Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' persuni li tressqu l-qorti matul din is-sena b'konnessjoni ma' droga u reati kriminali oħra? Jista' jgħid ukoll kemm minnhom weħlu ħabs?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi matul din is-sena kien hemm 981 persuna li ġew akkużati quddiem il-Qorti b`delitti. Minn dawn, 256 huma relatati ma` droga. Infurmat ukoll illi 40 persuna mill-ammont ta` 961, kellhom il-każ tagħhom deċiż u weħħlu piena ta` ħabs, filwaqt li 704 għad għandhom il-każ tagħhom pendenti quddiem il-Qorti.
Jista' l-Ministru jgħid kemm ġew solvuti każi ta' Snatch and Grab mis-sena l-oħra sal-lum?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi l-Pulizija ressqet quddiem il-Qorti 14-il persuna dwar 11-il każ ta` snatch & grab li seħħew bejn l-1 ta` Jannar 2000 u s-17 ta` Settembru 2001.
Jista' l-Ministru jgħid meta l-persuni li d-dettalji dwarhom qed jintbagħtu under separate cover kienu mistiedna għal riċevimenti fil-Korp tal-Pulizija, x'kienet l-okkażjoni u f'liema kapaċita' dawn kienu mistiedna?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi l-persuni msemmija mill-Onorevoli Interpellant kienu ġew mistiedna bħala ħbieb tal-Kummissarju tal-Pulizija, għar-riċeviment tal-Milied (1998 u 1999) u tal-Police Day (1999 u 2000).
Jista' l-Ministru jgħid minn Ottubru 1998 kemm-il darba siefer il-Kummissarju tal-Pulizija fuq xogħol konness mal-kariga tiegħu?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi fil-perijodu msemmi mill-Onorevoli Interpellant il-Kummissarju tal-Pulizija siefer 7 darbiet fuq xogħol konness mal-kariga tiegħu.
Jista' l-Ministru jara li jitneħħew il-vetturi abbandunati li hemm fi Triq l-Imnarja, Ħad-Dingli li jidhru fir-ritratti li qed jintbagħtu separatament?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi l-vetturi msemmija mill-Onorevoli Interpellant tneħħew.
Jista' l-Ministru jara meta ser jittieħdu l-passi meħtieġa billi jinħareġ Avviż tat-Twettiq ECF 702/01 u dan hekk kif tgħid il-Mistoqsija Parlamentari no. 26593?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi l-Avviż tat-Twettieq ECF 702/01 inħareġ fil-25 ta` Ġunju 2001.
Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-minerals subject plan maħruġ mill-Awtorita' ta' l-Ippjanar?
Response (BORG, TONIO)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra 4 kopji tal-Minerals Subject Plan for the Maltese Islands. Aktar kopji ta` dan il-pjan jistgħu jittieħdu direttament mill-webpage ta` l-Awtorita` ta` l-Ippjanar (www.pa-malta.org).
Jista' l-Ministru jgħid matul is-sena li għaddiet kemm-il darba l-pulizija Maltija kienet infurmata li xi truck jew trailer ta' Maltin insżammu l-Italja? Meta, x'passi ittieħdu u jekk kienx hemm okkażjonijiet fejn l-merkanzija fuq it-truck jew trailer, kienet konfiskata fl-Italja iżda t-truck u t-trailer tal-Maltin kienu rilaxxati?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi l-Pulizija Maltija ma kelliex informazzjoni kif imsemmi mill-Onorevoli Interpellant.
Jista' l-Ministru jgħid x'servizzi tat l-persuna li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu under separate cover lill-Korp tal-Pulizija jew taqsimiet oħra fil-Ministeru tal-Intern tul l-aħħar snin? Kemm tħallset tas-servizzi li tat?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi l-persuna li għaliha tirreferi l-mistoqsija, għamlet xogħol ta` Trainee Probation Officer mad-Dipartiment tas-Servizzi Korrettivi. Hija ġiet appunatata fl-20 ta` Settembru 1999. Wara li, mingħajr ebda raġuni valida, hija ma baqgħetx tirraporta għax-xogħol, b`effett mill-11 ta` Mejju 2000, hija ġiet ikkunsidrata bħala li rreżinjat mis-Servizz Pubbliku b`effett mill-25 ta` Mejju 2000 skond ir-Regolamenti ta` l-1999 tal-Kummissjoni dwar is-Servizz Pubbliku.
Fil-perijodu li kienet impjegata mad-dipartiment din il-persuna kienet għada fi stadju ta` osservazzjoni u qatt ma ingħatat każi partikolari ta` probation.
