Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar liema prodotti agrikoli ntbagħtu barra minn Malta matul l-aħħar sena? Lejn liema pajjiżi ntbagħtu dawn il-prodotti? X’tip ta’ kontrolli saru fuq dawn il-prodotti qabel ma ntbagħtu barra minn Malta?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li skont l-informazzjoni mogħtija lili mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari, kif diġà ġie kkonfermat fir-risposta għall-Mistoqsija Parlamentari 9480, m’hemm l-ebda obbligu legali jew amminstrattiv u li min irid jibgħat prodotti agrikoli barra minn Malta jrid qabel xejn jinforma lill-Ministeru.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-Kunsill Konsultattiv għall-Agrikoltura hux jopera u xi proponimenti għamel biex ikun hemm titjib fil-qasam agrikolu?
Response (BRINCAT, LEO)
Ninforma lill-Onor Interpellant li minn informazzjoni mogħtija lili mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari minn Marzu sa tmiem l-2015, il-Kunsill Konsultattiv għall-Agrikoltura għamel tmien laqgħat, stieden diversi kelliema, attenda diversi laqgħat ta' konsultazzjoni mad-diversi setturi agrikoli. Ninsab infurmat ukoll li dan il-Kunsill għamel diversi sottomissjonijiet waqt id-diskussjoni interna dwar l-abbozz tal-Politika Agrarja li iżda għadu qed ikun finalizzat.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-Gvern għadux kommess li joħloq skema ta’ kwalità għall-prodotti agrikoli? Jekk iva, mil-liema setturi se jibda u kif se jitħaddem il-proċess ta’ ċertifikazzjoni? Sar xi forma ta’ market survey mal-konsumatur fuq il-prodotti agrikoli Maltin li huma distinti minn oħrajn?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li minn informazzjoni mogħtija lili mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari, ninsab infurmat illi l-Gvern diġà stabilixxa l-iskema ta’ kwalità permezz tal-liġi sussidjarja 427.90 liema emendi ġew ikkomunikati lill-Kummisjoni Ewropea fl-1 ta’ Frar, 2016. Flimkien mal-emendi fil-ligi ġew ukoll ikkomunikati l-istandard tal-ħalib, ir-regoli ta’ implimentazzjoni tal-iskema u r-regolamenti fuq is-sistemi ta’ kontroll tal-iskema.
Ninsab infurmat ukoll li f’Jannar ħarġet espressjoni ta’ interess għall-korpi ta’ kontroll li ser ikunu qed jiġu ingaġġati mill-operaturi li jipparteċipaw fl-iskema liema spejjeż ser ikunu eliġibbli għal-sussidju mill-pjan għall-iżvilupp rurali 2014- 2020.
L-iskema ta’ Kwalità ser tkun qed titħaddem mid-Direttorat tal-Agrikolutra fejn se jkun qiegħed jirċievi applikazzjonijiet b’mod elettroniku li tippermetti monitoraġġ tal-produzzjoni ta’ kwalità permezz tà sistema ta’ traċċabilità li qed tiġi żviluppata apposta għal din l-iskema. Il-proċess ta’ ċertifikazzjoni jkun jikkonsisti fl-applikazzjoni, fis-sistemi ta’ kontroll, dak intern (li għandu jagħmlu l-operatur stess) estern (dak li jagħmlu il-korp ta’ kontroll) u superviżjoni (dak li jsir mid-Direttorat tal-Agrikoltura) u aċċess għas-sistema ta’ traċċabilità li tagħti l-possibbilita’ ta’ monitoraġġ kontinwu għal-produzzjoni ta’ Kwalità.
Ninsab infurmat ukoll li l-għodda valida tal-market surveys tagħti l-iżjed frott fl-istadju ta’ marketing ta’prodotti koperti minn marka u/jew sistema ta’ kwalità; għalhekk lejn l-aħħar tas-sena 2015 kien sar sondaġġ fuq il-perċezzjoni tal-konsumatur fuq l-inbejjed fl-iskemi DOK u IGT ta’ Malta. Eżerċizzji oħrajn jitniedu hekk kif jiżdiedu l-prodotti koperti mill-marka ta’ kwalità ta’ Malta.
