministru jgħid ukoll f'kull okkażjoni min kien in-nutar li għamel ix-xogħol u xi ħlas sar għalih lill-istess nutar?

Response (REFALO, MICHAEL)

Mill-5 ta' Settembru 'l hawn, ma sar l-ebda xogħol mill-Ministeru jew minn xi dipartiment jew enti parastatali li jaqgħu taħt id-dikasteru tiegħi li kien jirrikjedi servizzi nutarili.
Leg 9 PQ #8479 Sitting 144 1999-07-28 Oral · Final From: JOSEPH CUSCHIERI To: Ministeru tat-Turiżmu

Jum il-Ħelsien

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li l-Festa Nazzjonali ta' Jum il-Ħelsien jiġifieri il-31 ta' Marzu ma ġietx inkluża fil-Malta Calender of Events 1999 li nħareġ mill-NTOM? Jista' l-Ministru jgħid: (a) min ħa din id-deċiżjoni; (b) x'kienet ir-raġuni li ttieħdet din id-deċiżjoni; (ċ) min kien/kienet il-persuna responsabbli mill-pubblikazzjoni ta' dan il-kalendarju; u (d) x'passi ttieħdu biex tkun magħrufa r-raġuni għal dan in-nuqqas?

Response (REFALO, MICHAEL)

Ġejt infurmat li qatt ma ttieħdet deċiżjoni li l-festa nazzjonali ta' Jum il-Ħelsien m'għandhiex tiġi nkluża fil-pubblikazzjoni 'Malta Calendar of Events'. L-Organizzazzjoni Nazzjonali tat-Turiżmu ttenni li parti mill-aħħar tal-paġna li tkopri x-xahar ta' Marzu fil-'Malta Calendar of Events' ta' l-1999 ġiet imgħottija bi żball mid-disinn waqt l-istadju tas-'setting' finali ta' din il-pubblikazzjoni, jiġifieri eżatt qabel ma marret għall-istampar f'Settembru 1998. Minħabba f'hekk, minbarra l-Festa Nazzjonali tal-31 ta' Marzu, tgħattew ukoll tliet avvenimenti oħra li ġraw f'dak ix-xahar. Qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta' kif kellha tiġi ppubblikata din il-paġna qabel waslet għall-istadju msemmi. Ta' min wieħed jinnota illi fil-verżjoni elettronika ta' dan il-kalendarju li tidher fuq l-'Internet', il-festa ta' Jum il-Ħelsien hi nkluża, flimkien ma' avvenimenti oħra.
Leg 9 PQ #8472 Sitting 143 1999-07-28 Oral · Final From: JOSEPH CUSCHIERI To: Ministeru tat-Turiżmu

ITS — Skrivani

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari numru 7494, jista' l-Ministru jagħti l-ismijiet, skond l-ordni tar-risposta tiegħu, ta' l-iskrivani li saret il-mistoqsija dwarhom?

Response (REFALO, MICHAEL)

Qed ngħaddi l-informazzjoni mitluba lill-Onor. Membru privatament.
Leg 9 PQ #8227 Sitting 141 1999-07-27 Oral · Final From: JOSEPH CUSCHIERI To: Ministeru tat-Turiżmu

Ministeru tat-Turiżmu — Refurbishment

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm intnefqu flus f'refurbishment u f'għamara ġdida fl-uffiċċju tal-Ministeru u tad-diretturi jew chairmen li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu mill-5 ta' Settembru 1998 sal-21 ta' Ġunju, 1999?

Response (REFALO, MICHAEL)

Nirreferi lill-Onor Membru għat-tweġibiet li tajt għall-mistoqsijiet numru 546, 2311 u 2649. Minn dakinhar 'il hawn ma ntefqu ebda spejjeż oħra.
Leg 9 PQ #9144 Sitting 139 1999-07-26 Oral · Final From: KARL CHIRCOP To: Ministeru tat-Turiżmu

Sezzjoni tal-Beach Cleaners — Allowance

Question

Għal dak li għandu x'jaqsam mal-beach cleaning section, jista' l-Ministru jispjega għalfejn filwaqt li l-foremen jingħataw allowance tax-xogħol li jagħmlu fil-weekends, dawk li jaqgħu taħthom mill-acting supervisors 'l isfel jingħataw sempliċement time-off-in-lieu?

