Jista' l-Ministru jgħid meta ġie mniedi l-iskills gap analysis min-naħa tal-Ministeru tiegħu flimkien mal-ETC u liema huma l-partijiet l-oħra kollha nvoluti f'dan l-eżerċizzju?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-aħħar analiżi li saret fuq nuqqasijiet ta’ ħiliet fis-suq tax-xogħol lokali kien dak tal-Barometru tax-Xogħol imniedi mill-Korporazzjoni tax-Xogħol u t-Taħriġ bejn Novembru 2005 u Frar 2006 u li kien ikopri x-Xitwa 2005 u r-Rebbiegħa 2006. Il-partijiet involuti f’dan l-istħarriġ kienu l-għaqdiet ta’ min iħaddem, l-għaqdiet tal-ħaddiema, korpi kostitwiti u l-imprendituri li kienu intervistati. Dan l-istħarriġ kien l-aħħar wieħed tax-xorta tiegħu.
Informat li fil-ġimgħat li għaddew, il-Korprozzjoni nediet stħarriġ bejn dawn l-imprendituri ż-żgħar li joperaw miż-żona industrijali tal-Mosta. Dan il-proġett pilota sar bil-kollaborazzjoni tas-Segretarjat Parlametari għan-Negozji Żgħar u s-Self-Employed, bil għan li tinġabar informazzjoni fuq nuqqasijiet ta’ ħiliet li dawn l-imprendituri jaffaċjaw minn żmiem għal żmien u biex naraw wkoll x’taħriġ jinħtieġu fil-futur qarib biex itejbu l-ħiliet tal-ħaddiema tagħhom
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm studenti li qed jattendu bħalissa fl-iskejjel speċjali u li qegħdin jistennew biex jiġu trasferiti għaċ-Ċentri ta' l-Adulti u li għadhom m'għamlux is-sena programm ta' transizzjoni? Jista' l-Ministru jikkonferma jekk dawn l-istudenti hux ser jibqgħu fl-iskejjel speċjali għas-sena skolastika li jmiss sakemm il-programm ta' transizzjoni jsir u dan peress li fl-assenza ta' dan il-programm l-istudenti se jsofru konsegwenzi psikoloġiċi serji?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li studenti li qed jattendu bħalissa fl-iskejjel speċjali u li qegħdin jistennew biex jiġu trasferiti għaċ-Ċentri ta' l-Adulti hemm 25, li twieldu bejn is-sen 1984 - 1985. L-ewwel fazi tal-programm tat-transizzjoni diġa' saret.
Bħalissa qed isiru l-arranġamenti meħtieġa bejn l-uffiċjali tal-Ministeru tiegħi u dawk tal-Ministeru tal-Familja u Solidarjeta' Soċjali, sabiex dawn iz-zgħazagħ jimxu għaċ-Ċentri ta' l-Adulti bi programm ta' transizzjoni.
Jista' l-Ministru jelenka x'inhuma d-drittijiet ta' tfal li jkunu dyslexic fis-sistema edukattiva tagħna? Speċifikament x'inhi l-għajnuna li tingħatalhom waqt l-eżamijiet? Per eżempju, fl-Amerka tfal li huma severely dyslexic għandhom l-opportunita' li jingħataw eżamijiet orali, waqt li fl-Ingilterra The Disability Discrimination Act part 4, Examinations and Assessment Good Practices Act tistabilixxi li discrimination can take place by failing to make reasonsable adjustments when they are placed at a substantial disadvantage compared to other people for a reason relating to their disability.
Ġejt infurmat li studenti jingħataw extra time f'ċerti suġġetti biss, meta d-diżabilita' fl-ipproċessar tal-ħsejjes ta' l-ittri u l-kliem fil-moħħ mhix limitata għal ċertu suġġeti biss? Jista' jikkonsidra miżuri verament sempliċi bħal karti ta' l-eżami b'tipa ikbar, jew l-użu ta' word processors għal dawk l-istudenti li għandhom tip ta' dyslexia forsi iktar severa liema għajnuna qed tingħata f'pajjiżi oħra? Kemm hemm educational psychologist li kapaċi jassessjaw it-tfal u kemm hemm minnhom fid-Dipartiment ta' l-Edukazzjoni?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li waqt l-eżamijiet tfal li jiġu ċertifikati dyslexic jingħataw reader, extra time u scribe skond il-ħtiġijiet partikolari kandidat konċernat. Dawn l-arranġamenti speċjali jingħataw propju biex tfal dyslexic ma jiġux svantaġġati. Fil-każ ta' l-eżami għad-dħul fil-Form 1 fil-Junior Lyceum dawn l-arranġamenti jingħataw fil-ħames suġġetti li jiġu eżaminati fihom. Isiru wkoll karti ta' l-eżami b'tipa akbar wkoll kull meta din il-ħtieġa tiġi identifikata u mitluba.
