Legislature:
Category:
Reset
Active:

Toroq

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 25745 u 24672 u jgħid min huwa responsabbli minn din it-triq imsemmija?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninforma lill-Onorevoli Nterpellant li l-ewwel parti cioe’ Triq l-Isqof Buhagiar hija responsabilita’ tal-Kunsill Lokali filwaqt li l-parti ta’ ġewwa hija responsabilita’ tal-Malta Industrial Parks.

Qormi — Triq Mons Gerald Frendo

Question

B'referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 25646 dwar Triq Mons Gerald Frendo, jista' l-Ministru jgħid jekk in vista tat-tagħrif li ta jfissirx li minħabba l-iżvilupp privat ir-residenti humiex se jibqgħu jbatu l-konsegwenzi tat-twaqqif tax-xogħol in kwestjoni għal perjodu in definit? Jista' jgħid jekk għallinqas, jistax jitkompla x-xogħol fuq il-bankini li huma diġa' ffurmati permezz tal-kurduna ta' barra u tista' għallinqas titwitta t-triq u titlesta fil-maġġor parti tagħha fejn l-iżvilupp in kwestjoni ma jaffettwax, biex il-problema li llum teżisti u li qed tolqot lil kulħadd, tittaffa'?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li ntlaħaq ftehim ma' terzi persuni li għandhom żvilupp privat f'din it-triq biex ilestu xogħlijiet neċessarji ta' ħajt ta' lqugħ ta' triq kemm jista' jkun malajr. B'hekk it-triq tkun tista' titlesta fi ftit ġimgħat oħra.

Żebbuġ, Triq is-Siġġiewi — Bus shelters

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta se jerġgħu jiġu nstallati bus shelters fi Triq is-Siġġiewi f'Ħaż-Żebbuġ wara li issa ilhom li tlestew ix-xogħlijiet ta' tarmac f'din it-triq?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Jien infurmat li l-kuntrattur Faces Ltd qed jistenna konsenja ta’ Bus Shelters f’Ġunju. Għaldaqstant, il-Bus Shelters fi Triq is-Siġġiewi ser jiġu installati meta tasal din il-konsenja.

Ħal Qormi — Sqaq l-Għadira

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta hemm il-ħsieb li jiġi rranġat Sqaq l-Għadira fil-Wied ta' Ħal Qormi wara li issa ġiet iffurmata din it-triq ġdida?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li għalkemm it-triq imsemmija ma kinetx tifforma parti mill-lista tax-xogħlijiet uffiċjali ta' l-ADT, ser tkun inkluża wara li saru l-ispezzjonijiet neċessarji. Il-lista uffiċjali tat-toroq għandhom jitlestew sa l-aħħar ta' l-2008.

Luqa — Drenaġġ

Question

B'referenza għar-risposta ta' mistoqsija parlamentari 26015 jista' l-Ministru jgħid għaliex l-Awtorita' tat-Trasport għadha ma tatx risposta dwar il-bdil tad-drenaġġ fi Triq Anton Falzon, Luqa?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninsab infurmat li l-applikazzjoni bin-numru 0760/2007 ġiet reġistrata fis-17 ta’ Mejju, 2007 u waslet l-ADT mingħand il-Water Services Corporation sabiex tiġi proċessata fit-23 ta’ Mejju, 2007. L-applikazzjoni qed tiġi proċessata.

Paola — Triq Durrgħajsa

Question

Jista' l-Ministru jkun daqstant ġentili u jara għala, minkejja x-xogħlijiet utili u fejjieda li qed isiru fi Triq Durrgħajsa, f'Paola, hemm familja (ta' John Bonello) fil-parti t'isfel ta' din it-triq, li ilha ma tista' toħroġ il-karozza tagħha minn ġol-garage tagħha għal iktar minn tliet xhur minħabba x-xogħlijiet quddiem dan il-garage, minkejja li jien infurmajt b'dan lill-Awtorita' dwar t-Trasport diversi drabi?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninsab infurmat li l-ADT lestiet ix-xogħlijiet neċessarji fit-triq msemmija mill-Onorevoli Interpellant. L-ADT tibni t-triq skond il-livelli mogħtija mill-MEPA u hekk sar f’dan il-każ. Il-bieb tal-garaxx ta’ din il-familja ma kienx skond il-livelli li ġew mogħtija mill-MEPA u għalhekk uffiċjali ta’ l-ADT għamlu diversi laqgħat ma’ din il-persuna u anke sarulu bosta proposti biex titaffa din il-problema u anke biex ikun jista’ juża l-garaxx. Madankollu r-resident informa lill-uffiċjali ta’ l-ADT li ma ried li jsir xejn minn dak propost u li wara li jsir ix-xogħol “jagħmel fattih”.