Response (REFALO, MICHAEL)

Jien infurmat li s-sistema ilha titħaddem għal dawn l-aħħar snin għaliex l-esiġenzi tas-servizz ma jippermettux li l-'foreman' (technical officers) jingħataw 'time-off-in-lieu' għal xogħol fil-'weekends', b'riżultat li minħabba żieda fil-ġranet ta' btala d-Dipartiment jispiċċa mingħajr numru suffiċjenti ta' 'foremen' għal xi żmien matul is-sena. Kien għalhekk li ntlaħaq ftehim ma' dawn l-uffiċjali biex jieħdu flus bħala kumpens għal xogħol li jsir fil-'weekends'.
Leg 9 PQ #8213 Sitting 138 1999-07-21 Oral · Final From: JOSEPH CUSCHIERI To: Ministeru tat-Turiżmu

Ministeru għat-Turiżmu — Safar

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm intnefqu flus f'safar mill-Ministeru tiegħu kif ukoll mid-dipartimenti, korporazzjonijiet jew entitajiet oħra li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu mill-5 ta' Settembru, 1998 sal-21 ta' Ġunju, 1999? Jista' jgħid: 1) x'kienet l-okkażjoni; 2) min kienu l-persuni li siefru f'kull okkażjoni; 3) mingħand min ixtraw il-biljetti tas-safar? Jista' jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-irċevuti konnessi?

Response (REFALO, MICHAEL)

Dwar safar ta' Ministri u Segretarji Parlamentari, nirreferi l-Onor Membru għat-tweġiba li ta l-Ministru tal-Finanzi għall-Mistoqsija Numru 8004. Fit-tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra, qed nagħti tagħrif simili dwar id-dipartimenti, korporazzjonijiet u entitajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħi.
Leg 9 PQ #9031 Sitting 138 1999-07-21 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru tat-Turiżmu

Turiżmu mediterranju

Question

Il-Gvern għamel kalkoli x'diversion ta' turiżmu Mediterranju kien hemm lejn Malta din is-sena minħabba fil-gwerra tal-Balkani u fil-problemi dwar nuqqas ta' sigurta' fit-Turkija?

Response (REFALO, MICHAEL)

Kif żgur jaf l-Onor Interpellant l-industrija tat-turiżmu tistagħna u tissaħħaħ fi żmien ta' paċi u għalhekk gwerer jew inkwiet fil-Mediterran iġibu ħsara għar-reġjun kollu għax in-numru ta' nies li jsiefru jonqos. Għal dak li għandu x'jaqsam man-nuqqas ta' sigurta' li teżisti fit-Turkija nfurmat li hemm xi ċaqlieq lejn destinazzjonijiet oħra lejn fejn il-prezzijiet huma kompatibbli, bħal per eżempju l-pajjiżi tal-Afrika ta' Fuq.
Leg 9 PQ #8204 Sitting 137 1999-07-20 Oral · Final From: JOSEPH CUSCHIERI To: Ministeru tat-Turiżmu

Ministeru għat-Turiżmu — Tindif

Question

Jista' l-Ministru jgħid min għamel ix-xogħol taż tindif fl-uffiċċju tal-Ministeru mill-5 taż Settembru 1998 sal-21 ta' Ġunju, 1999? Jekk jirriżulta li dan it-tindif isir min xi kumpannija privata jista' jgħid: (1) min hi l-kumpannija; (2) kemm tħallset xahar b'xahar; (3) jekk jeżistix kuntratt ma' din il-kumpannija; (4) jekk inħarġitx sejħa għal offerta; (5) jista' jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-irċevuti konnessi?

Response (REFALO, MICHAEL)

Ninsab infurmat li fil-perjodu msemmi sar xogħol ta' tindif ġenerali u ta' twapet qabel ma l-Ministeru daħal fl-uffiċini l-ġodda f'Palazzo Spinola. Ix-xogħol sar permezz ta' 'direct order' lill-'General Cleaners Co Ltd.' L-ispiża kienet ta' Lm265 għat-tindifa ġenerali u ta' Lm238 għat-tindif tat-twapet. Minn dak iż-żmien 'l hawn dan ix-xogħol qed isir minn ħaddiema tal-Ministeru.
Leg 9 PQ #8652 Sitting 137 1999-07-20 Oral · Final From: CARMELO MIFSUD BONNICI To: Ministeru tat-Turiżmu

NTOM — Attivita'

Question

Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra għal-liema raġuni l-aħħar attivita' ta' l-NTOM, fejn fost l-oħrajn kellha ssir espożizzjoni ta' kanuni ta' diversi manufatturi u epoki, ma saritx u jistax jiġi kkonfermat li dan in-nuqqas ta' ftuħ żamm lura l-proġett ta' l-istess organizzazzjoni li nefqet flus fuq materjal pubbliċitarju, b'telf u dannu għat-turiżmu in ġenerali?