Informat ukoll li fid-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni jistgħu jingħataw servizzi psikoloġiċi biex jassesjaw it-tfal.
Jista' l-Ministru jwiegeb mistoqsija parlamentari 25507 u cioe' : Peress li saru lmenti minn diversi studenti tal-Fakulta' ta' l-Inġinerija dwar is-suġġett Computer Programming liema lmenti kienu dwar eżamijiet li jsiru fuq il-computers ta' l-Universita' u waqt l-eżami kien hemm breakdown tas-sistema, bil-konsegwenza li dawn l-istudenti ma setgħux ikomplu l-eżami u ġew penalizzati għax ma komplewx. Peress li din hija sitwazzjoni inġusta fil-konfront ta' dawn l-istudenti jista' l-Ministru jintervjeni?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li ma kien hemm l-ebda ilmenti dwar is-suġġett "Computer Programming" la mal-Kap tad-Dipartiment u l-anqas mad-Dekan tal-Fakulta'.
Peress li saru diversi lmenti minn studenti tal-B.Com għaliex fil-karti ta' l-eżamijiet tagħhom qed jintalbu jnizzlu isimhom u n-nurmu tal-karta ta' l-identita' minflok l-index number kif normalment isir, jista' l-Ministru jgħid għaliex dan qed isir?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li ma wasal ebda lment dwar dan, la minn xi studenti individwali u lanqas mir-rappreżentanti ta' l-istudenti.
Edukazzjoni, Żgħażagħ u Impjiegi — Karozzi environmental friendly
Question
Jista' l-Ministru jgħid jekk inxtrawx karozzi li ma jużawx diesel/petrol/lrp sabiex jaħdmu u li fl-istess ħin huma aktar environmental friendly fil-ministeru, dipartimenti u enti li jaqgħu taħt ir-responsabbilta' tiegħu matul ix-xhur ta' Jannar, Frar jew Marzu 2007? F'każ li fl-affermattiv, kemm kienet in-nefqa separatament u xahar b'xahar?
Response (GALEA, LOUIS)
Nitlob l-Onor. Membru jirreferi għat-tweġiba tal-Mistoqijsa numru 25260.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kienet in-nefqa fuq safar inkluż spejjeż ta' lukandi, flights u subsistence allowance fil-ministeru, dipartimenti u entili jaqgħu taħt ir-responsabbilta' tiegħu matul ix-xhur ta' Jannar, Frar u Marzu 2007 separatament xahar b'xahar u min kienu l-uffiċjali separatament?
Response (GALEA, LOUIS)
Informazzjoni dwar l-ispejjeż li jinkludu l-flights u substance allowance li jinkludu l-lukandi ser titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' l-Ministru jgħid ta' kemm stilel kienu l-lukandi li marru fihom l-uffiċjali mill-ministeru, dipartimenti u enti li jaqgħu taħt ir-responsabbilta' tiegħu matul x-xhur ta' Jannar, Frar u Marzu 2007, safra b'safra separatament u min kienu dawn l-uffiċjali?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li ma tistax tinżamm l-informazzjoni mitluba mill-Onor. Membru. Hemm diversi okkażjonijiet fejn l-akkomodazzjoni hi mħallsa minn min jistieden. F'okkażjonijiet oħra individwu jingħata substance allowance u għaldaqstant ma tinżammx indikazzjoni ta' kemm stilel tkun il-lukanda.
Issa li dalwaqt jibdew il-vaganzi tas-sajf fl-iskejjel statali jista' l-Ministru jelenka x-xogħlijiet li hemm ippjanata fid-diversi skejjel? Dawn kollha se jinħarġu offerti għalihom?
Response (GALEA, LOUIS)
Ix-xogħol fl-iskejjel hu kontinwu u jsir skond il-proċeduri finanzjarji tal-Gvern.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhu n-numru totali ta' studenti li spiċċaw l-istudji tagħhom fil-Form 5 fl-iskejjel ta' l-Istat, tal-Knisa u dawk indipendneti? Kemm huma subien u kemm bniet?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li n-numru ta' studenti li hu kalkulat li ser jispiċċaw din is-sena fl-iskejjel tal-Knisja u Indipendenti hu:
Subien Bniet Total
Skejjel ta' l-Istat 1681 1754 3435
Skejjel tal-Knisja 814 712 1562
Skejjel Indipendenti 258 243 501
Jista' l-Ministru jgħid għaliex ir-riżultati tar-re-sit li sar għaċ-Ċertifikat aħħari tal-kors Caring for the Eldery (ESF 16), li nżamm fid-19 ta' Frar, 2007, rċevewh fil-21 ta' Mejju, 2007?
