Jista’ l-Ministru jara li jsiru x-xogħlijiet meħtieġa fuq Sqaq tan-Nadur fis-Siġġiewi li pjanta tiegħu qed jingħataw separatament sabiex jitwessa’ u jkun aktar aċċessibbli għan-nies li għandhom l-għelieqi f’dan l-isqaq?
Response (MIZZI, JOE)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi l-Mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.
Jista' l-Ministru jara li x-xogħol li jikkonsisti fi tkomplija ta’ railings, traffic lights kif ukoll bus shelters fost l-oħrajn li kellu jsir xhur ilu fiż-żona tas-Salini jitlesta biex jitnaqqas l-inkonvenjent lir-residenti?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-railings ġew ordnati filwaqt li Transport Malta qiegħda f’komunikazzjoni mal-kuntrattur fir-rigward tat-traffic lights.
Għal dak li jirrigwarda bus shelters, ninforma lill-Onor. Interpellant li Transport Malta għadha kif ħarġet Request for Proposals li titlob għal twaħħil ta’ bus shelters ġodda f’diversi lokalitajiet ġewwa Malta u Għawdex, inkluż dawk li jinstabu ġewwa Triq il-Kosta.
Jista' l-Ministru jindika għal liema raġuni d-dawl (festun) li jinsab mal-promenade tal-Għadira beda jitneħħa, liema dawl ilu fuq l-istess promenade għal dawn l-aħħar tmien snin sajf u xitwa? Dan anke għall-fatt li tul l-istess promenade hemm ukoll tliet lukandi li jibqgħu joperaw tul is-sena kollha.
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-imsemmi festun inbidel u sar kollu kemm hu mill-ġdid. Dan ġie mħallas mill-MTA u mill-Fondazzjoni għaż-Żoni Turistiċi. It-talba biex dan il-festun jinqala’ fix-xhur tax-Xitwa saret mill-MTA kif ukoll mill-Kunsill Lokali tal-Mellieħa u dan biex ma ssirlux ħsara mill-elementi.
Trasport pubbliku – Terminus tal-Belt Valletta – bus shelter għar-rotta 62
Question
Jista’ l-Ministru jara li jiġi installat bus shelter fit-terminus tal-Belt minn fejn jinġabru l-passiġġieri għar-rotta 62 għas-Siġġiewi għaliex jidher li hija waħda mill-ftit fejn il-passiġġieri m’għandhomx fejn jistkennu fil-maltemp?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li fil-preżent, qed jiġu ppreparati l-applikazzjonijiet sabiex jiġu sottomessi lill-Awtorità tal-Ippjanar bil-għan li jigu installati Bus Shelter Canopies fiż-żoni B u C tal-Bus Terminus ġewwa il-Belt Valletta. Fost oħrajn, dawn iż-żoni jinkludu l-Bus Bays wżati mir-rotot tas-Siġġiewi.
Dentisti – Spazju għall-parkeġġ quddiem l-uffiċċju
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk dentist jistax ikun intitolat għal spazju għall-parkeġġ quddiem l-uffiċċju tiegħu skont ir-regolamenti ta’ Transport Malta, kif huma intitolati t-tobba?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li d-dentisti mhumiex intitolati għal parkeġġ riservat quddiem l-uffiċju tagħhom skont ir-regolamenti ta’ Transport Malta.
Ħal Qormi — Triq Ġorġ Borg - stallazzjoni ta' żewġ sleeping policemen
Question
Jista' l-Ministru jgħid jekk hux qed jiġi kkunsidrat li jiġu stallati żewġ sleeping policemen fil-bidu u fit-tarf ta' Triq Ġorġ Borg f'Ħal Qormi, wara li żmien ilu kienet ġiet ippreżentata petizzjoni lill-Kunsill ta' Ħal Qormi?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi Transport Malta m’għandha l-ebda talba mill-Kunsill Lokali għal sleeping police fi Triq Ġorġ Borġ, Ħal-Qormi.
B’referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 26947 jista’ l-Ministru jagħti t-tagħrif dwar kull ka¿ imsemmi, u jekk kienx hemm każijiet ġodda, fejn instabu l-biċċiet tal-ħut, meta nstabu u x’kien il-ħut li nstab?
Response (MIZZI, JOE)
L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista’ l-Ministru jgħid min imexxi s-sistema tas-CVA fil-Belt Valletta? X’jisimha l-kumpanija u fejn qed imorru l-flus li persuna jkollu jħallas mal-liċenzja tal-vettura? Jista’ jgħid jekk hemmx eżenzjonijiet ta' kull ġeneru u x'inhuma r-rekwiżiti biex wieħed ikun eżentat milli jħallas?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi s-sistema tas-CVA fil-Belt Valletta hija sa mill-2007 mħaddma mill-kumpanija CVA Techonology Ltd, li hija l-operatur imqabbad wara sejħa pubblika għal dan il-għan minn Transport Malta, skont il-provedimenti tar-Regolamenti dwar Aċċess Kontrollat ta’ Vetturi f’Ċerti Żoni (L.S. 65.31).
