Jista' il-Ministru jgħid x'xogħlijiet saru fid-diving sites ta' Malta tul is-sena 2004 u 2005 biex jitjiebu l-aċċessibilita' u l-kwalita' tal-faċilitajiet? Kemm intnefqu flus fuq dawn ix-xogħlijiet? Hemm xi xogħlijiet oħra ppjanati li jsiru fis-sena 2006? Liema?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat illi bejn is-sena 2004 u 2005, l-Awtorita’ Maltija tat-Turiżmu wettqet xogħol biex jitjieb l-aċċess ta’ dive site fiċ-Ċirkewwa. Dan kien jinvolvi xogħol biex jitranġa t-taraġ u biex sar poġġaman ta’ l-istainless steel.
Għal din is-sena, l-Awtorita’ qed taħdem biex ittejjeb l-aċċess ta’ dive site ieħor fiċ-Ċirkewwa. Hemm ukoll pjan sabiex tittejjeb l-aċċessibilita’ u l-kwalita’ tal-faċilitajiet ta’ Wied iż-Żurrieq. Apparti minn dawn, l-Awtorita’ ssottomettiet proposta għall-Fondi Strutturali għall-xogħolijiet fuq dive sites oħra madwar Malta u Għawdex.
Jista' il-Ministru jgħid x'inizjattivi se jittieħdu biex isir pjan strateġiku għas-segment tad-diving bħala parti minn pjan nazzjonali strateġiku għat-turiżmu?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li l-Pjan Strateġiku ta' l-Awtorita' tat-Turiżmu huwa mfassal fuq il-prinċipju li jkopri l-aspetti kolha li twettaq l-MTA fil qasam ta' l-Industrija tat-Turiżmu.
Is-segment tad-diving huwa wieħed minn dawn l-aspetti, u għalhekk ser ikun inkluż fil-Pjan.
Dettalji fuq l-inizjattivi mitluba mill-Onor. interpellant joħorġu mall-publikazzjoni tal-Pjan.
Jista’ l-Ministru jgħid x’passi konkreti qed jieħu l-ministeru tiegħu dwar bejjiegħa tat-time share li qegħdin ikunu ta’ harassment għal diversi turisti fl-inħawi ta’ Buġibba u l-Qawra tant li meta dawn iweġbuhom fin-negattiv jispiċċaw jinsulentawhom u anke jkellmuhom ħażin? Jistgħu dawn l-abbużi jiġu rregolati f’mod effettiv għaliex qed itellfulna ħafna repeat visitors?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Nirreferi lill-Onor Interpellant għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Numru 19112.
Jista' il-Ministru jgħid minn mindu ħadet over il-Heritage Malta kemm tkeċċew ħaddiema barranin u Maltin u kemm telqu minn jeddhom Maltin u barranin?
Kemm għad baqa' barranin jaħdmu u f'liema qasam?
Il-Ministru jikkonferma li għat-tieni sena konsekuttiva hemm biss student wieħed li beda l-BA Hons Conservation?
X'sar minnha l-kwestjoni tal-bini bla permess li bena Cannataci?
Kif spiċċat l-inkjesta dwar serq ta' oġġetti tar-Roman Villa li kienu għal restawr f'Bighi?
Jista' jgħid b'liema mod il-Fondazzjoni Wirt Artna ingħatat is-saluting battery bħala private area? B'tender jew b'avviż fil-Parlament?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li l-ebda ħaddiem ma ġie mkeċċi minn Heritage Malta kemm ilha li ħadet over l-MCR. Ħames ħaddiema barranin u ħamsa Maltin telqu minn Heritage Malta.
Hemm ħames haddiema barranin jaħdmu: waħda fit-
Textiles Division
, wieħed fid-
Documentation
u tlieta fil-
Promet Project
.
F’Ottubru ta’ 2004 kien hemm tliet studenti li rreġistraw għal
BA Hons Conservation
. Kien hemm ukoll 17 li rreġistraw għal
Masonry Heritage Skills Certificate
.