Għaliex damu daqshekk biex it-tlett studenti li għamlu dan l-eżami tħallew fl-għama għal tlett xhur sħaħ dwar l-andament ta' xogħolhom? X'kienet l-marka stabbilita' għal pass mark? Għaliex fl-ewwel eżami li sar fl-14 ta' Diċembru, 2006, studenti bid-dyslexia ma ngħatawx l-għajnuna u mbagħad fir-re-sit ingħatatilhom? Għaliex ma ngħatawx din l-għajnuna mill-ewwel meta professjonisti fl-iskola huma konxji li dawn l-istudenti għamlu sforz kbir biex ħadmu fil-kors b'suċċess, iżda ma jifilħux għal pressjoni ta' studju qawwi għat-tieni darba konsekuttiva fi żmien relattiva qasir?
Ma jidhirlux l-Ministru li l-ambjent għal dawn l-istudenti li għandhom ħteġijiet speċjali, fl-aħħar fażi tal-kors, jiġifieri fil-mod kif tmexxew l-eżamijiet, ma jirrifletti xejn, il-policy ta' inclusive education?
Response (GALEA, LOUIS)
Peress li t-tagħrif mitlub għadu qed jinġabar tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.
Jista' l-Ministru jgħid liema huma dawk l-iskejjel li għandhom persuni li qed jagħmlu xogħol ta' security guards jew inkella xogħol li jkunu mal-bieb jew mal-gate ta' barra?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li f'kull skola l-impjegati fil-kategorija tal-minor staff jagħmlu xogħol ta' supervizjoni mal-bieb jew mal-gate ta' barra f'ħinijiet differenti skond il-bzonn kif jidderieġu l-Kapijiet ta' l-iskejjel.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li l-ewwel ġebla tal-kumpless sportiv li se jinbena f'Ħal Kirkop inqalgħet proprju ftit jiem wara ċ-ċerimonja tat-tqegħid u tat-tberik? Jista' jgħid ukoll għalfejn inqala' l-passaġġ li kien għadu kif sar u li kien iwassal għall-istess ġebla li ġiet maqlugħa?
Response (GALEA, LOUIS)
Infurmat li ma’ nqalgħet l-ebda ġebla jew passaġġ fil-kumpless sportiv ta’ Ħal Kirkop.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li fl-eżami avvanzat tal-Chemistry f'paper 2 li sar ftit tal-jiem ilu, il-periodic chart l-ewwel tqassmet u wara reġa' ttieħed l-istess booklet fejn bis-saħħa t'hekk naqset l-għażla ta' l-istudenti għax mistoqsija minnhom tinħadem biha?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li fl-ezami ta' Paper II tal-Chemistry fil-livell avvanzat li sar fid-9 ta' Mejju 2007 l-ebda mistoqsija ma kienet titlob lill-kandidati juru x'jafu dwar il-Periodic Table. Kull informazzjoni li kellhom bzonn biex jinħadmu l-mistoqsijiet kienet inkluza fil-karta ta' l-ezami. Għalhekk l-kandidati la kellhom bzonn kopja tal-Periodic Table u lanqas ma kienu zvantaġġjati fil-għazla tal-mistoqsijiet.
Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra lista tal-kulleġġi kif huma maqsumin u min huwa/hija l-koordinatur rispettiv tagħhom? Jista' jgħid ukoll kull kulleġġ x'riżorsi għandhom bħal ngħidu aħna counsellors, social workers, youth workers, psikologi etc? X'riżorsi oħra hemm speċjalment fl-uffiċċju tal-koordinatur?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li minn 10 Kulleġġi, f’din it-tieni fażi ta’ proġett pilota hemm 7 li qegħdin jiffunzjonaw. Lista tal-Kulleġġi kif huma maqsumin u min huwa/hija l-kooridinatur rispettiv tagħhom ser titpogga fuq il-Mejda tal-Kamra. L-evoluzzjoni ta’ skejjel ta’ l-Istat f’Kulleġġi qed isir mingħajr skossi u l-karatteristiċi u r-riżorsi qed jiġu ntroddotti b’galbu u għaqal li jagħmel il-ġid lill-istudent mingħajr ma jiddisturba r-ritmu sod ta’ l-iskola. F’dan il-mument is-servizz psiko-soċjali għadhom ċentralizzati. ‘L quddiem hemm il-ħsieb li kull Kulleġġ ikollu tim multidixxiplinarju biex nagħqdu aħjar il-bżonnijiet tal-Kulleġġi. Kull Koordinatur għandu appoġġ klerikali u qegħdin ukoll nimplimentaw fuq proġett pilota r-rwol ta’ Precincts Officer. Fix-xhur li ġejjin se joħorgu l-applikazzjonijiet għall-Principali, College Administrators u College Precincts Officers u diversi rwoli oħrajn f’dak li għandu x’jaqsam ma’ servizzi ta’ appoġġ għall-istudenti, inklużi youth workers.
