Legislature:
Category:
Reset
Active:

Mediċina kontra l-kolesterol

Question

Peress illi l-gvern ippermetta li l-mediċina kontra l-kolesterol tibda tingħata lill-anzjani li japplikaw għaliha, jista' il-Ministru jgħid għal liema raġuni dawn l-istess anzjani ma rċevew l-ebda tweġiba għall-applikazzjoni tagħhom minkejja li din saret bosta ġimgħat ilu, u saħansitra fl-ewwel nofs ta' Novembru 2006?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Applikazzjonijiet għall-mediċini kontra l-kolesterol jiġu proċessati fil-Medicines Approval Section fi ħdan l-isptar San Luqa għal pazjenti residenti Malta u fl-ispiżerija ta' l-Isptar Ġenerali t'Għawdex għal pazjenti residenti Għawdex. Il-protokoll għall-mediċini kontra l-kolesterol (HMG CoAReductase Inhibitors [Statins]) ġie estiż għall-anzjani li għandhom il-livell tal-kolesterol għoli fid-demm permezz taċ-ċirkulari tad-Dipartiment tas-Saħħa DH 311/2006 - Entitlement to Statins maħruġa fid-9 ta' Novembru 2006. Għal dawk l-applikazzjoniiet li jiġu pproċessati Malta u li kienu jissodisfaw il-protokoll il-ġdid, iż-żmien ta' proċessar kien dejjem ta' ftit jiem u qatt itwal minn ġimgħa. Il-fatt li l-applikazzjoni ma tkunx konformi mal-protokoll il-ġdid tista' tirriżulta f'aktar dewmien sakemm jinħareġ il-permess.

Rapporti ta' imġieba ħażina ma' l-anzjani

Question

Jista' il-Ministru jikkonferma jekk humiex għaddejjin proċeduri ta' dixxiplina mid-dipartiment jew jekk hux minnu li l-persuna li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, għandu rapporti ta' imġieba ħażina ma' l-anzjani?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li minħabba d-Data Protection Act, din l-informazzjoni ma tistax tingħata.

Għawdex- Sptar Ġenerali — Mediċini

Question

Peress li qiegħed ikun hemm ħafna lmenti dwar id-dewmien fil-ħruġ ta' l-approvazzjoni tal-mediċini mill-isptar ġenerali ta' Għawdex, fost l-oħrajn dewmien ta' aktar minn xahrejn, jista' l-Ministru jgħidilna x'raġuni hemm għal dan id-dewmien kollu?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Peres li dan huwa xogħol li jsir f'Għawdex, nitlob lill-Onor. Interpellant biex jagħmel il-mistoqsija lill-Ministeru kkonċernat.

Pilloli kontra l-Kolesterol

Question

Jista' l-Ministru jgħid issa li l-pilloli kontra l-kolesterol reġgħu bdew jingħataw lill-anzjani, jekk hemmx xi kriterji partikolari biex dawn jingħataw, bħal per eżempju hux qed jingħataw lil min għandu kondizzjoni tal-qalb, jew inkella hux jingħataw lil kulħadd immaterjalment jekk jeżistux xi kondizzjonijiet oħra mediċi?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Kif ġie mgħarraf lill-istampa nhar it-13 ta' Novembru 2006, il-mediċini kontra l-kolesterol qiegħda tingħata b'xejn lil dawk kollha li għandhom livell ta' kolesterol (LDL) jaqbes 4.1mmol/L. Barra minn hekk, pazjenti li jbagħtu minn nuqqas ta' ċirkolazzjoni fil-qalb u li soffrew minn xi attak tal-qalb, jew li għamlu Percutaneous Coronary Intervention, jew Coronary Artery Bypass, huma ntitolati għall-Istatin anki jekk il-livell tal-kolesterol f'demmhom huwa baxx.

Ċentri tas-saħħa — Anzjani li marru biex jaqtgħulhom difrejhom

Question

Jista' il-Ministru jgħid għaliex anzjani li marru f'xi health centres biex jintqatgħulhom difrejhom, ġew informati li dan is-servizz m'għadux jingħata jekk l-anzjan/a ma jkunx għalaq il-75 sena?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-Tweġiba tal-Mistoqsija Parlamentari numru 20257 li twieġeb il-parti kbira tal-Mistoqsija. Nixtieq inżid magħha li l-podoloġisti offrew li jkomplu jaqtgħu difrejn l-anzjani li jkunu għalqu l-75 sena anke saħansitra jekk dawn ma jbatu mill-ebda kundizzjoni patoloġika f'riġlejhom jew mard ieħor.