Il-ħlasijiet dovuti għall-aċċess fiż-żona tas-CVA imorru direttament għand Transport Malta, filwaqt li l-operatur jitħallas miżata ta’ ġestjoni fissa skont il-kuntratt. L-eżenzjonijiet kollha mid-dritt ta’ ħlas għal aċċess fiż-żona tas-CVA, kif ukoll il-kundizzjonijiet li taħthom tkun tista’ tingħata eżenzjoni, huma elenkati fir-regolamenti 6, 7, 8 u 9 tar-Regolamenti dwar Aċċess Kontrollat ta’ Vetturi f’Ċerti Żoni (L.S. 65.31).
Kennedy Grove – triq imħarbta – tarmak — xogħlijiet
Question
B’referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 28059, jista’ l-Ministru jgħid x’inhi l-ġustifikazzjoni li għaliha partijiet oħra tal-istess triq li jaqgħu taħt lokalità oħra fil-fatt ingħataw it-tarmak? Jista’ jgħid ukoll liema xogħol sar f'dawn l-aħħar tliet snin fit-toroq li hemm fl-istess post minn quddiem il-kappella sat-Triq tal-Kosta, inkluż it-toroq mini għall-ilma u bini ta’ ħitan ġodda? Kemm ġie jiswa dan l-istess xogħol?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li x-xogħlijiet li saru kienu parti ntegrali mill-proġett ta’ Triq il-Kosta. Ix-xogħlijiet saru abbażi ta’ analiżi dettaljata mill-periti tul il-proċess ta’ disinn. Wieħed għalhekk irrid japprezza li l-perimitri tal-proġett ġew ibbażati fuq ir-riżultati mixtieqa tal-proġett.
San Pawl il-Baħar – tappiera fil-ġenb tas-santwarju — tiswijiet
Question
Billi jidher li t-tappiera li hemm fil-ġenb tas-santwarju ta' San Pawl, San Pawl il-Baħar, inqalgħet minn postha nhar il-Ħamis 27 ta' Ottubru 2016, jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar x’wassal għal dan, x’ħin reġgħet tpoġġiet f'postha, u x’passi ttieħdu biex dan ma jirrepetix ruħu?
Response (MIZZI, JOE)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jipprovdi l-isem eżatt tat-triq li għaliha qiegħed jirreferi.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hawn vetturi bil-“Y” plate reġistrati f’Malta u f’Għawdex u kemm hawn karozzi tal-kiri self drive?
Response (MIZZI, JOE)
Ninsab infurmat li l-ammont ta’ vetturi rreġistrati bil-“Y” plate huwa ta’ 2,632, u l-ammont ta’ vetturi rreġistrati bħala tal-kiri self drive huwa ta’ 10,939.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk hemmx tibdil dwar il-pożizzjoni tal-ministeru, u ta’ Transport Malta (TM) għal dak li jikkonċerna t-tqegħid ta' traffic lights, fl-istess post li kien jeżisti qabel, fid-daħla ta' Buġibba, fejn hemm lights oħra iżda s-sett partikulari li kien jeżisti biex jikkontrolla d-dħul lejn Buġibba/Qawra, minn dawk il-vetturi li jkunu ġejjin min-naħa ta' San Pawl il-Baħar baqa’ ma' reġgħax twaħħal? Meta hu mistenni li jerġgħu jitwaħħlu dawn l-istess dwal?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li din il-materja ser tiġi diskussa fil-Kumitat għall-Immaniġġjar tat-Traffiku li jmiss.
Jista' l-Ministru jieħu l-passi neċessarji biex matul it-Triq tal-Kosta, b'mod partikulari, fuq dawk l-istages li huma l-iktar użati, jitpoġġew bus shelters għall-benefiċċju ta' dawk li jużaw il-karozzi tal-linja?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li Transport Malta għadha kif ħarġet Request for Proposals li titlob għal twaħħil ta’ bus shelters ġodda f’diversi lokalitajiet ġewwa Malta u Għawdex, inkluż dawk li jinstabu ġewwa Triq il-Kosta.