Jista’ l-Ministru jindika jekk id-definizzjoni ta’ “Bidwi Attiv” (Active Farmer) għadhiex tinkorpora fiha distinzjoni bejn bidwi full-time u bidwi part-time? Hu maħsub li ssir skema ta’ riklassifikazzjoni tal-bdiewa u raħħala abbażi ta’ kriterji tanġibbli bħal dħul mill-prodott agrikolu, jew ammont ta’ art li tinħadem jew bhejjem fir-razzett?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi skont l-informazzjoni mogħtija lili mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari, ninsab infurmat li d-definizzjoni ta’ bidwi attiv għal skop ta’ reġistrazzjoni għall-għajnuniet tal-UE qatt ma inkludiet distinzjoni bejn ‘full-time’ u ‘part-time’ farmer, peress li din hi biss marbuta mal-istat tal-impjieg ta’ persuna, iżda pjuttost hi marbuta ma’ attività minima indispensabbli għaż-żamma tar-raba’. Ninsab infurmat ukoll li l-Gvern qiegħed jikkunsidra liema triq tkun l-aħjar sabiex il-biedja Maltija tingħata l-importanza li jixirqilha.
F’dan il-kuntest ninsab infurmat li dan il-Gvern beda proċess biex għall-ewwel darba f’Malta ikun hawn politika speċifika għall-agrikoltura li dwarha nissuġġerixxu li l-Onor. Interpellant jagħmel ir-rakkomandazzjonijiet tiegħu fejn dawn jingħataw il-kunsiderazzjoni li jixiriqilhom.
Jista’ l-Ministru jgħid fiex waslet ir-riforma tal-Pitkalija? X’inhu jsir fir-rigward ta’ nuqqas ta’ kaxxi ħodor u s-serbut ta’ bdiewa jistennew għall-kaxxi li reġgħat saret realtà fil-Pitkalija?
Response (BRINCAT, LEO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li minn informazzjoni mogħtija lili mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari, ninsab infurmat li l-ewwel fazi tar-riforma fil-Pitkalija bdiet billi qed isir xogħol estensiv fil-bini kif ukoll fil-makkinarju fejn jinħaslu l-kaxxi. Dan il-proġett se jwassal għal servizz aktar effiċjenti u ta’ kwalità għolja biex jinqdew il-bdiewa kif ukoll nissalvagwardjaw is-Saħħa u s-Sigurtà tal-ħaddiema. Ninsab infurmat ukoll li tenders relatati mal-proċess tat-tibdil tas-soqfa eżistenti fejn joperaw il-pitkala kif ukoll it-tibdil tal-loading bays qegħdin fi stadji avvanzati sabiex jiġu ppubblikati. Apparti minn hekk, proġett bħal dan irrikjeda diskussjonijiet kif ukoll pariri professjonali fejn ġew osservati l-aħjar struttura għall-bini eżistenti sabiex jibbenefikaw l-istakeholders kollha ta' dan il-qasam. Fir-rigward tal-provvista tal-kaxxi, ninsab infurmat li rċevejna l-ewwel konsenja mir-rolling tender fejn qdejna l-bidwi b'aktar minn 6,000 kaxxa ġdida f'ġimagħtejn. Il-bidwi qed ikollu aktar serħan il-moħħ illi meta jmur il-Pitkalija, jaf li se jsib il-kaxxi kif ukoll titjib fis-servizz fil-ħasil tal-kaxxi.
Programm għall-Iżvilupp Rurali – 2007-2013 — fondi
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hemm fondi tal-Programm Għall-Iżvilupp Rurali 2007-2013 li ġew assorbiti? Kien hemm fondi mitlufa ta’ proġetti li ma ġewx magħluqa sal-aħħar tal-programm? Jekk iva, kemm jammontaw dawn il-fondi mitlufa?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li minn informazzjoni mogħtija lili mill-Uffiċċju tas-Segretarju Permanenti, ninsab infurmat li l-allokazzjoni ta’ fondi Ewropej taħt il-Programm ta’ Żvilupp Rurali għas-snin 2007-2013 kien ta’ €77,653,355. Minnhom ġew imħallsin €77,612,644 mill-ARPA sal-31 ta’ Diċembru, 2015. Ninsab infurmat ukoll li ma ntilfu ebda fondi minħabba proġetti mhux magħluqin.