Response (REFALO, MICHAEL)

Ir-risposta tingħata f'seduta oħra.
Leg 9 PQ #8962 Sitting 137 1999-07-20 Oral · Final From: CARMELO MIFSUD BONNICI To: Ministeru tat-Turiżmu

Turisti Russi

Question

Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra kemm persuni ta' nazzjonalita' Russa ġew Malta mill-bidu tas-sena sa l-aħħar ta' Ġunju 1999? Jista' jiġi speċifikat l-ewwel kemm kienu ta' sess femminili u maskili u kemm kien hemm familji?

Response (REFALO, MICHAEL)

It-tagħrif mitlub fl-ewwel parti tal-Mistoqsija sa Mejju 1999 huwa kif jidher hawn taħt: 'Tourist Arrivals' mill-Federazzjoni Russa Xahar Total Jannar 1999 421 Frar 1999 182 Marzu 1999 455 April 1999 1,067 Mejju 1999 1,321 Jannar-Mejju 3,446 Minħabba li statistika dwar l-għadd ta' turisti, maqsumin bejn irġiel u nisa, tinżamm mat-tluq tagħhom minn Malta, nista' ngħid li bejn Jannar u Marzu 1999 telqu b'kollox 960 persuna ta' nazzjonalita' Russa, 420 raġel u 540 mara. Ma tinżammx statistika dwar it-tagħrif mitlub fl-aħħar parti tat-tieni mistoqsija.
Leg 9 PQ #8612 Sitting 136 1999-07-19 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru tat-Turiżmu

Ministeru tat-Turiżmu — Impjegat

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk il-kuntratt tal-persuna, li isimha qed jintbagħat separatament, ġiex iffirmat? Jekk iva, jista' jagħti d-dettalji tal-ħlas u kondizzjonijiet oħra li jgawdi minnhom?

Response (REFALO, MICHAEL)

ll-kuntratt mal-persuna li isimha ġie mogħti privatament ġie ffirmat fid-9 ta' Lulju 1999. Is-salarju hu ta' Lm5,889 u 'allowance' ta' Lm1,080 fis-sena. Hemm ukoll 'car allowance' ta' Lm1,680 fis-sena u servizz tat-'telephone' b'xejn.
Leg 9 PQ #8939 Sitting 136 1999-07-19 Oral · Final From: CHARLES BUHAGIAR To: Ministeru tat-Turiżmu

Arei turistċi — Xogħlijiet

Question

B'riferenza għar-risposta ta' mistoqsija parlamentari numru 8730 fejn il-Ministru kkonferma li ma jistax isir xogħol infrastrutturali f'areas turistiċi fix-xhur tas-sajf, jista' l-Ministru jispjega kif għadu għaddej xogħol ta' embellishment f'areas turistiċi kif stqarr il-Ministru ta' l-Ambjent f'mistoqsijiet parlamentari numru 8728 u 8729?

Response (REFALO, MICHAEL)

Nerġa nikkonferma li ma nbeda l-ebda xogħol ġdid fil-lokalitajiet imsemmija mill-Onor Interpellant. Huwa minnu iżda li xi xogħol ta' tlestija u tkomplija qed isir fuq proġetti u dan wara konsultazzjoni bejn il-Ministeru ta' l-Ambjent u l-Kunsilli Lokali nvoluti. Infurmat li x-xogħol mhuwiex ta' xkiel għall-industrija tat-turiżmu.
Leg 9 PQ #8351 Sitting 135 1999-07-14 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru tat-Turiżmu

ITS — Studenti part-time

Question

Peress li l-Ministru qal li n-numru ta' studenti part-time fl-Istitut ta' l-Istudji Turistiċi niżel minn 448 għal 191, jista' l-Ministru jgħid: a) jekk in-numru ta' 448 li kkwota kienx in-numru ta' studenti jew in-numru ta' single modules; b) kemm kien in-numru attwali ta' studenti li kienu jattendu għal module wieħed jew aktar u kemm minnhom irriżenjaw; c) kemm kien in-numru ta' studenti li ma ħallsux għal modules u per konsegwenza telqu l-kors?

