B'riferenza għall-korrispondenza li qed tintbagħat separatament, jista' il-Ministru jgħid f'liema stadju jinsab il-proċess sabiex Triq l-Ispnar tingħata d-dehra li tixirqilha?
Response (ZAMMIT, NINU)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.
Jista' il-Ministru jgħid kemm tħallsu flus f'hospitality f'ristoranti/lukandi bejn Jannar 2004 u Settembru 2005? Kemm minn dawn kienu jaqbżu l-Lm150?
Response (ZAMMIT, NINU)
Jien infurmat li bejn Jannar 2004 u Settembru 2005 tħallset is-somma ta' Lm3272.32ċ f'hospitality f'Ristoranti / f'Lukandi. Minn dawn kien hemm seba' funzjonijiet li qabżu s-somma ta' Lm150.
Ninsab infurmat ukoll li n-nefqa ta' Lm3272.32ċ kienet imħallsa f'dawn il-21 xahar minn diversi entitajiet fi ħdan il-Ministeru u kienu kif ġej:-
Lm1752 mill-Ministeru u bażikament ikopru riċevimenti lil diversi uffiċjali u/jew ħaddiema tat-Taqsima tax-Xogħlijiet bħala rikonoxximent għall-ħidma mwettqa minnhom fuq diversi proġetti;
Lm156 mill-Awtorita' tar-Riżorsi u mill-kumitat ta' l-EMWIS (
European Mediterranean Water Information
System);
Lm581.44ċ mid-Dipartiment ta' l-Esplorazzjoni taż-Zejt;
Lm245.88ċ lid-Delegazzjoni mill-
Cutec/Clausthall Institute Germany
;
Lm537 mill-Valletta Rehabilitation Projects.
Riżorsi u Infrastruttura — Żieda fil-prezz tal-fuel
Question
Jista' il-Ministru jgħid kemm hu kkalkulat li tiswa lid-dipartimenti/entitajiet, eċċ taħt id-dekasteru tal-ministeru l-ispiża ta' 4c fuq l-għoli tal-prezz ta' fuel li rriżultat nhar it-Tnejn 3 ta' Ottubru, 2005?
Response (ZAMMIT, NINU)
Jien infurmat illi l-ispiża fl-għoli tal-prezz tal-fuel fid-dipartimenti u entitajiet li jaqgħu taħt il-Ministeru, hi stmata li ser tkun ta’ Lm18,745 fis-sena.
Jista' il-Ministru jinvestiga għaliex ħafna djar fi Triq ix-Xatt, Kalkara sfaw mgħarrqa b'ilma tax-xita li ġie minn wara, fejn qabel kien il-wied tal-Kalkara u issa qed jinbena? Jista' jara li dawn il-familji ma jerġgħux isofru l-istess danni kull meta tagħmel ix-xita?
Response (ZAMMIT, NINU)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.
B'riferenza għat-talba tal-kunsill lokali Pembroke, fid-dawl ta' l-istudji li għamlu dwar l-impatt li l-ilma tax-xita qed ikollu fuq numru ta' toroq fil-lokal fosthom parti minn Triq Kurunell Cocks u parti minn Triq Dun Amabile Sisner, x'kunsiderazzjoni ngħatat lis-suġġerimenti prattiċi tagħhom?
Response (ZAMMIT, NINU)
Jien infurmat li l-Ministeru ma għandu l-ebda talba jew studji li ġew minn għand il-Kunsill Lokali ta' Pembroke dwar din il-kwistjoni.
Infakkar lill-Onor. Membru, li t-toroq imsemmija huma responsabilta' tal-Kunsill Lokali u mhux ta' dan il-Ministeru.
Jista' il-Ministru jgħid kemm tħallsu flus f'hospitality f'ristoranti/lukandi bejn Jannar 2004 u Settembru 2005? Kemm minn dawn kienu jaqbżu l-Lm150? Min kienu l-persuni li għalihom tħallsu dawn l-ikliet/riċevimenti, u x'kienet ir-raġuni?
Response (ZAMMIT, NINU)
Ma nistax nifhem x'utilita' jista' jkollha l-informazzjoni dettaljata li qed jitlob l-Onorevoli Membru. Għalhekk, kif ukoll għaliex il-ħin estensiv li jkun meħtieġ sabiex tinġabar din l-informazzjoni jista' jintuża aħjar, ma nħossx li hemm il-ħtieġa li tingħata l-informazzjoni li qed tintalab.
