Legislature:
Category:
Reset
Active:

Awtorità tad-Djar — skemi

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm għandha skemi miftuħin bħalissa l-Awtorità tad-Djar? Jista' jgħid ukoll kemm għandha skemi li huma magħluqin bħalissa u jgħid ukoll jekk hemmx il-ħsieb li jinfetħu aktar skemi ġodda? Jekk huwa l-każ, jista' jagħti aktar dettalji tal-iskemi li ser ikunu qed jinfetħu?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi, bħalissa, l-Awtorita’ tad-Djar għandha s-segwenti skemi miftuħa:- · Skema ta’ Irranġar u Titjib (ADP) · Skema ta’ Sussidju tal-Kera (RSS) · Skema ta’ Strutturi Perikoluzi (SSP) · Skema għall-Persuni b’Diżabilita’ (DIS) · Skema fuq Għotja biex tgħin fil-Bini u/jew Tkomplija ta’ Xogħlijiet jew Irranġar tal-Ewwel Residenza (GFR) · Skema ta’ Installar ta’ Lifts ġewwa blokok tal-Gvern (LFT) · Skema ta’ Xiri ta’ residenzi mikrija mill-Gvern (SSD) - Skema tal-kunsill lokali - għal xogħol fil-komun Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi, fil-preżent, l-Awtorita’ tad-Djar qegħda tħejji sabiex tippubblika skema ġdida fejn ser jingħata sussidju sa massimu ta’ €166.66 fix-xahar fuq il-kera, mħallas għal residenzi privati. Sabiex wieħed jikkwalifika għal dan is-sussidju irid jippreżenta kuntratt tal-kera. Din l-iskema hija mmirata lejn sidien il-kera fejn dawn jistgħu jibbenefikaw minn rata ta’ taxxa ta’ 5% minflok dik ta’ 15% fuq id-dħul mill-kera jekk dawn ikollhom kuntratt jew joffru kuntratt ta’ aktar minn 7 snin lill-inkwilini tagħhom li jissottometti applikazzjoni għas-sussidju tal-kera.

Social Policy Information Centre

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk in-numru tat-telephone159 tas-Social Policy Information Centre huwiex bi ħlas jew mingħajr ħlas? Jekk huwa bil-ħlas, jista' jgħid għaliex dan huwa bi ħlas u hekk għandux l-intenzjoni li jibda' jsir mingħajr ħlas?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi, sa mill-bidu tiegħu fl-2003 in-numru tat-telefown 159 tas-Social Policy Information Centre kien bil-ħlas. Pero huwa ppjanat li s-servizz preżentament offrut min-numru tal-telefown 159, jibda jsir mingħajr ħlas fil-futur qarib hekk kif hemm il-ħsieb li dan is-servizz jibda jkun offrut ukoll permezz tal-pjattaforma tal-freephone tas-Servizz.Gov 153.

Tas-Sliema – Day Centre

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hemm anzjani jattendu kull sena fid-Day Centre ta' Tas-Sliema mill-2005 sal-lum? Jista' jagħti rendikont tan-numru ta' anzjani li kienu jattendu f'dan id-Day Centre sena b'sena?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi, matul din is-sena nfetħu żewġ Ċentri ta’ Matul il-Jum oħra, ġewwa l-lokalita’ tal-Gżira kif ukoll ġewwa s-Swieqi. F’dawn iċ-Ċentri qegħdin jattendu total ta’ 97 membru; 50 membru ġewwa ċ-Ċentru tas-Swieqi u 47 membru li qed jattendu ċ-Ċentru tal-Gżira. Bis-saħħa tal-ftuħ ta’ dawn iż-żewġ Ċentri, assorbejna dawk il-klijenti li kienu jattendu iċ-Ċentru ta’ Ta’ Sliema.