Response (REFALO, MICHAEL)

Nikkonferma li l-għadd ta' 448 msemmi fit-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Numru 7527 huwa għadd ta' studenti 'part-time' u mhux 'single modules'. Dawn l-448 student kienu jattendu għall-'module' wieħed jew aktar. Nikkonferma wkoll li kien hemm 257 student 'part-time' li rriżenjaw jew ma baqgħux jattendu għall-'module/s' għal raġunijiet diversi. Ninsab infurmat li ma kien hemm ebda student li rriżenja minħabba l-ħlas għall-'module/s'.
Leg 9 PQ #8352 Sitting 135 1999-07-14 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru tat-Turiżmu

ITS — Studenti

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' studenti li applikaw għall-korsijiet fl-ITS fi Frar li għadda? Kemm minn dawn bdew il-kors u kemm irriżenjaw sal-31 ta' Mejju, 1999, kors b'kors?

Response (REFALO, MICHAEL)

Ninsab infurmat li l-għadd ta' studenti li applikaw għall-korsijiet fi Frar 1999 kien ta' 62. Dan in-numru jinkludi studenti li kienu qed jattendu l-'entry level studies' u ġabu kwalifiki biżżejjed biex jidħlu għal xi kors. L-għadd ta' studenti li bdew xi kors u li rriżenjaw hu kif jidher hawn taħt: KORS BDEW RIŻENJI 'Hospitality Studies' 8 4 'Food and Beverage Service' 9 1 'Food Preparation and Production' 19 2 'Accommodation Operations' 13 1 'Tourism Studies Sports' 2 0 'Tourism Studies Travel' 1 0 'Entry Level Studies' 10 2
Leg 9 PQ #8353 Sitting 135 1999-07-14 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru tat-Turiżmu

Human Resources Audit

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk tlestiex ix-xogħol fuq il-Human Resources Audit li kien kummissjonat mill-Gvern Laburista u li suppost tlesta x-xogħol fuqu fis-sajf tas-sena l-oħra? Jekk ix-xogħol għadu mhux lest, jista' jagħti ndikazzjoni ta' meta se jitlesta dan ir-rapport?

Response (REFALO, MICHAEL)

Infurmat li fl-1997, l-'I.T.S.' għamel stħarriġ mal-lukandi 5/4/3 'stars' u ristoranti sabiex jiġbor informazzjoni fuq l-ħtiġijiet ta' mpjieg fil-lukandi u ristoranti. Fl-1998 intbagħat 'questionnaire' b'riżultat sodisfaċenti u saru wkoll għadd ta' żjarat fl-istabbilimenti sabiex l-'I.T.S.' jikseb aktar informazzjoni dwar id-domanda għall-impjegati għas-snin li ġejjin. Dan is-'supply/demand' 'survey' qed jiġi analizzat. Kif jitlesta, l-'I.T.S.' ikun f'qagħda aħjar jippjana l-korsijiet li joffri biex jissodisfa d-domanda ta' l-industrija. Hu maħsub li l-'Audit' jitlesta sa' l-aħħar ta' Settembru li ġej.
Leg 9 PQ #8182 Sitting 133 1999-07-12 Oral · Final From: JOSEPH CUSCHIERI To: Ministeru tat-Turiżmu

Ministeru għat-Turiżmu — Petrol/diesel

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm tlaħħaq l-ispiża mill-5 ta' Settembru, 1998 sal-21 ta' Ġunju, 1999 f'petrol jew diesel għall-użu tal-karozzi tal-Ministeru tiegħu karozza b'karozza? Jista' jgħid ukoll kemm laħqet l-ispiża fl-istess perijodu f'petrol jew diesel għall-użu tal-karozzi tad-Diretturi u Chairmen li jaqgħu b'xi mod taħt wieħed mid-dekasteri tiegħu?