Jista' il-Ministru jgħid taħt min taqa' ir-responsabbilta' tal-ġibjun li hemm fi Pjazza Santa Liena, f'Birkirkara?
Fl-aħħar snin kienu tqabbdu katusi ta' l-ilma tax-xita mal-ġibjun li hemm fi Pjazza Santa Liena. Dan biex jarmu l-ilma tax-xita li jinġabar mit-toroq tal-madwar għal ġewwa fih. Liema dipartiment jew awtorita' kien responsabbli mix-xogħol imsemmi? Meta sar dan ix-xogħol?
Response (ZAMMIT, NINU)
L-ebda Dipartiment fi ħdan il-Ministeru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura ma għamel ix-xogħlijiet imsemmija mill-Onorevoli Membru. Ix-xogħol li qed jirreferi għalih l-Onor. Membru kien sar mill-Kunsill Lokali konċernat. Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Ministeru permezz tat-Taqsima tax-Xogħlijiet wettaq u qed jagħmel xogħlijiet relatati mal-prevenzjoni mill-għarghar bħal ma sar fil-Marsa/Qormi u Burmarrad, liema zoni irrispettivament jaqgħu fil-catchment areas ta' Wied il-Kbir u ta' Wied il-Għasel. Barraminhekk il-Ministeru diġa qed ifassal qafas ta' programm għall-prevenzjoni mill-għargħar fiċ-ċentru tal-pajjiz li jinkludi, H'Attard, B'Kara, Hal-Lija, Hal-Balzan u l-akkwati ta' madwarhom. Dan il-proġett jikkomprizi wkoll l-uzu tal-hazniet ezistenti ta' l-ilma li jinsabu fl-area affewata diġa msemmija, u liema ġwiebi jew ġibjuni qed jintuzaw għall-ħazna ta' l-ilma tax-xita (run-off).
Dan il-proġett se jiġi kkunsidrat għall-għajnuna finanzjarja mill-Unjoni Ewropea għall-perjodu 2007 u 2013.
Jista' il-Ministru jgħid meta se jiġu rranġati t-toroq mhux urbani f'Wied is-Sewda - bejn il-kamra tan-nar ta' San Ġorġ u l-pumping station ta' Tal-Ħlas - sabiex il-bdiewa jkunu jistgħu jgħaddu bil-vetturi taghom minn dawn l-inħawi? Jista' jgħid jekk dawn it-toroq jistgħux jiġu rranġati temporanjament permezz ta' patching jew tfiegħ ta' materjal ieħor?
Response (ZAMMIT, NINU)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jagħmel il-Mistoqsija tiegħu lill-Ministeru kkonċernat.
Kumitat għar-Riabilitazzjoni tal-Kottonera — Membri
Question
Jista' il-Ministru jgħid min huma l-membri tal-kumitat għar-riabilitazzjoni tal-Kottonera? Jista' jgħid kemm ingħataw fondi sena b'sena mit-twaqqif tiegħu sal-lum?
Response (ZAMMIT, NINU)
Jien infurmat li l-membri tal-Kumitat għar-Riabilitazzjoni tal-Kottonera huma kif jidhru hawn taħt:
Paul Vella Critien - Chairman
Perit Chris Spiteri - Deputy Chairman
Ray Bondin - Koordinator Eżekuttiv
Joseph Scerri - Kunsill Lokali Bormla
John Boxall - Kunsill Lokali Birgu
Joseph Casha - Kunsill Lokali Isla
Michael Cohen - Kunsill Lokali Kalkara
Lawrence Farrugia
Charmaine Gerada
Mark Lombardo
Lorenzo Zahra
Spiżjar Maurice Debono
Joseph Carbonaro
James Cauchi
Mario Farrugia - Fondazzjoni Wirt Artna
Charles Bonello
Maria Sultana
Charles D’Alfonso - F’isem il-Ministeru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura
Perit Anthony Abela - F’isem it-Taqsima tax-Xogħlijiet tal-Ministeru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura
Rigward it-tieni parti tal-mistoqsija nirreferi lill-Onor. Interpellant għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 11301.
Jistax il-Ministru jgħid kemm kien l-ammont ta' skart mormi llegalment li tneħħa fis-snin 2003, 2004 u 2005 (s'issa)?