Persuni Authistic

Question

Jista' l-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 21766, li oriġinarjament saret lill-Ministru tal-Familja u Solidarjeta' Soċjali u li issa ġiet riferuta lilu u jgħid għaliex f'każ ta' persuni bid-diżabilita' ta' autism mhumiex intitolati għall-affarijiet gluten freemeta 80% ta' dawn il-persuni jenħtieġu din it-tip ta' dieta?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li prodotti gluten free jingħataw b'xejn biss lil min ibagħti minn Coeliac Disease li hija waħda mill-mardiet kroniċi elenkati fl-Iskeda V tal-Att dwar is-Sigurta' Soċjali. Il-marda tal-Autism mhix waħda mill-mardiet f'din il-lista u għalhekk min ibagħti minnha mhux intitolat.

Każ dwar Transfer

Question

Jista' l-Ministru jara li talba għal transfer ta' persuna li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament tiġi kkonsidrata? Tista' din il-persuna tiġi informata direttament?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tweġiba mhux ser tingħata peress li hija kontra l-Ordnijiet Permanenti tal-Kamra.

Birkirkara — Health Centre

Question

Jista' l-Ministru jitlob li jinbidel il-ħġieġ tal-health centre ta' Birkirkara għaliex ma jidhrux l-uċuh ta' dawk li jkunu qegħdin jagħtu l-mediċini u dan jista' iwassal għal abbuż? Dawn għandhom ikunu trasparenti u mhux smoked jew bojod?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-ħġieġ ta' l-ispiżerija tal-Gvern taċ-Ċentru tas-Saħħa ta' B'Kara huwa frosted in-naħa ta' fuq tal-partition li jissepara l-ispiżjar mil-klijenti. Dan kien hekk sa mil-bidu tal-ftuħ taċ-ċentru u sar b'dan il-mod peress li l-ispiżerija tidher mit-triq. Madankollu, l-ispiżjar jidher sew meta jkun qed jaqdi l-klijent minn bilqeda.

Gżira — Ċentru tas-Saħħa

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb għal dawn l-ilmenti dwar iċ-ċentru tas-saħħa tal-Gżira: li s-servizz pubbliku spiss qed ikun slow ; li ġieli jkun hemm ġranet fejn, minkejja li s-servizz pubbliku jkun estiż sa wara nofs inhar għal ċerti servizzi, joperaw bi skeleton staff għaliex allegatament ikun hemm staff li jitilqu qabel il-ħin? X'inhuma l-working hours li fihom suppost iċ-ċentru jkun fully operational bil-complement sħiħ ta' l-istaff?

Response (DEGUARA, LOUIS)

L-Onor.Interpellant probabbli qed jirreferi għas-servizz tal-farmaċija fejn veru li dan l-aħħar kien kemmxejn slow minħabba d-decentraliżżazzjoni ta' ħafna mediċini li qabel il-pubbliku kien jiġborhom biss mill-isptar. Dan ukoll ġara minħabba li l-ammont ta' nies bil-kartuna s-safra dejjem qiegħed jiżdied. Għalhekk id-dipartiment tal-Kura Primarja, ftit tax-xhur ilu ħaseb biex itaffi ftit minn din il-problema u l-unika soluzzjoni li sab kien li joffri l-impjegati li jagħtu dan is-servizz , l-overtime. Saret ukoll sejħa għall-applikazzjonijiet biex jiġu ingaġġati iżjed spiżjara liema sejħa waslet biex japplika spiżjar wieħed biss. Peress li mhux l-impjegati kollha setgħu jagħmlu l-overtime fuq bażi regolari, xi wħud minnhom jitilqu fil-ħin tas-soltu stipulat mid-dipartiment u jibqgħu jaħdmu biss dawk ta' l-overtime bħala skeleton staff. Dawn huma l-ħinijiet tal-ftuħ ta' l-ispiżerija skond il-ġurnata u l-overtime: Tnejn, l-Erbgħa u l-Ġimgħa: 8.00a.m. sa 1.30p.m. Tlieta u l-Ħamis: 8.00a.m. sa 3.00p.m. (fis-2.30p.m. jitilqu dawk l-impjegati li ma jaħdmux overtime)

Tobba

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk inbidlitx il-policy li tobba li jkunu għadhom kemm iggradwaw iridu jagħmlu sentejn jaħdmu mal-gvern qabel jirċievu l-warrant? Jekk din il-policy ma tbiddlitx, jista' il-Ministru jgħid jekk f'din l-aħħar sena kienx hemm tobba li tħallew jitilqu minkejja li kienu għadhom ma tawx is-sentejn servizz? Jekk kien hemm , min approvalhom il-permess biex jitilqu u abbażi ta' liema proċedura ingħatat din l-awtorizzazzjoni?