Response (REFALO, MICHAEL)

Għar-rigward ta' l-ewwel parti tal-Mistoqsija, ninsab infurmat li bejn Settembru 1998 u Mejju 1999 in-nefqa f'petrol jew 'diesel' għall-użu tal-karozzi fil-Ministeru laħqet Lm2,322. Bejn Settembru 1997 u Mejju 1998, jiġifieri f'perijodu simili taħt l-Amministrazzjoni ta' qabel, in-nefqa kienet ta' Lm3,100. Dwar it-tieni parti tal-Mistoqsija, ninsab infurmat ukoll li bejn Settembru 1998 u Mejju 1999 in-nefqa f'petrol jew 'diesel' ta' karozzi ta' diretturi u 'chairpersons' fid-dikasteru ta' dan il-Ministeru kienet ta' Lm1,366. Bejn Settembru 1997 u Mejju 1998 in-nefqa kienet ta' Lm1,181.
Leg 9 PQ #8287 Sitting 133 1999-07-12 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru tat-Turiżmu

Persuni li jistudjaw l-Ingliż f'pajjiżna

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'passi ttieħdu s'issa matul din is-sena u x'passi hemm maħsuba li jittieħdu biex dawk li għandhom liċenzja li jakkomodaw f'darhom persuni li jiġu jistudjaw l-Ingliż f'Malta joqogħdu għar-regoli li ntbagħtu b'ċirkolari tal-11 ta' Jannar, 1999? Minn Jannar, 1999 sa Ġunju, 1999 kemm-il spezzjoni saret għall-ħarsien ta' dawn ir-regoli? Kemm inqabdu familji jżommu aktar studenti milli suppost?

Response (REFALO, MICHAEL)

L-għadd ta' studenti barranin li jiġu Malta bil-għan li jitgħallmu jew jipperfezzjonaw il-lingwa Ingliża qed dejjem jikber u għalhekk qed tikber ukoll il-ħtieġa ta' akkomodazzjoni għalihom. Iċ-ċirkulari tal-11 ta' Jannar ta' din is-sena kienet maħsuba biex tfakkar fir-responsabbiltajiet ta' min iżomm f'daru lil dawn l-istudenti. Minħabba li hemm biss tmien 'Field Officers' li jridu jlaħħqu ma' l-istabbilimenti turistiċi kollha f'Malta u f'Għawdex, spezzjonijiet fi djar li jospitaw studenti barranin isiru biss qabel tinħareġ il-liċenza u meta jsir ilment. Kif jaf l-Onor Membru fl-Awtorita' tat-Turiżmu ta' Malta ser ikun hemm Direttorat ta' l-Infurzar. L-infurzar tal-liġi ser jissaħħaħ mhux biss għax ser jiżdied l-ispettorat u għax ser jingħata taħriġ xieraq iżda wkoll għax il-liġi l-ġdida tipprovdi mezzi aħjar biex isir l-'enforcement'.
Leg 9 PQ #8730 Sitting 133 1999-07-12 Oral · Final From: CHARLES BUHAGIAR To: Ministeru tat-Turiżmu

Arei turistiċi — Xogħlijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni għala l-policy li tħabbret mill-ministru li matul l-istaġun tas-sajf ma jsirux xogħlijiet f'areas turistiċi mhux qiegħda tiġi mplimentata kif jidher ċar mix-xogħol li qiegħed isir fl-areas konċernati kollha?

Response (REFALO, MICHAEL)

Il-'policy' li tħabbret dwar li ma jsirux xogħlijiet fix-xhur tas-sajf (Lulju sa Settembru) tolqot xogħol tal-gvern u ta' organizzazzjonijiet parastatali u mhux xogħol mill-privat. M'inhix infurmat li bħalissa hemm xi dipartiment tal-gvern, korporazzjoni jew kumpanija parastatali qed tesegwixxi xi xogħol infrastrutturali. Għall-aħjar informazzjoni dwar is-suġġett, qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta' ċirkolari mibgħuta mis-Segretarju Permanenti fil-Ministeru tiegħi.
Leg 9 PQ #7494 Sitting 129 1999-06-30 Oral · Final From: JOSEPH CUSCHIERI To: Ministeru tat-Turiżmu

ITS — Skrivani

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm skrivani fl-ITS li qegħdin b'kuntratt? Jista' jgħid meta ġew impjegati, mil-liema lokalita' huma u xi kwalifiki għandhom?

Response (REFALO, MICHAEL)

Ninsab infurmat li fl-'Institute of Tourism Studies' hemm seba' skrivani li qegħdin b'kuntratt. It-tagħrif l-ieħor mitlub mill-Onor Interpellant hu kif jidher hawn taħt: DATA TA' L-IMPIEG LOKALITA' KWALIFIKI 25.04.88 St Andrews Secondary Education 03.01.91 Gżira Secondary Education 10.02.91 San Ġwann 'A' Level 01.10.92 St Andrews Secondary Education 01.11.92 Sliema Sixth Form 20.07.98 Birżebbuġa Sixth Form 01.01.99 Sliema Matric