Residenza San Vinċenz de Paul – swali Rużar Briffa

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hux minnhom jew le x-xniegħat persistenti li x'uħud mis-swali Rużar Briffa fir-Residenza San Vinċenz de Paule se jkunu qed jgħaddu kollha, jew parti minnhom għand il-privat?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi, m’hemmx pjan biex is-swali preżenti fil-kumpless San Vinċenz de Paule jingħataw lill-privat.

Residenti fis-Sala St. Joseph 5 u 6 – prattiċi tax-xogħol – saħħa u sigurtà

Question

Jista' l-Ministru jara li jiġu esegwiti l-prattiċi tax-xogħol fejn tidħol saħħa u sigurtà kif ukoll rispett u dinjità lejn dawk l-anzjani li jinsabu residenti fis-Sala St.Joseph 5 minħabba xogħol ta' kostruzzjoni li qed isir fis-Sala St. Joseph 6 peress li jirriżulta li materjal ta' kostruzzjoni qed jintefa’ mis-sular ta' fuq għall-isfel proprju taħt it-twieqi tar-residenti anzjani li qed jikkawża inkonvenjent minħabba l-ħmieġ u t-trabijiet kontinwi li l-anzjani qed jesperjenzaw?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi, qed jittieħdu l-passi neċessarji kollha sabiex l-aċċess għas-sit fejn qiegħed isir ix-xogħol ikun limitat biss għall-ħaddiema awtorizzati biex b'hekk tiġi rispettata d-dinjita’ tar-residenti. Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi, l-aċċess għall-btieħi mis-sala huwa magħluq u l-ispazji madwar l-iskips jitnaddfu kuljum. Il-ħaddiema għandhom 'chute' għad-dispożizzjoni tagħhom. Barra minn hekk, ċertu xogħol qiegħed isir f'ħinijiet li ma jkunux ta' skumdita’ għar-residenti. Żdiedu s-servizzi ta’ tindif ukoll biex nassiguraw il-livell ta’ iġjene neċessarja.

Proġett Meals on Wheels — ħaddiema

Question

Jista' l-Ministru jagħti garanzija li numru ta' ħaddiema li tul dawn l-aħħar snin ħadmu fuq il-Meals on Wheels, proġett li kien varat f'pajjiżna madwar 26 sena ilu, mhux se jitilfu l-impjieg tagħhom bit-tibdil li qed isir fl-imsemmi proġett?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi, abbażi tar-regoli ġenerali tal-Kuntratti, l-impjegati preżenti jiġu assorbiti mill-kuntrattur il-ġdid, kif fil-fatt qiegħed isir.

Proġett Meals on Wheels – anzjani li twaqqfilhom is-servizz

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kienu dawk l-anzjani jew individwi li bejn l-1 ta’ Jannar 2016 u l-15 ta' Novembru 2016 talbu li jitwaqfilhom is-servizz mogħti lilhom mill-Meals on Wheels?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi n-numru ta’ persuni li waqqfu s-servizz tal-Meals on Wheels bejn l-1 ta’ Jannar, 2016 u l-15 ta’ Novembru, 2016 huwa ta’ ħamsa u ħamsin (55). Ir-raġunijiet għal dan huma diversi, fosthom minħabba dħul f'xi dar tal-anzjani, ingaġġ ta' carer id-dar u/jew minħabba l-mewt tal-benefiċċjarji.

dħul f'dar tal-anzjani — każ ta' individwu

Question

Jista' l-Ministru jara li jsir kuntatt mal-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament fuq każ tal-ġenituri tiegħu fuq dħul f'dar tal-anzjani?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-applikazzjoni tal-persuni li qed issir referenza għalihom b’mod separat, qed jingħataw l-attenzjoni meħtieġa.