Ministeru għall-Iżvilupp Sostenibbli, Ambjent u Tibdil fil-Klima – xogħlijiet ta’ konsulenti
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm u min huma l-konsulenti mqabbdin mill-Ministeru tiegħu, x’inhu x-xogħol eżatt tagħhom u kemm qed jitħallsu inkluż allowances u perkaċċi oħra?
Response (BRINCAT, LEO)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għat-tweġiba li ngħatat għall-Mistoqsija Parlamentari 17955.
Dipartiment tal-Agrikoltura (Għammieri) – Parks Division – tħawwil ta’ siġar
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm tħawwlu siġar, maqsumin skont l-ispeċi, mill-Parks Division tad-Dipartiment tal-Agrikoltura Għammieri sena b’sena mill-2012 sa meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li m’hemm l-ebda Parks Division fi ħdan id-Direttorat tal-Agrikoltura. Minkejja dan, skont l-informazzjoni mogħtija lili mill-Uffiċċju tas-Segretarju Permanenti, qed inpoġġi Tabella fuq il-Mejda tal-Kamra bl-informazzjoni mitluba.
Jista' l-Ministru jgħid kemm ġie ġġenerat Municipal Solid Waste fl-2013, fl-2014 u fl-2015 separatament? Jista' jgħid kemm minnu mar fil-landfills?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li minn informazzjoni mogħtija lili mill-Uffiċċju tas-Segretarju Permanenti, qed inpoġġi Tabella fuq il-Mejda tal-Kamra bl-informazzjoni mitluba.
Jista' l-Ministru jelenka l-fees kollha li preżenzjalment il-Wasteserv għandha fuq l-iskart? Jista' jgħid għal-liema tip ta' skart u kemm hi l-fee rispettiva?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li minn informazzjoni mogħtija lili mill-Uffiċċju tas-Segretarju Permanenti, qed inpoġġi Tabella fuq il-Mejda tal-Kamra bl-informazzjoni mitluba.
Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm hu mistenni li jsir investiment fil-Pitkalija matul l-2016? X’xogħol hu mistenni li jsir? Kemm minn dan ix-xogħol diġà ħarġu tenders għalih? Min ħa t-tender għall-istess xogħol?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li minn informazzjoni mogħtija lili mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari, ninsab infurmat li għall-ewwel darba fi snin twal ġie allokat budget sostanzjali ta’ €1.6m sabiex imorru għall-Pitkalija inkluż sabiex jibdew xogħlijiet ta’ manutenzjoni fuq is-sheds u l-madwar fejn joperaw l-istakeholders tal-Pitkalija u kif ukoll jitkompla l-proġett pilota. Ninsab infurmat ukoll li fil-ġimgħat li ġejjin se jinħarġu tenders għal ‘Services of Mechanical & Electrical Engineer for the upgrading of 2 sheds at Pitkalija’, ‘Replacement of roof Sheds and Replacement of Flooring at No. 2 Pitkali, Attard’ u xiri ta' grading & packing station. Ix-xogħol huwa mistenni li jibda għax- xhur tas-sajf.
Jista’ l-Ministru jgħid min hu d-Direttur maħtur fid-Direttorat għall-Iżvilupp Sostenibbli? Meta saret is-sejħa? Kemm applikaw għal dan il-postu min kienu dawk li applikaw?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li minn informazzjoni mogħtija lili mill-Uffiċċju tas-Segretarju Permanenti, ninsab infurmat li d-Direttur għall-Iżvilupp Sostenibbli huwa s-Sur George Said. Il-ħatra tiegħu saret skont is-sejħa maħruġa mill-Uffiċċju tal-Prim Ministru nhar l-20 t’Awwissu 2015 (Ċirkulari UPM 12/2015). Ta’ min jinnota li dan huwa l-ewwel Direttorat tax-xorta tiegħu li qatt kien hawn f’pajjiżna, u għalhekk din hija l-ewwel darba li nħatar Direttur li se jkun responsabbli minn dan id-Direttorat għall-Iżvilupp Sostenibbli. Dwar l-aħħar parti tal-mistoqsija nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jagħmel il-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.
