Possibbli l-korporazzjoni Enemalta tieħu passi biex tqabbad is-substation li nbniet fi Triq is-Suq fiż-Żejtun? Billi din is-substation ilha se tinbena snin, jista' il-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li issa ladarba tlestiet baqgħet ma ġietx imqabbda? Billi fl-inħawi hemm familji, fosthom anke stamperija li tħaddem in-nies magħha u li qed isofru danni minħabba vultaġġ baxx, possibbli jittieħdu passi ħalli din is-substation ladarba issa hija lesta tibda taħdem?
Response (GATT, AUSTIN)
Jiena nfurmat li l-Enemalta ser tkompli bix-xogħol biex tintrama s-substation fi Triq is-Suq iż-Żejtun hekk kif ikunu jistgħu jiġu allokati l-ħaddiema minn fuq xogħolijiet urġenti band'oħra, partikolarment ix-xogħol konness mad-Distribution Centre tal-Mosta.
Studji — Rapporti - Malta - EU - Ministeru għat-Teknoloġija ta' l-Informazzjoni u l-Investiment
Question
Jista' il-Ministru jgħid matul l-2000, l-2001 u l-2002 u l-2003 kemm ġew ikkontrattati rapporti u studji fuq aspetti legali, aspetti ekonomiċi u fiskali u oħrajn, dwar id-dħul ta' Malta fl-UE? Jista' il-Ministru jgħid min huma n-nies li ġew maħtura sabiex iħejju tali rapporti u studji u jagħti dettalji dwar dawn in-nies?
Response (GATT, AUSTIN)
Minn mindu twaqqaf il-Ministeru tiegħi, ma ġew ikontrattati ebda trattati jew studju dwar id-dħul ta' Malta fl-U.E.
Jista' il-Ministru jgħid x'kienu r-raġunijiet li wasslu lill-gvern Nazzjonalista biex jagħlaq il-kumpannija Medigrain?
Response (GATT, AUSTIN)
Ir-raġuni għall-għeluq tal-kumpanija Medigrain hi li f'suq liberalizzat ma jibqax jagħmel sens li l-Gvern jibqa' jikkummerċja meta hemm mezzi oħra kif jingħataw sussidju li jista' jkun hemm bżonn.
Jista' il-Ministru jgħid kemm kienet ilha mwaqqfa l-kumpannija Medigrain u xi qliegħ u turnover irreġistrat sena b'sena minn mindu twaqqfet din il-kumpannija sakemm dan il-gvern iddeċieda li jagħlaqha?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra dak li l-Onorevoli Interpellant qiegħed jirreferi għalieh bħala qliegħ.
Jista' il-Ministru jgħid x'impjiegi alternattivi ġew offruti l-ħaddiema u l-uffiċjali tal-kumpannija Medigrain minħabba li l-Gvern Nazzjonalista se jagħlaq din il-kumpannija?
Response (GATT, AUSTIN)
Peress illi l-eserċizzju msemmi mill-Onor. Interpellant għadu ma ntemmx, nitlob lill-Onor. Interpellant jerġa jagħmel il-mistoqsija tiegħu aktar il-quddiem.
Jista' il-Ministru jgħid kif se jkunu assigurati mill-provvista tal-materja prima u l-prezzijiet stabbli n-nies li s-soltu kienu jixtru dawn is-sorsi mill-kumpannija Medigrain, issa li din se tagħlaq?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant biex jagħmel id-domanda tiegħu lill-Ministru konċernat.
Fid-dawl tas-sitwazzjoni ta' l-għeluq tal-kumpannija Medigrain, jista' il-Ministru jgħid liema kumpannija lokali issa mistennija tagħmel ix-xogħol li tul dawn l-aħħar snin, is-soltu kienet tagħmel il-kumpannija Medigrain?
Response (GATT, AUSTIN)
Kull kumpanija, lokali u mhix, tista' tagħmel ix-xogħol li kienet tagħmel il-Medigrain.
Jista' il-Ministru jikkonferma rapporti li l-website tal-Gvern ta' Malta ġiet hacked dan l-aħħar? Jekk fl-affermattiv, il-Gvern għandu ħjiel kif u minn fejn seta' sar dan kif ukoll x'intlaqat b'konsegwenza ta' dan?
Response (GATT, AUSTIN)
Jien infurmat li kien hemm inċident dan l-aħħar fejn ġiet hacked waħda mill-websites tal-Gvern ta' Malta. Dan ġara għaliex ġie kompromess wieħed mill-accounts ta' fuq is-server li fuqu miżmuma din il-website. Nippreċiża, iżda, li dan mhux is-server li jintuża mill-e Gov Web Framework.
Kollox jindika li dan l-attakk seta' seħħ minn persuna li użat Internet Service Provider Marokkin. L-unika konsegwenza kienet li nbidlet il-home page tal-website tal-Ministeru għall-Ambjent u l-Affarijiet Rurali.
Nixtieq ngħid ukoll li ttieħdu passi mmedjati biex is-servizz jiġi rrestawrat għal li kien u biex l-inċident ma jerġax jirrepeti ruħu.
MIA — Titjiriet li kellhom jittardjaw kawża tal-maltemp
Question
Jista' il-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' titjiriet bl-ajru li telqu tard kawża tal-maltemp li ħakem lill-gżejjer matul ix-xahar ta' Settembru ta' din is-sena? Kemm kien in-numru ta' passiġġieri li tħallew jistennew u għal liema destinazzjoni kienu sejrin u x'linja ta' l-ajru kellhom?