F’Ottubru ta’ 2005 kien hemm student wieħed li rreġistra għal
BA Hons Conservation
u kien hemm 12 li rreġistraw għal
Masonry Heritage Skills Certificate.
Il-kwistjoni qed tkun diskussa bejn uffiċjali ta’
Heritage Malta
u tal-MEPA biex tinstab soluzzjoni fuq dan il-bini u fuq xogħol ieħor li għadu jrid isir fis-sit.
L-inkjesta għadha ma ġietx konkluża u għadha f’idejn il-Pulizija.
Il-proġett ta’ restawr tas-Saluting Battery huwa proġett li qed isir bejn l-Awtorita’ Maltija għat- Turiżmu, il-Proġett għat-Tisbieħ u l-Paesaġġ ta’ Malta fi ħdan il-Ministeru għall-Affarijiet Rurali u Ambjent u l-Fondazzjoni Wirt Artna.
Is-sit innifsu huwa maqsum f’żewġ partijiet fejn il-kmamar tal-batterija ġew mgħoddija lill-FWA mid-Dipartiment ta’ l-Artijiet b’kera, filwaqt li l-pjattaforma tal-batterija għadha f’idejn il-Proġett għat-Tisbieħ u Paesaġġ ta’ Malta, iżda titmexxa mill-FWA. Dan sar bi qbil komuni bejn il-partijiet.
L-obbligu tal-FWA huwa li topera is-sit bħala attrazjoni kulturali, li tagħmel żjarat gwidati għall-pubbliku u li tagħmel dan kollu b’mod ta’ awto-sufficjenza finanzjarja – kif jiġri fis-siti l-oħra kollha li l-FWA tieħu ħsieb.
Jista' il-Ministru jgħid kemm ġie jiswa l-festival fejn intagħżlet il-kanzunetta Maltija għall-Eurovision 2006?
Kemm nefaq il- kumitat li jmexxi dan il-festival fl-aħħar sena? Fuq xiex saru n-nefqiet ta' dan il-kumitat?
Kemm swiet b'kollox il-parteċipazzjoni Maltija fil-Eurovision 2006?
F'kemm pajjiżi saret promozzjoni favur il-kanzunetta Maltija li ħadet sehem fil-Eurovision 2006? Kemm swiet din il-promozzjoni? Min siefer biex jagħmel din il-promozzjoni u kemm intnefaq fuq is-safar?
Kemm swew il-persuni barranin li akkumpanjaw lill-kantant Malti waqt il-kanzunetta tiegħu fil-Eurovision 2006?
Kemm telgħu persuni jakkumpanjaw lill-kantant Malti għall-Eurovision 2006 f'Ateni? Kemm swiet l-akkomodazzjoni u l-ispiża tas-safar u nefqiet oħra f'Ateni?
Minħabba li ta' sikwit qed jidhru fil-gazzetti bl-Ingliż dwar imġieba xejn dekoruża ta' nies li jbigħu t-timeshare, jista' il-Ministru jgħid x'passi ħa, u dan wara li xi xhur ilu għedt li kont se tieħu l-passi meħtieġa biex tikkontrolla l-mod kif joperaw? Fil-fatt x'sar? Kemm daħlu lmenti l-ministeru minn Ġunju, 2005 sal-lum dwar dawk li jbigħu t-timeshare? Ittieħdu xi passi?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li minn Ġunju 2005 sa nofs Mejju 2006 daħlu l-Ministeru u għand l-Awtorita' tat-Turiżmu 77 ilment fuq l-imġieba ta' min jippromovi t-timeshare. Fil-ġimgħat li ġejjin se jiġu ppublikati ir-regolamenti neċessarji sabiex isir aktar kontroll fuq dawk li qed jikkaġunaw dawn l-ilmenti.