Ta’ Qali — Suq tal-Bdiewa – faċilitajiet ta’ toilets
Question
Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx pjan li fis-sezzjoni fejn jiġi armat is-Suq tal-Bdiewa f'Ta' Qali jsiru faċilitajiet ta' toilets biex jintużaw kemm mill-bejjiegħa kif ukoll mix-xerrejja li jixtru minn dan is-suq meta jarma kull ta' nhar ta' Tlieta u nhar ta' Sibt?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi skont l-informazzjoni mogħtija lili mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari, ninsab infurmat li dawn il-faċilitajiet ta’ toilets diġà jeżistu billi jkun hemm żewġ mobile toilets kull meta jarma s-suq, jiġifieri kull nhar ta’ Tlieta u kull nhar ta’ Sibt. Dawn it-toilets ikunu hemm sabiex jintużaw kemm mill-bejjiegħa kif ukoll mill-pubbliku li jattendi dan is-suq.
Jista’ l-Ministru jgħid meta l-inizjattiva tal-ġbir tal-iskart organiku se tiġi estiża sabiex tinkludi l-lokalità tas-Siġġiewi?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi skont l-informazzjoni mogħtija lili mill-Uffiċċju tas-Segretarju Permanenti, ninsab infurmat li filwaqt li n-numru ta’ Kunsilli Lokali li bħalissa qed jipparteċipaw fil-proġett pilota dwar il-ġbir tal-iskart organiku se jiżdied fix-xhur li ġejjin, fil-preżent il-Ministeru mhuwiex f'pożizzjoni li jgħid meta l-lokalità tas-Siġġiewi se tkun inkluża fl-imsemmi proġett.
Jista’ l-Ministru jispjega għaliex id-Direttorat tal-Animal Welfare dam fuq xahrejn biex investiga u ma ittieħdux passi propizji f’każ ta’ żiemel li allegatament qiegħed jiġi miżmum ħażin u li d-dettalji tiegħu qed jingħataw separatament? Jista’ jaċċerta li jekk s’issa għadhom ma ttieħdux passi, jittieħdu passi biex jiġi investigat dan ir-rapport? Jekk hemm bżonn, jistgħu jittieħdu l-passi neċessarji biex dan iż-żiemel ma jkomplix ibati? Billi dak li bagħat ir-rapport qed jgħid li ilu xahrejn jirraporta dan l-każ mingħajr ma jittieħdu l-passi neċessarji mill-Animal Welfare, jista’ jitlob lill-Kummissarju għat-Trattament Xieraq tal-Annimali biex jinvestiga dan il-każ?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li minn informazzjoni mogħtija lili mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari, ninsab infurmat illi d-Direttorat tal-Animal Welfare jkollu diversi sejħiet biex jinvestiga każijiet ta’ allegat moħqrija tal-annimali u għaldaqstant trid tingħata attenzjoni xierqa lil dawk il-każijiet li jkunu jirrikjedu attenzjoni aktar urġenti minn oħrajn. Id-Direttorat sar jaf bil-każ permezz ta’ telefonata nhar il-21 ta’ Jannar 2016 fejn ma kellu ebda deskrizzjoni tas-sitwazzjoni jew ritratti tal-annimal. Minħabba prijoritajiet ta’ każijiet li skont l-informazzjoni li ngħatat ikunu jeħtieġu azzjoni mmedjata u xogħol ieħor relatat ma’ follow ups, l-uffiċjali tad-Direttorat wettqu spezzjoni fuq il-post nhar it-3 ta’ Marzu 2016. Id-debba ma kinitx fi stat ħażin ta' saħħa u fuq il-post ġew innutati xi elementi relatati maż-żamma tagħha u għalhekk is-sid intalab jindirizza din is-sitwazzjoni. L-għada li saret din l-ispezzjoni, jiġifieri il-Ġimgħa 4 ta’ Marzu 2016, raġel Malti, il-persuna li kienet is-sid oriġinali ta' din il-bhima u li kienet għadha rreġistrata fuqu, għamel kuntatt mal-persuna Għawdxija li kienet qed iżżommha f’post fix-Xewkija Għawdex, u għamel l-arranġament neċessarju sabiex din tittieħed lura Malta u tingħata lil organizzazzjoni volontarja li taħdem maż-żwiemel. Fid-dawl ta’ dan kollu, m’hemmx ħtieġa li ssir xi forma ta’ investigazzjoni ulterjuri dwar dan il-każ u għalhekk dan il-każ ingħalaq.