Mosta — Zebra crossing

Question

Jarax l-Ministru li z-zebra crossing u lights li tinsab preżentement eżatt mal-kantuniera bejn Valletta Road u Triq Manwella, Mosta li qiegħda f'periklu kemm għall-pedestrians u kif ukoll għas-sewwieqa, li din għandha titla 'l fuq lejn l-ground eżatt mal-kantuniera l-oħra u dan biex jiġi evitat kull periklu?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninsab infurmat li l-Awtorita’ dwar it-Trasport ta’ Malta ser tinvestiga l-possibilta’ li tinsab pożizzjoni alternattiva għal din il-pelican crossing fl-isfond ta’ l-arranġamenti tat-traffiku ta’ Valletta Road.

Tax free car

Question

Jista' l-Ministru jgħid min huma l-kategoriji ta' nies li huma entitled "to a tax free car"?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat peress li “entitlement to a tax free car” hija regolata mill-Ministeru tal-Finanzi.

Billboards

Question

Billi minn riċerka nstab li l-billboards huma l-aktar ħaġa li tista' tkun ta' distrazzjoni għas-sewwieqa, jista' l-Ministru jgħid għaliex l-Awtorita' dwar it-Trasport għadha ma ħadet ebda pass f'dan ir-rigward billi tneħħi l-billborads mit-toroq?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

It-tweġiba għal din il-mistoqsija tingħata f'seduta oħra.

Open top buses

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'sar mill-open top buses li kellhom jibdew joperaw minn Settembru li għadda?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant it-tenders għaż-żewġ rotot ingħataw u s-servizzi ser jibdew f'Lulju 2007. Dawn it-tenders ser jagħtu drittijiet esklussivi għal rotot speċifiċi.

Żvilupp Urban u Toroq — Ħaddiema li jieħdu allowance

Question

Jista' l-Ministru jagħti lista ta' dawk l-impjegati fid-dekasteru tiegħu li qed jieħdu xi forma ta' allowance? X'inhu l-grad u x'inhi r-raġuni wara dan l-allowance?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

L-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant qed titpoġġa fuq il-mejda tal-Kamra.

Żvilupp Urban u Toroq — Kiri ta' karozzi

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kienet in-nefqa fuq kiri u lease ta' karozzi fil-Ministeru, dekasteru u enti tiegħu matul ix-xhur ta' Jannar, Frar u Marzu 2007?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninsab infurmat li l-ispiża fuq kiri ta' karozzi għall-ewwel tlett xhur ta' din is-sena kienet :- Ministeru/Dipartiment Lm 3,005 Awtorita' dwar it-Trasport Lm 12,766

Żvilupp Urban u Toroq — Kiri ta' karozzi

Question

Jista' l-Ministru jgħid min huma l-uffiċjali li kellhom karozza mikrija/leased fil-Ministeru, dekasteru jew enti tiegħu matul ix-xhur ta' Jannar, Frar u Marzu 2007 u kemm hi r-rata li biha tinkera/leased il-karozza kull ġurnata? Jista' jgħid x’ċilindrata għandha l-karozza f’kull każ separatament?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

L-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant qed titpoġġa fuq il-mejda tal-Kamra.

Żvilupp Urban u Toroq — Karozzi ġodda

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk inxtrawx karozzi ġodda għall-użu minn uffiċjali jew għall-użu ġenerali fil-Ministeru, dekasteru u enti tiegħu matul x-xhur ta' Jannar, Frar jew Marzu 2007 u f’każ li fl-affermattiv, għal min kienu jew għal liema skop, x’tip ta' karozza, il-prezz u x’ċilindrata huma?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninsab infurmat li ma nxtrat l-ebda karozza għall-użu uffiċjali jew għall-użu ġenerali fil-Ministeru, dekasteru u enti tiegħi fil-perjodu msemmi mill-Onorevoli Interpellant.