Din il-persuna tħallset is-somma ta` Lm2,688.234 f`salarji u Bonus. Minn din is-somma hija għandha tirrifondi l-ammont ta` Lm141.12 li rċeviet bħala salarju żejjed għax-xahar ta` Mejju 2000.
Sal-lum dan il-ħlas lura lid-dipartiment għadu ma sarx minkejja diversi ittri lil istess persuna.
Ninsab infurmat ukoll illi f`okkażżjoni waħda l-persuna in kwestjoni għamlet traduzzjoni ta` sentenza ta` Qorti barra minn Malta fuq talba tal-Korp. Ma sar ebda ħlas minn fondi pubbliċi għal dan ix-xogħol.
Jista' l-Ministru jgħid minn Ġunju sa Settembru 2001, kemm il-persuna inqabdet: 1 Tbiegħ is-sigaretti lit-tfal taħt l-eta' stipulata bil-liġi? 2 Tbiegħ xorb alkoħoliku minn ħwienet bħal tal-grocer etc, iżda mhux magħduda bħala post ta' divertiment? 3 Fl-istess żmien kemm il-persuna inqabdet tbiegħ xorb alkoħoliku fid-diversi postijiet ta' divertiment? 4 Jistgħu jingħataw il-figuri ukoll għall-Għawdex? 5 X'passi ittieħdu fejn instab ksur ta' liġi?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi fil-perijodu imsemmi mill-Onorevoli Interpellant, filwaqt li ma kien hemm ebda persuna li nqabdet tbiegh sigaretti lil tfal taħt l-eta`, kien hemm 4 persuni li nqabdu jbiegħu xorb alkoħoliku lill-persuni taħt is-16-il sena f`postijiet ta` divertiment. Dawn il-każi kollha kienu f`Malta, u qed jittieħdu proċeduri quddiem il-Qorti kontra dawn l-istess persuni.
Jista' l-Ministru jgħid kemm ġew irrapurtati każi lill-Pulizija dwar vjolenza domestika mis-sena l-oħra sallum u kemm minnhom se jitressqu l-qorti?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi bejn l-1 ta` Jannar 2000 u s-17 ta` Settembru 2001, kien hemm 310 rapport lill-Pulizija dwar każi li b`xi mod jinkwadraw taħt it-titolu ta` vjolenza domestika. Infurmat ukoll illi fl-istess perijodu, dwar dawn il-każi, tressqu l-Qorti 248 persuna.
Jista' l-Ministru jgħid tistax titpoġġa fuq il-mejda tal-kamra lista ta' postijiet tal-Gvern li bħalissa d-Dipartiment tal-Artijiet jista' joħroġ għall-kera b' tender fil-Belt u fil-Floriana?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi bħalissa fil-Belt u l-Furjana hemm post wieħed biss li t-Taqsima Proprjeta` tal-Gvern tista` toħroġ b`tender għall-kiri. Dan huwa 10, Triq Sant`Anna, il-Belt. Hija l-policy tat-Taqsima Proprjeta` tal-Gvern li meta post ikun jista` jinħareġ b`tender dan isir fi żmien qasir.
Jista' l-Ministru jgħid x' inhu n-numru ta' l-applikanti minn kull pajjiż barrani li applikaw għad Dual Cittizenship fix-xahar ta' Ġunju sa l-Aħħar ta' Awissu?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi ma tinżammx statistika tat-tagħrif hekk kif mitlub mill-Onor. Interpellanti.
Meta każ ta` ċittadinanza doppja jiġi ikkonfermat, tinżamm statistika mid-Dipartiment taċ-Ċittadinanza tal-pajjiż l-ieħor involut.
Ninsab infurmat ukoll illi bejn Ġunju u Awissu 2001, id-Dipartiment ħareġ 178 konferma lil ċittadini Maltin li huma wkoll ċittadini tal-pajjiżi li jidhru fit-tabella li qed inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra.
Il-biċċa l-kbira tat-talbiet għal dawn il-konfermi saru ħafna qabel il-perijodu Ġunju – Awissu 2001.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hemm applikanti għall-aħħar sejħa ta' kuntistabbli? Kemm minnhom kienu nisa u kemm irġiel? Jista' jgħid f' kull każ x' għandhom kwalifiċi?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi kien hemm 229 applikant għall-aħħar sejħa għal ingaġġ ta` kuntistabbli fil-Korp tal-Pulizija. Minn dawn 122 huma rġiel u 107 nisa. Il-kwalifiċi huma kif jidhru fuq it-tabella li qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Ninsab infurmat illi t-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant hu kif jidher fit-tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Il-lista li turi l-applikazzjonijiet approvati għal djar ġodda f’Outside Development Zones bejn l-1 ta’ Lulju 1998 u l-1 ta’ Lulju 2001, inklużi dawk approvati fuq talba għal rikonsiderazzjoni.