Response (ZAMMIT, NINU)
Jien infurmat li l-ammont ta' skart li kien ġie mormi illegalment kien:-
Sena
Ammont
2003
3,524 tunnellata
2004
20,000 tunnellata
2005
11,230 tunnellata (minn Jannar sa Awissu)
Jista' il-Ministru jgħid liema xogħol ta' restawr u manutenzjoni qed isir fil-Kottonera?
Response (ZAMMIT, NINU)
Jiena nfurmat illi fil-Kottonera bħalissa qegħdin isiru dawn ix-xogħlijiet:-
Ÿ Fil-Birgu qed isir restawr ta’ l-istatwa ta’ San Lawrenz; restawr fl-Armerija u manutenzjoni tas-swar;
Ÿ F'Bormla ser jitkompla x-xogħol fuq il-Bieb ta’ Santa Liena, jiġifieri l-pavimentar ta' madwar il-mina;
Ÿ Fil-Kalkara qed isiru l-aperturi tal-Knisja tas-Salvatur u ser jitkompla r-restawr fuqha.
Jista' il-Ministru jgħid kemm se tkun l-ispiża kollha għall-mixgħela ta' l-akkwadott fl-Imrieħel? Kemm hemm arkati nvoluti? Kemm se tiġi l-ispiża għal kull arkata?
Response (ZAMMIT, NINU)
Jien infurmat li l-ispiża għal 180 arkata minn ħdejn ir-round about ta’ Fleur-de-Lys sa’ l-MFSA hija ta’ Lm27,936. L-ispiża għal kull arkata hija ta’ Lm155.
Billi qiegħed jiġi restawrat l-akkwadott f'Santa Venera u Birkirkara, Balzan, Attard, jista' il-Ministru jikkonsidra li terġa' tinbena replika tal-bieb ta' Fleur-de-lys li kien distrutt fil-gwerra? Dan jista' isir flimkien mal-kunsill lokali ta' Birkirkara.
Response (ZAMMIT, NINU)
L-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant qed tinġabar u risposta tingħata f’xi seduta oħra.
Jista' il-Ministru jgħid jekk hux ix-xogħol kollu marbut mat-twessigħ tal-Wied ta' Ħal Qormi u l-Marsa huwiex lest? Jekk le, x'baqa' isir? Meta se jkun lest? Il-proġett kemm sewa flus b'kollox?
Response (ZAMMIT, NINU)
Jien infurmat li x-xogħol ta' twessigħ ta' l-istorm water channel fil-Marsa tqassam f'żewġ fażijiet. It-twessigħ fl-ewwel fażi huwa lest, waqt li t-twessigħ tat-tieni fażi nbeda, għalkemm il-parti l-kbira tiegħu kellu jieqaf għal xi żmien minħabba sejbiet arkeoloġiċi.
S'issa n-nefqa fuq dawn iż-żewġ fażijiet kienet ta' Lm630,000.
Jista' il-Ministru jgħid x'inhuma l-passi li jmiss dwar il-widien f'Ħal Qormi, jiġifieri Wied Inċita - jew kif inhu wkoll magħruf bħala Wied is-Sewda - Wied il-Kbir u Wied iċ-Ċawsli biex jiġi assigurat li l-ilma tax-xita jimxi u ma jogħliex tali li joħloq għargħar b'konsegwenzi serji fuq in-nies?
Response (ZAMMIT, NINU)
Jien infurmat li l-ħidma tal-Ministeru fil-widien fl-inħawi ta' Ħal Qormi għal din is-sena ser tkompli fuq ix-xogħol li sar is-sena l-oħra, cioe biex Wied is-Sewda u Wied il-Kbir jinżammu fi stat tajjeb ta' ndafa u ssir il-manutenzjoni regolari neċessarja.
Jista' il-Ministru jgħid jekk il-vapuri mgħarrqa ħdejn Cassar Shipyard, il-Marsa, ittellgħux bħala parti mill-proġett kontra l-għargħar mill-ilma tax-xita li jolqot lil Marsa u lil Ħal Qormi partikolarment?
Response (ZAMMIT, NINU)
Jien infurmat li saret spezzjoni taż-żona li tħammlet bħala parti mill-proġett ta' kontra l-għargħar f'Ħal Qormi u l-Marsa, jiġifieri f'Xatt il-Mollijiet maġenb Cassar Shipyard. Irriżulta li m'hemm l-ebda vapur mgħarraq f'din l-istess żona.