Response (DEGUARA, LOUIS)

L-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant għadha qed tinġabar, Risposta tingħata f'xi seduta oħra.

Fgura — Drenaġġ f'residenza privata

Question

Jista' il-Ministru jgħid għaliex l-ebda Health Inspector ma għamel l-ebda spezzjoni fil-fond li dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament, wara li anzjana mill-Fgura għamlet l-ilment tagħha minħabba d-drenaġġ li dieħel fir-residenza privata tagħha?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Ninsab infurmat li l-persuna riferuta għamlet ilment ma' dan id-Dipartiment fit-28 ta' Novembru, fejn qalet li għandha infiltrazzjoni ta' ilma. Fl-4 ta' Diċembru 2006 sar kuntatt minn uffiċjali ta' dan id-Dipartiment mal-mara ta' l-anzjan fejn ġejna infurmati li bħal issa mhux dieħel l-ebda ilma fir-residenza tagħhom. L-anzjan ġie ukoll fl-uffiċċju ta' Raħal Ġdid fl-4 ta' Diċembru fejn reġa' kkonferma dan u qal li l-ilma jidħol meta tagħmel ħafna xita qawwija. Għalhekk l-anzjan ġie mitlub li kif appena jidħol l-ilma jinforma l-uffiċċju biex jibdew l-investigazzjonijiet neċessarji (dak li jittieħed kampjun ta' l-infiltrazzjoni). Fis-6 ta' Diċembru uffiċjal ta' dan id-Dipartiment aċċerta ruħu li ma hemm l-ebda sadd fil-main tal-Gvern, kif ukoll li l-main huwa f'livel aktar baxx mill-infiltrazzjoni.

Home helper

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'inhuma l-kondizzjonijiet biex wieħed japplika għall-home helper ta' l-anzjani? Hemm postijiet vakanti għal dan it-tip ta' xogħol?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li biex persuna tiġi kkunsidrata bħala kandidata biex tiġi msejħa għal Part Time Social Assistant (Home Helper) għandha tkun qed tirreġistra għax-xogħol ma l-Employment and Training Centre fuq kull lista, jiġifieri kemm fuq List 1,2 jew 3. Vakanzi f'dan ix-xogħol ikollna regolarment, dejjem skond id-domanda għas-servizz mill-anzjani, kif ukoll il-vakanzi li jinħolqu mill-istess PTSAs (Termination of Employment).

Każi ta' HIV

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm kien hawn każi ta' HIV f'dawn l-aħħar ħames snin, sena b'sena imqassma skond nisa, żgħażagħ inqas minn 18-il sena u nies li jabbużaw mid-droga, nisa u rġiel?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba dwar in-numru ta' każijiet ta' HIV f'dawn l-aħħar ħames snin sena b'sena sa l-aħħar ta' Novembru skond (a) nisa, (b) żgħażagħ inqas minn 18 -il sena u (c) nies li jabbużaw mid-droga, nisa u rġiel huma kif ġej: Table 1 HIV cases by gender Year Total Male Female 2004 15 11 4 2005 16 9 7 2006 22 14 8 Table 2 HIV cases under 18 years Year Total Male Female 2004 - - - 2005 2 - 2 2006 1 - 1 Table 3 HIV cases in IVDU's Year Total Male Female 2004 1 1 - 2005 1 1 - 2006 2 2 - Peress li l-HIV ġiet notifikabbli minn Jannar 2004, l-Informazzjoni għas-snin ta' qabel mhux disponibbli.

Applikazzjonijiet għal xiri ta' oqbra

Question

B'riferenza għall-applikazzjoni għal qabar datata 8 ta' Frar 2005 ta' persuna minn San Ġwann li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, jista' l-Ministru jindika fiex qiegħda fil-waiting list u kemm hu t-total ta' talbiet pendenti għall-oqbra?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-persuna riferuta għandha applikazzjoni pendenti għal qabar fiċ-Ċimiterju ta' Santa Marija Addolorata li ġġib id-data 8 ta' Frar, 2005 u għandha numru ta' riferenza DH/39/2005/18. Għalkemm l-applikazzjoni mill-persuna kkonċernata saret fl-2005, din hija meqjusa bħala applikazzjoni riċenti. Bħal ma jsir fil-każijiet kollha meta jkun hawn oqbra għall-allokazzjoni l-persuna tkun infurmata meta jasal it-turn tagħha. In-numru totali ta' talbiet pendenti għall-oqbra fiċ-Ċimiterju ta' l-Addolorata, preżentament huwa 2934. L-aħħar darba li tqassmu l-oqbra ġewwa l-Addolorata kien fl-1991.