Jista' il-Ministru jgħid inħatritx persuna biex tikkordina l-market support disinjat mill-MIA, gvern u s-settur privat, biex iħajjar linji ta' l-ajru tradizzjonali u low cost iżidu l-operazzjonijiet tagħhom lejn Malta? Min hi din il-persuna u meta se tittieħed id-deċiżjoni dovuta u meta se ssir effettiva f'pajjiżna u għal liema staġun turistiku?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Il-Gvern qiegħed jiddiskuti l-iskemi mal-Kummissjoni Ewropea. F’dan l-istadju, l-iskemi qed jiġu koordinati mis-Segretarju Permanenti tal-Ministeru għat-Turiżmu u Kultura.
Jista' il-Ministru jgħid kemm nefqet l-Awtorita' Maltija tat-Turiżmu fuq il-marketing ta' Malta u Għawdex bħala destinazzjoni għall-għaddasa fis-snin 2004, 2005 u 2006 s'issa? Fiex intnefqu, f'liema mezzi u f'liema pajjiżi?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li in-nefqa annwali tal-Awtorita' Maltija tat-Turiżmu f'dak li hu marketing dirett ta' Malta u Għawdex bħala destinazzjoni għall-għaddasa fis-snin 2004, 2005 u 2006 kienet kif ġej:
2004: - Madwar Lm 6,000
2005: - Madwar Lm 5,000
2006: - Madwar Lm 38,000.
In-nefqa għas-sena 2006 tinkludi reklamar speċifiku u parteċipazzjoni ġewwa fieri speċjalizzati tad-diving, li seħħ fl-ewwel ħames xhur tas-sena jew li diġa' ġie ibbukjat u se jsir fix-xhur li ġejjin, sa Diċembru 2006.
Il-marketing imsemmi sar jew se jsir f'dawn il-pajjiżi: Renju Unit, Ġermanja, Italja, Franza, Spanja, Olanda, Russja u Ġappun.
Iċ-ċifri msemmija ma jinkludux spejjez marbuta maż-żjarat ta' ġurnalisti li jiġu mistiedna mil-MTA sabiex jigu Malta u Għawdex u jiktbu dwar il-qasam tad-diving. Ma jinkludux ukoll l-ammont ta' pubbliċita' miksuba mingħajr ħlas permezz tal-ħidma tal-MTA , per eżempju permezz ta' artikli f'gazzetti u perjodiċi miktuba mill-ġurnalisti mistiedna tal-MTA, jew meħudin minn press releases maħruga mill-MTA.
Minbarra dawn, is-settur tad-diving jibbenefika ukoll mir-reklamar ġenerali tal-MTA. Infatti, ir-riklami kollha li toħroġ l-MTA bħala parti mill-kampanja kurrenti jinkludu numru ta' ritratti żgħar li jirrapreżentaw oqsma differenti u jikkumplimentaw ir-ritratt prinċipali. Fil-part l-kbirai ta' dawn ir-riklami jidher ukoll ritratt ta' għaddas.
Meta wieħed iqis dan kollu, il-valur totali tal-marketing għal dan is-settur huwa konsiderevolment akbar min-nefqa mmsemmija hawn fuq.
Jista' il-Ministru jgħid x'sar mill-pjan ta' marketing short-term li kellha l-Awtorita' Maltija tat-Turiżmu għas-segment ta' l-għaddasa tul l-2005? Iċ-ċentri tad-diving ġew informati b'dan il-pjan? Xi twettaq minn dan il-pjan?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ma jirriżultax li l-MTA kellha xi pjan “Short Term” għall-marketing tat-turiżmu għall-għaddasa fl-2005.
Jekk l-Onorevoli Interpellant qiegħed jirreferi għall-proposti li saru mill-PDSA (Professional Diving Schools Association) f’Settembru ta’ l-2004, ninsab infurmat li ma kien hemm ebda ftehim fuq dawn.
Matul is-sena 2005 l-MTA għamlet pubbliċita' speċifika f’ġurnali speċjalizzati għal dan is-suq, hosting ta’ ġurnalisti, kif ukoll operaturi w aġenti ta’ l-ivvjaġġar speċjalizzati, jew ‘professional divers,’ li mbagħad jiktbu jew iwettqu programmi għal Malta u Għawdex, parteċipazzjoni f’fieri speċjalizzati għal dan is-settur.