Jista’ l-Ministru jispjega għaliex id-Direttorat tal-Animal Welfare dam biex jieħu passi fl-allegat każ ta’ moħqrija ta’annimali miżmuma f’residenza fl-Imsida u li d-dettalji ta’ dan il-każ qed jingħataw separtament? Jista’ jinvestiga dan il-każ?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li minn informazzjoni mogħtija lili mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari, ninsab infurmat li mhux minnu li l-każ in kwistjoni dam ma jkun investigat. Wara l-intervent li sar mid-Direttorat tal-Animal Welfare l-ammont ta’ annimali li għad fadal fir-residenza in kwistjoni issa naqas għal kelb u tlett iqtates kif ikkonfermat wara spezzjoni li saret fis-16 ta Marzu fejn irriżulta li dawn qed jinżammu b’mod tajjeb u kkurat u dan grazzi għall-ħidma, involviment dirett u superviżjoni tal-familjari ta’ sid l-annimali. Ninsab infurmat li d-Direttorat tal-Animal Welfare ser iħalli ftit ta’ żmien jgħaddi u jerġa’ jżur ir-residenza privata biex jara li l-annimali għadhom jinżammu f’kundizzjonijiet xierqa.
Direttorat tal-Animal Welfare – każ ta’ miżbla f’Ħal Luqa
Question
Jista’ l-Ministru jispjega x’passi qed jieħu d-Direttorat tal-Animal Welfare fl-allegat każ ta’ miżbla f’Ħal Luqa fejn allegatment qed jinżammu klieb fi stat ħażin u li rapport dwar dan il-każ deher ukoll fil-ġurnal The Times of Malta tas-17 ta’ Marzu taħt l-artikolu ntitolat“Animal Welfare Department probing Luqa mystery dump”?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li minn informazzjoni mogħtija lili mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari, ninsab infurmat li fis-16 ta’ Marzu qabel ma deher il-każ fuq il-gazzetti, id-Direttorat tal-Animal Welfare kien diġà għamel l-ewwel spezzjoni fuq il-post. Ninsab infurmat ukoll li l-każ għadu qed jiġi investigat u se jittieħdu l-passi neċessarji sabiex ikun żgurat li l-annimali jinżammu kif jixraq.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb li tingħata xi għajnuna lill-bdiewa li sofrew minħabba n-nixfa u n-nuqqas kbir ta' xita matul din ix-xitwa?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li minn informazzjoni mogħtija lili mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari, ninsab infurmat li filwaqt li l-Gvern qed jeżamina s-sitwazzjoni dwar kif jistgħu jiġu megħjuna dawn il-bdiewa, fil-preżent għadhom għaddejjin diskussjonijiet tekniċi fi ħdan l-organi tal-Kunsill tal-Ministri sabiex jiġu maqbula mal-Kummissjoni Ewropea l-istrumenti legali li jirregolaw l-għajnuniet statali li għandhom japplikaw biex jindirizzaw din is-sitwazzjoni.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm inbiegħu siġar lill-bdiewa u membri tal-pubbliku mill-mixtla tal-Gvern f’San Vinċenz sena b’sena mill-2012 sa meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, maqsuma skont l-ispeċi?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi skont l-informazzjoni mogħtija lili mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari, ninsab infurmat li mill-mixtla ta’ San Vinċenż de Paule fi ħdan id-Direttorat tad-Diversifikazjoni u Kompetitività bejn Ottubru 2012 sal-lum, inbigħu l-ispeċi u ammonti ta’ siġar tal-frott kif jidhru fit-Tabella li qiegħda titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.