Ħaż-Żabbar — Triq Barumbara

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'passi se jieħu d-dipartiment tas-saħħa dwar il-problema kbira ta' ġrieden li hemm fi Triq il-Barumbara, Ħaż-Żabbar, liema ġrieden qed ikunu ta' periklu għat-tfal li jkunu qed jilagħbu fit-triq?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Ninsab infurmat li ħaddiema tal-Pest Control fi ħdan id-Dipartiment tas-Saħħa Pubblika, għamlu trattament intensiv fit-triq imsemmija nhar it-Tnejn 13 ta' Novembru 2006 u reġa' sar trattament ieħor nhar it-Tnejn 27 ta' Novembru. Dawn it-trattamenti msemmija saru bħala rutina. Nixtieq inżid li dan l-Uffiċċju ma rċieva l-ebda lment rigward problema ta' ġrieden f'din it-triq u minn investigazzjonijiet li saru ma rriżulta l-ebda akkumulu li jista' jkun ta' attrazzjoni għal ġrieden.

Saħħa, Anzjani u Kura fil-Komunita' — Direct Orders

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm ħarġu direct orders mid-dekasteru tiegħu din is-sena? Lil min ingħataw, kemm kien il-valur u għaliex? Minn liema dipartiment ħarġu?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant.

Imwiet kawża tat-tipjip

Question

Jista' il-Ministru jgħid matul din is-sena kemm kien hemm imwiet li direttament jew indirettament kienu minħabba t-tipjip? Kemm kienu rġiel u kemm kienu nisa?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Ninsab infurmat li n-numru ta' każijiet ta' mwiet irreġistrati fir-Reġistru Nazzjonali ta' l-imwiet matul ix-xhur ta' Jannar sa Ottubru ta' din is-sena li huma meqjusa bħala li kienu kkaġunati minħabba t-tipjip fiż-żewġ sessi huwa ta' 282 mewt f'residenti ta' Malta u Għawdex. Minn dawn hemm 213 raġel u 69 mara.

Saħħa, Anzjani u Kura fil-Komunita' — Impjegati

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm ġew impjegati ħaddiema ġodda mal-ministeru, dipartimenti u enti oħra fid-dekasteru tiegħu matul is-sena 2005-2006? Jista' jgħid f'liema grad hu kull impjegat ġdid?

Response (DEGUARA, LOUIS)

L-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant hi kif ġej: Ħaddiema ġodda mad-Dipartiment tas-Saħħa New Recruits 2005 Pharmacist 3 Principal 2 Health Inspector 1 Casual Workers 2005 Medical Officer 1 Staff Nurse 9 Pharmacy Technician 1 New Recruits 2006 Principal Pharmacist 1 Pharmacist 3 Occupational Therapist 4 Staff Nurse 2 Assistant Principal 1 Casual Workers 2006 Pharmacist 2 Staff Nurse 23 Medical Laboratory Technologist 1 L-Awtorita tal-Mediċina Matul il-perjodu 2005-2006 l-Awtorita' dwar il-Mediċini impjegat erba' spiżjara fil-grad ekwivalenti għal skala 9. Żammit Clapp Hospital Nursing Aide 15 Enrolled Nurse 2 Clerk 2 Physiotherapist 3 Physio Aide 1 Staff Nurse 2 Pharmacist 1 Dipartiment għall-Anzjani u Kura fil-Komunita 2005 Staff Nurse 13 2006 Kokijiet 2 Casual Staff Nurse 2 Sptar San Luqa 2005 Casual Staff Nurse 1 Dental Surgeon 1 E.S.T.S 2 Executive Officer 1 General Hand 1 Houseman 60 Medical Laboratory Technician 2 Medical Officer 1 Occupational 1 Pharmacist 6 Pharmacy Technician 1 Physiotherapist 12 Principal 1 Staff Nurse 42 Technical Officer 1 2006 sa 27 ta' Novembru Casual MLS 7 Casual Radiographer 5 Casual Staff Nurse 55 Casual Substitute Clerk 1 Consultant 1 Dental Surgeon 3 Dental Technician 3 Director Information and Technology 2 Houseman 43 Medical Laboratory Technician 2 Medical Officer on Contract 1 Midwife 4 Occupational Therapist 4 Part Timer Radiographer 2 Pharmacist 3 Senior Pharmacy Technician 1 Senior Registrar 1 Senior Registrar on Contract 7 Skilled Labourer 1