Kien hemm 13 il-applikazzjoni approvati f’Outside Development Zone li
huma kif spjegat hawn taħt:
2 minn bidwi u raħħal full-time;
3 li diġa` kellhom il-permessi minn qabel u dawn ġew imġedda;
1 li qiegħda f’tarf iż-żona ta’ l-iżvilupp;
1 li qiegħda eżatt fuq il-linja ta’ l-iżvilupp;
1 f’committed area b’diversi permessi tal-PAPB;
1 f’area li diġa` għandha permessi estensivi;
1 f’nofs hamlet;
1 fi triq li diġa` fiha diversi bini approvat;
1 li tifforma parti minn grupp ta’ bini eżistenti;
1 li fuq is-sit kien hemm diġa` permess għal dar u garaxx u nbena biss il-garaxx. Saret applikazzjoni ġdida biex jitneħħa l-garaxx u tinbena dar u garaxx ġdid.
Ma` dawn wieħed jista’ jżid 11 il-każ ieħor li huma f’infill sites, jiġifieri siti li huma maqbuda minn bini eżistenti bil-permess u każ ieħor ta’ bini fl-Imtarfa li hija area mibnija stabbilita.
Kien hemm 5 każijiet oħra li għalihom l-Awtorita` kellha toħroġ permess wara li sar appell lill-Bord ta’ l-Appell u dan ordna lill-Awtorita` biex toħroġ il-permessi meħtieġa.
Nixtieq infakkar lill-Onor. Interpellant li l-membri ta’ din il-Kamra huma mitluba jiddikkjaraw l-interess tagħhom fuq mistoqsijiet li r-risposti għalihom jistgħu ikunu ta’ interess personali. Dan qed ngħidu fid-dawl tal-fatt li l-Onor. Interpellant għandu każ pendenti quddiem l-istess Awtorita` ta’ l-Ippjanar fuq bini barra l-area ta’ l-iżvilupp.
Jista' l-Ministru jgħid kemm tħarrku u ttellgħu persuni l-qorti fuq moħqrija ta' l-annimali matul l-ewwel sitt xhur tas-sena mill-pulizija? Jista' jagħti l-istess informazzjoni għas-snin 1999 u 2000?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi matul l-ewwel sitt xhur ta` dawn l-aħħar tlett snin ittellgħu 13-il persuna l-Qorti fuq moħqrija ta` annimali. Dawn kienu kif ġej :-
1999
2000
2001
2
7
4
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' kolliżjonijiet tat-traffiku rapportati lill-pulizija matul l-ewwel sitt xhur tas-sena? Kemm minnhom kienu fatali u kemm weġġgħu persuni kawża ta' dawn l-inċidenti tat-traffiku?
Jista' l-Ministru jagħti l-istess informazzjoni għall-istess perijodu għas-snin 1997, 1998, 1999 u s-sena 2000?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi t-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant huwa kif jidher fuq it-Tabella li qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra. Infurmat ukoll illi t-tagħrif għas-sena 1997 mhux disponibbli bix-xahar.
Jista' l-Ministru jgħid liema huma l-għases li bħalissa jinsabu magħluqa?
Response (BORG, TONIO)
Filwaqt li nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-Tweġiba li jien tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 25196, ninsab infurmat illi minn dan is-sajf il-Pulizija bdiet tagħmel użu minn Mobile Police Station f`Wied il-Għajn.
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari nru. 10446 u ċioe: jgħid kemm twieldu tfal fl-Isptar Karen Grech taħt unknown father għas-snin 2000-2001. Jista' jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra dan it-tagħrif li jinsab fir-Reġistru Pubbliku?
Jista' l-Ministru jgħid x'passi ħadet il-pulizija dwar rapporti regulari li qed isiru dwar storbju u ħsejjes fis-sigħat bikrin ta' filgħodu li qed jiddisturbaw lill-ġirien u li jsiru waqt parties organizzati mir-Russu li jgħix f' appartament nru. 6 f'Romina Flats, Triq il-Ġogi, Swieqi?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi l-Pulizija ta` San Ġiljan ma kellhiex rapporti kif imsemmija mill-Onorevoli Interpellant.
Madankollu l-Pulizija tad-Distrett ingħataw struzzjonijiet biex jinvestigaw dawn l-ilmenti u ninsab infurmat illi l-persuna li toqgħod f`dan il-flat ġiet imwissija mill-Pulizija sabiex ma tagħmilx storbju u ħsejjes li jdejqu l-ġirien.