Jista' l-Ministru jindika jekk u meta hemm il-ħsieb li ssir Triq Pawlu Mallia l-Gudja u tinfetaħ għall-pubbliku?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-responsabbilta’ tal-iffurmar tat-triq hija tal-iżviluppaturi jew residenti. Ġaladarba t-triq tiġi ffurmata skont il-Liġi, Transport Malta tkun tista’ tesegwixxi xogħlijiet ta’ asfalt skond il-prioritajiet, fondi pubbliċi u l-proċess ta’ akwist.
Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk Transport Malta hux qed tiddiskuti mal-Water Services Corporation dwar proġett ta' bdil tal-main tad-drenaġġ fit-toroq ta’ San Pawl il-Baħar? Jekk iva, liema toroq ser jiġu effettwati?
Response (MIZZI, JOE)
Ninsab infurmat li Transport Malta żżomm diskussjonijiet mal-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma dwar xi tibdil li jista’ jkun hemm ta’ xi main tad-drenaġġ. Jkun hemm każi meta Transport Malta tintalab biex tibdel mains meta tkun għaddejja b’xi xogħlijiet tagħha jew meta jkun hemm każi ta’ emergenza. Meta jkun possibli, dawn ix-xogħlijiet jsiru matul il-lejl biex jiġi evitat impatt fuq l-andament tat-traffiku.
Ġeneralment, ix-xogħlijiet tal-Korporazzjoni huma mdaħħla fis-sistema ta’ permessi minfejn jiġu avżati l-istakeholders.
Transport Malta – bypass ta’ San Pawl il-Baħar — sound barriers
Question
B'referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 27872 jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk Transport Malta (TM) għandhiex mezzi biex twettaq l-istudji neċessarji dwar is-sound barriers fil-bypass ta' San Pawl il-Baħar? Jekk iva meta hu mistenni li jsir dan l-istudju? Jekk le, jista' jagħti tagħrif dwar jekk TM tistax toħroġ tender għal dan ix-xogħol?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li studji ta’ dawn it-tip issiru abbażi ta’ prioritajiet nazzjonali.
Transport Malta – bypass ta’ San Pawl il-Baħar — sound barriers
Question
B'referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 27872, jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tar-rapporti msemmija fir-risposta? Jista' jagħti wkoll tagħrif dwar min wettaq dawn l-istudji u kemm tħallas għal dawn ir-rapporti?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-rapporti mitluba qed jitpoġġew fuq il-Mejda tal-Kamra. Id-dettalji ta’ min għamel l-istudji jinstabu fuq ir-rapporti. Il-ħlasijiet kienu s-segwenti:
Triq Reġjonali Santa Venera - Consultancy Services for the Procurement of Acoustric Barriers Euro 17,759, inkluż il-VAT ;
Kappara Junction Design – Acoustic Barriers ( May 2012)Euro 5,900, inkluż il-VAT;
Kappara Junction Design – Acoustic Barriers ( July 2013)Euro 8,850, inkluż il-VAT.
L-istudji relatati mal-proġett tal-Kappara saru b’ referenza għal żewġ proposed layouts differenti minn xulxin.
Attachments:PQ28106 31OCT PAPERS LAID 1.pdfPQ28106 31OCT PAPERS LAID 2.pdfPQ28106 31OCT PAPERS LAID 3.pdf
Santa Luċija – Triq Katerina Vitale –manutenzjoni ta’ bus shelter
Question
Jista’ l-Ministru jara li l-bus shelter li jinsab fi Triq Katerina Vitale f’Santa Luċija ssirlu l-manutenzjoni jew tiswijiet neċessarji mill-iktar fis peress li ilu diversi jiem (fil-jum li fih qed issir din l-interpellanza) fi stat ħażin kawża ta’ inċident fejn vettura baqgħet dieħla ġo fih b’mod li issa l-bus shelter hu ta’ periklu u wkoll eyesore?
Response (MIZZI, JOE)
Ninsab infurmat li l-bus shelter li hemm fi Triq Katerina Vitale f’Santa Luċija saritlu il-manutenzjoni neċessarja fit-2 ta’ Settembru 2016.
Trasport Malta – leak ta’ culvert – każ ta’ individwu
Question
Jista’ l-Ministru jara li jiġi kkuntatjat l-individwu li d-dettalji dwaru qegħdin jingħataw separatament minħabba li għandu problema ma' Transport Malta fuq leak ta' culvert?
Response (MIZZI, JOE)
Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi l-Mistoqsija Parlamentari lill-Ministru kkonċernat.
Ħal Luqa – Toroq suġġeriti mill-Kunsill Lokali biex jiġu asfaltati
Question
Jista’ l-Ministru jgħid liema huma t-toroq li ġew issuġġeriti jew mitluba mill-Kunsill Lokali Ħal Luqa sabiex jiġu asfaltati minn Transport Malta fl-aħħar sena s’issa?
Response (MIZZI, JOE)
Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi l-Mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.