Jista' il-Ministru jgħid x'inizjattivi se jittieħdu biex intejbu l-prodott li noffru f'pajjiżna għall-għaddasa meta nqisu li qed naqgħu lura ma' destinazzjonijiet rivali, bħall-Eġittu, Kroazja, Greċja u Ċipru u destinazzjonijiet oħra f'inħawi differenti tad-dinja?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Il-Ministeru għat-Turiżmu u Kultura, bl-involviment ta’ l-Awtorita’ Maltija tat-Turiżmu, għadu kemm ħejja proposta estensiva ta’ inizjattivi li għandhom jittieħdu fir-rigward tal-prodott relatat mall-għaddasa. L-inizjattivi jkopru kemm titjib fuq l-art (dive site access point) kif ukoll taħt il-baħar. Minħabba li din is-sottomissjoni qed issir għall-infiq minn fondi tal-Programm għall-Fondi Strutturali li jmiss tal-Unjoni Ewropeja għadu daqsxejn kmieni sabiex inħabbru l-programm fid-dettal. Fil-frattemp l-Awtorita’ Maltija tat-Turiżmu qed tgħin lill-Malta Marine Foundation sabiex timplimenta proġetti ta’ siwi għal din l-industrija. Wieħed mill-proġetti kurrenti huwa l-kreazzjoni ta’ artificial reefs billi jiġu mgħarrqa vapuri li jipprovdu attrazzjoni qawwija għall-għaddasa. Bħalissa qed isiru l-istudji neċessarji mall-MEPA sabiex jitniżżlu żewġ ex-patrol boats tal-Forzi Armati.
Jista' il-Ministru jgħid jekk it-tempju f'Ta' Ħaġrat, l/o Imġarr, Malta huwiex imgħasses lejl u nhar u jekk iva, ma' min huma ngaġġati dawn il-ħaddiema?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li Heritage Malta tuża diversi sistemi ta’ għassa. Dawn jinkludu mpjegati ta’ Heritage Malta, kuntratti għas-servizz minn kumpanji ewlenin ta’ sigurta’ u sistemi oħra ta’ sigurta’ mfasslin għas-sit jew mużew partikolari. Għal raġunijiet ovvji ma jistgħux jingħataw aktar dettalji fuq siti partikolari.
Jista' il-Ministru jpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra l-operations review li għamel il-management efficiency unit dwar is-superintendance of cultural heritage?
Jista' il-Ministru jgħid matul l-ewwel erba' xhur ta' din is-sena kemm kienet l-ispiża tas-safar tal-ministeru, dipartimenti u enti li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu?
Jista' il-Ministru jgħid fiex jikkonsisti x-xogħol li qed isir bħalissa fil-Cottonera Waterfront? Meta hemm il-ħsieb li jitlesta? Jista' jgħid jekk ikkonsultax ma' l-operaturi kummerċjali li hemm fuq is-sit?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Nitlob lill-Onor. interpellant jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.
Jista' il-Ministru jgħid x'inhi l-evalwazzjoni tal-Ministeru dwar il-performance u r-riżultati miksuba s'issa mir-rappreżentanti ġodda maħtura mill-Awtorita' Maltija għat-Turiżmu flok l-uffiċċji barranin li kellha f'għadd ta' swieq ewlenin tagħha?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li r-rappreżentanti ġodda maħtura mill-MTA f’numru ta’ swieq barra minn Malta qegħdin jiffunzjonaw kif mistenni. Dawn ir-rappreżentanti jikkonċentraw l-użu tar-riżorsi li tallokalhom l-MTA fuq attivitajiet ta’ marketing u qegħdin igħinu sabiex jiġu ffrankati eluf ta’ liri li qabel kienu jintefqu fuq spejjeż amministrattivi.
Xieraq li wieħed igħid li kemm ilhom jagħtu servizz lill-MTA, ir-rappreżentanti għamlu numru ta’ workshops u attivitajiet oħra biex jissaħħu r-relazzjonijiet bejn l-operaturi u l-aġenti tal-ivvjaġġar fil-pajjiżi rispettivament rappreżentati minnhom.