Benefiċċju għall-koppja – mard

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk jeżistix xi benefiċċju għall-koppja fejn parti mill-koppja tkun qed tieħu ħsieb lill-mara jew lir-raġel li jkunu morda d-dar?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li, wieħed mill-iskopijiet tar-riforma fil-Pensjoni tal-Wens, issa magħrufa bħala Allowance Mi¿juda għall-Carers, imħabbra fid-diskors tal-Bagit 2017, kien propju illi, għall-ewwel darba, parti mill-koppja miŻŻewġa, li tkun taħt l-età tal-irtirar, tkun eliġibbli li tapplika jekk tkun qed tieħu ħsieb lill-konjugi fuq baŻi fulltime u għalhekk ma tistax taħdem u fl-eventwalita’ li l-Bord Multi Dixxiplinarju jiddikjara l-kundizzjoni tal-pazjent/a bħala waħda ta’ dipendenza għolja. Dan il-benefiċċju se jkun parti mill-Allowance Miżjuda għall-Carers; allowance ta’ €140.00 fil-ġimgħa. Fl-e¿empju mogħti mill-Onorevoli Membru, minn benefiċċju ta’ xejn, f’sena se jkunu qed jirċievu € 7,280.

Persuni li jieħdu Benefiċċji Soċjali

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm persuni li jieħdu benefiċċji soċjali fil-lokalitajiet tal-Belt Valletta, Floriana, il-Marsa, il-Pietà, il-Ħamrun u Santa Venera u jaqsam l-informazzjoni skont il-benefiċċju rispettiv?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li, l-informazzjoni mitluba minnu fuq in-numru ta’ persuni li qegħdin jieħdu benefiċċji soċjali fil-lokalitajiet tal-Belt Valletta, Floriana, il-Marsa, il-Pietà, il-Ħamrun u Santa Venera, skont il-benefiċċju rispettiv, tinsab fit-tabella li qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Tqassim ta’ ikel — tender

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta ħareġ it-tender għall-ikel għall-ammont ta' €300,000 kif imħabbar mill-Gvern? Jista' jgħid min ħa dan it-tender u meta se jkun qed jitqassam dan l-ikel?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi, il-Ministeru għall-Familja u Solidarjetà Soċjali ħareġ l-imsemmi tender għall-ikel tal-iskema li qiegħda issir referenza għaliha: Referenza Data meta ġie ppublikat t-Tender Isem tal-Kuntrattur Ammont Data tal-Kuntratt Rimarki CT2210/16 – T18/2016 30 Settembru 2016 NA €780,000 VATeskluż (prezz approssimattiv) NA Is-sejħa għall-offerti infetħet fl-10 Novembru 2016. Skont Artiklu 13 tal-i Special Conditions tat- Tender Document, iż-żmien indikattiv li matuluser jitqassam l-ikel ser ikunu Diċembru 2016, Ġunju 2017 u Diċembru 2017.

Tqassim ta’ Ikel – lista ta’ prodotti kollha

Question

Jista' l-Ministru jagħti l-lista tal-prodotti kollha li se jkunu qed jitqassmu mill-iskema ta' €300,000 imħabbra minn dan il-Gvern sabiex jipprovdi ikel lil min ma jikkwalifikax fl-iskema tal-għotjiet tal-ikel tal-Unjoni Ewropea?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-lista tinsab pubblika flimkien mad-dokument tat-tender Ref: CT 2210/2016.

Ammont ta’ ikel — skema

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hu l-ammont f'ikel li se jingħata kull persuna mill-41,000 persuna li se jkunu qed jibbenefikaw mill-iskema ġdida ta' €300,000 li dan il-Gvern ħabbar riċentement?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi madwar 27,000 familja ser jibbenefikaw minn dan it-tqassim u li l-valur tal-pakkett ivarja skont in-numru ta’ persuni fil-familja.

Ċentru ta’ Matul il-Jum — persuna b’diżabilità intellettwali – spiża ta’ kuljum

Question

Jista’ l-Ministru jindika kemm hija l-ispiża ta’ kuljum għal kull persuna b’diżabilità intellettwali li tattendi fiċ-Ċentru ta’ Matul il-Jum?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni mitluba minnu hija ta' natura kummerċjali u sensittiva u għaldaqstant ma tistax titqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra.