Residents parking scheme

Question

Jista' l-Ministru jara li jitfassal pjan mill-Gvern ċentrali flimkien mal-kunsill lokali konċernat biex titfassal residents parking scheme fl-inħawi ta' l-Universita' minħabba d-diversi ħwienet li hemm, minħabba ż-żieda fit-traffiku lejn l-Universita' u kif ukoll l-impatt fuq il-parking li r-residenti qed jibżgħu li se jkollu fuqhom il-ftuħ ta' l-Isptar Mater Dei? Qed nirreferi b'mod partikolari għal Triq Esperanto u oħrajn fl-inħawi ġewwa l-Msida.

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninsab infurmat li minn riċerka li saret fir-records tat-Taqsima għall-Immaniġjar tat-Traffiku rriżulta li t-talba tal-Kunsill Lokali kienet għal skema residenzjali fi Triq Imħallef Debono biss u sal-lum it-Taqsima għadha qed tistenna nformazzjoni li ntalbet mill-Kunsill rigward din il-proposta. Ma kienx hemm talbiet għal Skemi Residenzjali f'toroq oħra.

Msida — Triq il-Ġostra

Question

Billi r-residenti saru jafu li l-bankini fi Triq il-Ġostra, l-Msida ma sarux mill-kunsill lokali, jista' l-Ministru jara li jitkompla x-xogħol fuq dawn il-bankini mill-Gvern ċentrali?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi fit-triq imsemmija hemm xi plots li għandhom mhux mibnija. Għaldaqstant il-bankina ta' quddiemhom jidher li għadha ma saritx. Huwa obligu tas-sid ta' dawn il- plots li jagħlqu l- plot bi tmien filati skond il-liġi. Fil-kas li dan ma jsirx il-Kunsill għandu jidħol biex jagħmel dawn il-ħitan. Hekk kif dan isir il-bankini jitkomplew.

Bormla — Pedestrian crossing

Question

Jista' l-Ministru jara li jsir xi tip ta' pedestrian crossing quddiem l-għassa ta' Bormla, kif ukoll dwar il-possibbilta' li terġa' tinbena t-traffic island li kien hemm fl-istess triq?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninsab infurmat li minn riċerka li saret fir-records tat-Taqsima għall-Immaniġjar tat-Traffiku rriżulta li ma saret l-ebda talba għal pedestrian crossing jew central strip quddiem l-għassa ta' Bormla. It-Taqsima ser tikkuntatja lill-Kunsill Lokali rigward dan is-suġġeriment.

Birgu — Triq maġenb il-Baċir nru. 1

Question

Peress li qabel inbeda xi xogħol fuq il-proġett tal-Kottonera kien imwiegħed li t-toroq prinċipali kellhom jiġu rranġati, jista' l-Ministru jgħid jekk it-triq ewlenija li ddur mal-Baċir nru. 1 lejn il-Birgu hux se tingħata xi wiċċ ġdid?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li t-triq mhux inkluża fil-lista ta' toroq li ser jitlestew sa l-2008. Jista' jkun li t-triq issir taħt xi forma ta' programm ieħor.

MP & DS

Question

B'referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 24371 jista' l-Ministru jgħid kemm tħallset il-kumpannija Malta Planning and Design Consultants għall-proġett fuq Lot 1 tat-toroq iffinanzjati mill-Protocol Taljan? Jista' l-Ministru jgħid meta tħallset għas-servizz mogħti u jekk tħallsitx mill-ADT jew minn xi entita' dipartimentali oħra?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninsab infurmat li l-Kumpanija Malta Planning and Design Consultants tħallset is-somma ta’ Lm 222,298 fuq Lot 1, mill-ADT minn voti kapitali hekk kif imniżżel hawn taħt: Lot 1 Lm 138,173 Lot 1 A___ Lm 84,125 Total Lot 1 Lm 222,298 Il-pagamenti saru hekk kif kien iċċertifikat ix-xoghol fuq medda ta’ kważi sentejn minn Settembru 2004, bl-aħħar pagamenti jsiru hekk: Lot 1 26/07/2006 Lot 1A 26/06/2006

Proġett tal-Pont Manwel Dimech

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 24371, jista' l-Ministru jgħid jekk il-konsorzju DTR u KHP tħallasx għall-proġett pont Manwel Dimech? Jekk iva, kemm tħallas sal-lum u jekk tħallasx mill-ADT jew minn entita' dipartimentali oħra?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li dan ix-xogħol huwa ffinanzjat mill-fondi Strutturali tal-Unjoni Ewropea. L-ammont li tħallas s'issa huwa Lm 99,710. Dan tħallas mid-Dipartiment tal-Finanzi wara ċertifikazzjoni tax-xogħlijiet mill-ADT.