Saru attivitajiet ta’ dan it-tip fl-Iskandinavja, Ġermanja, Franza u l-Italja. Hemm ippjanati wkoll attivitajiet simili fil-Benelux. Attivitajiet oħra huma ppjanati għal kmieni fil-ħarifa, sabiex jitkomplew dawn l-inizjattivi fi swieq differenti.
Dawn ir-rappreżentanti wkoll jagħmlu xogħol li jinkludi parteċipazzjoni f’fieri u attivitajiet simili meta jkun hemm bżonn.
Jista' il-Ministru jgħid jekk Pembroke huwiex indikat bħala żona turistika? Jekk fl-affermattiv, jista' jgħid x'kienet ir-raġuni li hu hekk? Jista' jgħid kemm hemm host families liċenzjati f'Pembroke u kemm hemm liċenzji għal stabilimenti turistiċi f'Pembroke?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat illi Pembroke mhuwiex meqjus bħala zona turistika għall-fini ta' kontibuzzjonijiet lill-Awtorita' Maltija tat-Turiżmu skond Avviż Legali 87/2005, pero' qed jiġi inkluż fiz-zona Kostali għall-fini ta' Mmaniġjar ta' Zoni Turistiċi (Tourism Zone Management).
Sas-17 ta' Mejju 2006, f'Pemborke kien hemm liċenzjati tmenin (80) host families u stabbiliment wieħed ta' akkomodazzjoni turistika - Hostel li jinkludi ukoll fih liċenzja ta' bar.
Jista' il-Ministru jgħid x'inizjattivi hemm maħsuba biex jiġu promossi f'pajjiżi oħra lukandi 3-Star f'Malta u f'Għawdex?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li l-promozzjoni li tagħmel l-Awtorita' tat-Turiżmu mhix intenzjonata li tiffavorixxi xi kategorija jew oħra ta' l-akkomodazzjoni.
Il-marketing ta' l-Awtorita' hu mmirat biex jattira l-firxa aktar wiesgħa ta' viżitaturi lejn id-destinazzjoni u dawn jagħmlu l-għażla ta' l-akkomodazzjoni tagħhom skond il-preferenzi u l-budget li jkollhom.
Ta' min jgħid ma' dan kollhu li l-Awtorita' qed taħdem bis-sħiħ biex din is-sena jiġi mniedi internet portal mill-MTA li jagħti l-faċilita' lill-viżitatur jagħmel l-bookings ta' l-ajru u l-akkomodazzjoni on-line. L-istabbilimenti ta' l-akkomodazzjoni kollha ser jingħataw il-faċilita' li jirreġistraw il-proprjeta' tagħhom fuq dan il-portal biex ikunu jistgħu jibbenifikaw minn bookings on-line li jidhru li qed tiżdied il-popolarita' tagħhom.
Peress li qed jasluli lmenti li għandna nuqqas ta' titjiriet mir-Renju Unit, Franza u Ġermanja fost l-oħrajn li qed iwasslu biex eluf ta' turisti ma jistgħux jiġu Malta u Għawdex, anke jekk iridu, jista' il-Ministru jgħid x'passi qed jittieħdu biex tiġi indirizzata din il-problema serjissima?
Jista' il-Ministru jgħid x'għajnuna finanzjarja qed jingħataw tour operators ibbażati Malta jew barra li jispeċjalizzaw biss li jġibu turisti f'Malta u Għawdex?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Peress li l-informazzjoni li qed tintalab hija ta' natura kummerċjali sensittiva, naħseb li ma jkunx prudenti li tingħata informazzjoni dettaljata.
It-total li l-Awtorita' qiegħda tagħti bħala marketing support lit-tour operators ibbażati Malta jew barra, li jġibu turisti f'Malta u Għawdex huwa ta' Lm 1.8 miljuni.
Ma jkolli l-ebda diffikulta' li ngħaddi d-dettalji mitluba mill-Onor. interpellant b'mod privat.