Ħsarat fil-blokka — spezzjoni - każ ta' persuna

Question

Jista' l-Ministru jara li ssir spezzjoni fil-blokka li d-dettalji tagħha qegħdin jingħataw separatament minħabba ħsarat li hemm fil-blokka?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi, minkejja li l-Awtorita’ tad-Djar ma jirriżultalhiex li kien hemm rapporti pendenti ta’ ħsarat kif imsemmi b’mod separat, xorta waħda ittieħdet azzjoni u saret spezzjoni minn uffiċċjali tekniċi tal-Awtorita’ tad-Djar, fejn qed jittieħdu passi sabiex isiru t-tiswijiet meħtieġa.

Għajnuna soċjali – każ ta’ persuna

Question

Jista’ l-Ministru jara li jsir kuntatt mal-omm li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament minħabba għajnuna soċjali?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi għat-tweġiba li ngħatat għall-Mistoqsija Parlamentari 28183.

Ħruġ ta’ pensjoni – każ ta’ persuna

Question

Jista’ l-Ministru jara li jsir kuntatt mal-persuna li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament fuq ħruġ ta’ pensjoni peress li r-raġel miet u għadha ma rċeviet xejn?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi, il-persuna li d-dettalji dwarha qed jingħataw b’mod separat, ġiet infurmata bil-miktub mid-Dipartiment tas-Sigurta’ Soċjali, bl-eżitu tat-talba tagħha.

Applikazzjoni għall-home – każ ta’ individwu

Question

Jista’ l-Ministru jara li jsir kuntatt mal-familjari tal-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament fejn dan jinsab f’home u għamel applikazzjoni għall-bdil tal-Home?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-każ imsemmi minnu qed jingħata l-attenzjoni meħtieġa.

Ministeru għall-Familja u s-Solidarjetà Soċjali – direct orders

Question

Jista’ l-Ministru jelenka d- direct orders kollha li huwa awtorizza fl-2015 u fl-2016 sal-jum li fih tkun imwieġba din l-interpellanza? Jista’ għal kull direct order jagħti l-ammont involut, lil min ingħata u għal liema skop? Jista’ jgħid ukoll għalfejn kellha tingħata direct order minflok sejħa pubblika għal kull wieħed?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi, l-informazzjomi mitluba minnu tinsab fit-tabella li qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Djar fil-Komunità għall-Persuni b’Diżabilità

Question

B'referenza għad-Diskors tal-Bagit għas-sena 2017, fejn intqal li nfetħu djar fil-komunità għall-persuni b'diżabilità fis-Siġġiewi, Victoria u ż-Żurrieq, u anke li se jinfetħu għaxra oħra, jista' l-Ministru jgħid kemm hemm residenti fid-djar diġà miftuħa tas-Siġġiewi, iż-Żurrieq u Victoria, separatament?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi bħalissa: - fid-Dar tas-Siġġiewi għandna erba’ klijenti; - ġewwa d-Dar Residenzjani taż-Żurrieq, millum 21 ta’ Novembru ser jidħlu żewġ residenti; - rigward id-Dar Residenzjali ġewwa r-Rabat Għawdex, għaddejjin bi tranżizzjoni ta’ żewġ klijenti. Ngħarraf lill-Onor. Interpellant, illi in vista tal-istandards il-ġodda, il-proċess ta' tranżizzjoni għad-djar fil-komunita' jinvolvi xogħol fejn qed ikun assigurat li r-residenti prospettivi ikunu sejrin f’ambjent li huwa kompatibbli mal-bżonnijiet u n-neċessitajiet tagħhom. Barra minn hekk qegħdin naraw li jkun imfassal programm individwali kif ukoll programmi oħra komuni għar-residenti kollha. Qegħdin nagħmlu fiċ-ċert ukoll li d-distakk minn mal-familja u mill-ambjent li jkunu mdorrijin jgħixu fih isir b’mod gradwali. Il-proċess ta’ tranżizzjoni qed isir minn tim multi dixxiplinarju.