Jista' l-Ministru jgħid għaliex l-għalliema mhux jibbenefikaw mill-iskemi ta' family friendly work practices bħal impjegati oħra fis-servizz pubbliku?
Jista' jgħid għaliex l-għalliema fis-servizz pubbliku ma jistgħux jibbenefikaw mis-sistema ta' reduced hours minħabba l-familja?
Jista' jgħid jekk hux ippjanat li din is-sistema u/jew sistemi oħra jiġux aċċessibbli għall-għalliema fis-servizz pubbliku bħal impjegati oħra fis-servizz?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-għalliema jgawdu minn diversi family friendly work practices bħal leave marbut ma’ maternita’ jew paternita’, leave għat-twelid, leave f’każ ta’ żwieg jew mewt, u waqfa mill-karriera. Uffiċjali fil-grad ta’ għalliem jistgħu jidħlu jaħdmu sa l-aħħar ta’ Frar jew fil-bidu tas-sena skolastika f’Settembru, anke jekk ma jkunux ħadu t-tnax-il xahar kollu tal-leave għall-ġenituri. Il-bqija tal-leave jintilef biex il-lezzjonijiet ma jiġux sfrattati.
Rigward is-sistema ta’ sigħat imnaqqsa wieħed irid josserva li l-għalliema diġa’għandhom ġimgha ta’ kuntatt ma’ l-istudenti fl-iskejjel ta’ 27.5 siegħa (u waqt in-nofs ta’ nhari anke anqas minn hekk) u vaganzi fissi matul is-sena fil-Milied, l-Għid u s-Sajf. Minħabba li fl-edukazzjoni l-interess primarju hu dak tat-tfal u l-istudenti, u minħabba li ħinijiet diġa` limitati li semmejt aktar ‘l fuq kif marbut max-xogħol partikolari ta’ l-għalliema, ikun diffiċli li ġimgħa li diġa’ għandha anqas sigħat ta’ kuntatt dirett tkompli titnaqqas. Fil-livell ta’ kindergarten u primarju l-għalliema mistnenija jgħallmu l-istess klassi għal matul il-ġimgħa kollha. Fil-livell sekondarju s-sistema differenti. Tnaqqis ta’ sigħat ta’ xogħol (tagħlim) fil-livell sekondarju, jekk ma jkunx ippjanat għal matul is-sena skolastika kollha, joħloq problemi serji fit-tagħlim ta’ l-istudenti.
Jaf il-Ministru li l-unika spazju li huwa konvenjenti biex familji li jġibu lil uliedhom b'diżabilita' ġewwa l-Marsa Sports Ground biex jagħmlu l-horse ridingfejn jipparkjaw ilu xhur twal jimtela' bl-imbarazz u l-ħmieġ? Jaf li minkejja d-diversi rapporti li saru biex dan l-ispazju jiġi mnaddaf ma tnaddaf qatt, anzi fl-aħħar ġimgħa kompliet tingħalaq l-entratura bir-rimi ta' skart ta' kostruzzjoni? Għaldaqstant, jista' l-Ministru jassigura li jsir it-tindif meħtieġ ta' dan l-ispazju li tant huwa meħtieġ għall-ipparkjar minn dawn il-familji li għandhom tfal u żgħażagħ b'diżabilita' u jara li jittieħdu azzjonijiet biex ikun hemm deterrent effettiv kontra min qiegħed jagħmel dan il-post miżbla?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-Kunsill Malti għall-iSport ħa passi neċessarji biex dan l-ispazju jiġi mnaddaf kif meħtieġ.
B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 25962, jista' l-Ministru jgħid jekk id-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni għandhiex informazzjoni dwar kemm hemm tfal f'kull klassi fl-iskejjel ta' Malta u Għawdex? Jekk fl-affermattiv, jista' jpoġġi din l-informazzjoni fuq il-mejda tal-Kamra?
Response (GALEA, LOUIS)
Mhux il-kaz li din l-informazzjoni titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
B'referenza għal-mistoqsija parlamentari 25963, jista' l-Ministru jgħid jekk id-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni għandhiex informazzjoni dwar kemm hemm għalliema fl-iskejjel primarji f'Malta u f'Għawdex skola skola? Jekk fl-affermattiv, jista' jpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra din l-informazzjoni? Jista' jgħid ukoll jekk id-Diviżjoni għandhiex informazzjoni dwar kemm hemm għalliema u dan skond is-suġġett li qed jgħallmu? Jekk fl-affermattiv jista' jpoġġi din fuq il-mejda tal-Kamra?
Response (GALEA, LOUIS)
It-tagħrif mitlub ser jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.