Response (GATT, AUSTIN)
Waqt li nifhem li l-Onorevoli Interpellant għamel id-domanda biex jaqdi d-dmir tiegħu ta' Membru Parlamentari, nitlob lill-Onorevoli Interpellant jifhem li l-Malta International Airport li hi responsabbli għall-operat ta' l-ajruport, ma hiex dipartiment tal-Gvern iżda kumpanija kkwotata fuq li-iStock Exchange. Konsegwentement, it-tip ta' informazzjoni li qed tintalab hi min-natura tagħha privata u mhux kompitu li tiġi mistħarġa minn dan il-Parlament.
Mosta — Santa Margerita/Triq il-Pont - Ħruġ ta' Drenaġġ
Question
Jista' il-Ministru jgħid meta se jirranġaw il-ħsarat li hemm f'Santa Margerita u fi Triq il-Pont, fil-Mosta fejn għal ġranet sħaħ qed ikun hemm fit-toroq ewlenin ta' hemm out flow tad-drenaġġ u kull xorta oħra li huwa bla ebda riserva ta' detriment għas-saħħa tar-residenti ta' l-inħawi u wkoll għal kull min jgħaddi minn hemm?
Response (GATT, AUSTIN)
Jien infurmat li l-"outflow" tad-drenaġġ waqaf, waqt li t-tindif għadu għaddej u se jibqa' jisr sakemm jittella' l-ġebel kollu.
Jista' il-Ministru jgħid jekk il-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-ħaddiema tad-dipartiment tad-drenaġġ li ġew integrati fil-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-ilma humiex se jibqgħu l-istess? Il-ħaddiema se jingħataw l-għażla jekk iridux jibqgħu mal-KSI jew imorru lura fis-servizz pubbliku?
Response (GATT, AUSTIN)
Il-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-haddiema tad-dipartiment tad-drenaġġ li ġew
detailed
mall-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma huma rregolati skond artikoli 38 u 39 ta' l-Att dwar il-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma.
Għalissa m'hemmx pjanijiet biex il-KSI tapplika Artikolu 40 ta' l-Att dwar il-KSI li jirregola offerta ta' mpjieg permanenti mal-Korporazzjoni lil uffiċjali pubbliċi allokati fuq dmirijiet mal-Korporazzjoni.
Jista' il-Ministru jgħid għaliex il-kont numru 1000001555-2 district code 020, Kodiċi tal-post 133972 għadu ma ġiex rivedut wara li l-meter reader kien għamel spezzjoni ftit taż-żmien ilu, eżattament fit-22/12/2000?
Response (GATT, AUSTIN)
Jiena infurmat li l-KSI m'għandhiex records li saret spezzjoni fit-22/12/2000 kif intqal fil-mistoqsija.
Il-KSI irrivediet il-kont skond il-qari li ta l-konsumatur meta kien ikkuntatjat minn uffiċċjal tal-Korporazzjoni.
Jien ukoll infurmat li l-konsumatur u cioe l-Onor. Interpellant stess ġie nfurmat bil-miktub b'dan l-arranġament.
Korporazzjoni Enemalta — Ħażna ta' żejt/diesel/petrol
Question
Jista' il-Ministru jgħid kemm hi l-ħażna taż-żejt, diesel u petrol li għandu l-pajjiż fil-preżent? Għal kemm żmien isservi din il-ħażna?
Response (GATT, AUSTIN)
Id-domanda ta' l-Onor. Membru hija ta' natura kummerċjali u għalhekk mhux xieraq li jingħataw dettalji. Nassigura lill-Onor. Membru li l-ħażna hija sodisfaċċenti u l-Korporazzjoni Enemalta tirċievi ammonti ta' kull prodott kull xahar skond il-ħtieġa.
Jista' il-Ministru jgħid kemm hi l-ħażna tal-qmuħ, ċereali u dqiq li għandu l-pajjiż fil-preżent? Għal kemm żmien isservi din il-ħażna?
Response (GATT, AUSTIN)
Fil-prezent il-pajjiż għandu maħżun dawn il-qmuh u ċereali:
Maize 15,400 mt (Biex iservi sa Jannar 2004)
Barley 20,800 mt (Biex iservi sa April 2004)
Hard Wheat 20,200 mt (Biex iservi sa Ġunju 2004)
Soft Wheat 5,700 mt (Biex iservi sa Jannar 2004)
Il-Medgirain ma tipproduċix u ma taħżinx dqiq.
Jista' il-Ministru jgħid x'tip ta' xogħol qed isir fil-Malta Shipbuilding? Kemm baqagħlu biex jitlesta? Kemm hemm ħaddiema involuti fuq dan ix-xogħol? Jista' jsemmi jekk hemmx prospetti ta' xogħol ġdid għal Malta Shipbuilding u jekk fl-affermattiv, x'inhu?
Response (GATT, AUSTIN)
Bħalissa fit-Tarzna tal-Marsa qed jimbnew żewġ bagi. Hu mistenni li fil-bidu tas-sena d-dieħla tibda tinbena baga oħra. Qed jitkomplew l-isforzi biex ikun akwistat xogħol ieħor għaż-żewġ tarżnari.
Jista' il-Ministru jara għaliex m'hemmx biżżejjed pressa ta' l-ilma ġewwa Triq il-Qamħ, Ħaż-Żebbuġ? Jista' jara li s-sitwazzjoni tiġi rimedjata?
Response (GATT, AUSTIN)
Normalment il-provvista ta' l-ilma fi Triq il-Qamh hija addekwata. Minħabba raġunijiet tekniċi li m'għandhomx x'jaqsmu mal-mejn ta' din it-triq, xi kultant is-sistema tad-distribuzzjoni f'din it-triq tbagħti min pressa baxxa.
Il-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-ilma qed tinvestiga x'jista' jsir biex ma jibqgħux jinqalgħu dawn il-problemi.