Jista' l-Ministru jgħid jekk il-persuna li isimha qed jintbagħat separatament huwiex intitolat biex jirċievi l-għajnuna medika?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Il-persuna kkonċernata ġiet infurmata biċ-ċirkostanzi kollha tal-każ tagħha mid-Dipartiment tas-Sigurta' Soċjali, u dan b'ittra tal-14 ta' Diċembru 1998.
15.12.98
Jista' l-Ministru jgħid kif wara li għall-ħabta ta' Mejju/Lulju saru l-interviews għal Head of Centre ta' l-Adult Training Centre s'issa għadu ma ħareġ ebda riżultat uffiċjali?
Jista' l-Ministru jispjega kif l-interviewers ikunu jafu riżultat min qabel ma jiġi ppubblikat?
Response (GONZI, LAWRENCE)
L-interviews għall-postijiet ta' Head of Centre ta' l-Adult Training Centre saru f'April u r-rakkomandazzjonijiet tas-Selection Board intbagħtu lill-Kummissjoni għas-Servizz Pubbliku f'Mejju jiġifieri qabel l-elezzjoni tal-5 ta' Settembru. Għalhekk il-Ministeru tiegħi ma kellu x'jaqsam xejn mal-interviews u mar-rakkomandazzjonijiet tas-Selection Board.
Ma nistax nifhem it-tieni parti tal-Mistoqsija għax l-interviewers huma l-membri tas-Selection Board u jkunu huma stess li jiffirmaw ir-riżultat ta' l-interviews.
15.12.98
Jista' l-Ministru jgħid jekk kienx hemm xi tibdil fil-pjanti jew dettalji oħra fit-twettiq tal-proġett ta' bini ta' dining room fir-Residenza ta' San Vinċenz de Paule li kien imbeda taħt l-Amministrazzjoni Laburista?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Rigward ir-'refurbishment' tad-Dining Room fir-Residenza San Vinċenz ma sar l-ebda tibdil fil-pjanti oriġinali. Nista ngħid li sar xi tibdil żgħir f'xi dettalji u żgur li x-xogħol sar aktar bil-ħeffa milli kif kien qed isir qabel. Inżid ngħid li billi rajna li ma kienx fiħ sens li jsir 'refurbishment' tad-Dining Room u tħalli l-bitħa ta' ħdejha u l-kuruturi ta' madwar il-bitħa fl-istat miżeru li kienu, kemm il-bitħa u kemm il-kuruturi ġew miksija b'madum apposta u saret ukoll upgrading ġenerali ta' dawn l-inħawi.
15.12.98
Jista' l-Ministru jgħid kemm kienet l-attendenza fuq bażi ta' daily average f'dawn l-aħħar tmien xhur f'kull day centre ta' l-anzjani taħt it-tmexxija tal-Gvern?
Jista' l-Ministru jgħid kellux xi laqgħat mal-Kunsill Lokali tar-Rabat u ta' l-Imdina dwar il-ftuħ ta' day centre fid-dar ta' l-anzjani fl-Imtarfa?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Is-Segretarju Parlamentari f'dan il-Ministeru kellu laqgħat mall-Kunsill Lokali tar-Rabat u ta' l-Imdina. F'dawn il-laqgħat tkellmu wkoll dwar id-Day Centre ta' l-Imtarfa, li suppost kellu jinfetaħ fiż-żmien l-amministrazzjoni preċedenti u baqa' ma nfetaħx.
15.12.98
Jista' l-Ministru jgħid minn min hu magħmul il-kumitat tat-tmexxija ta' l-anzjani fid-day centre ta' Tas-Sliema li kien twaqqaf b'inizjattiva tal-Gvern preċedenti?
X'suġġerimenti qiegħed jagħmel għat-titjib fit-tmexxija tal-post?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Risposta għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 2696 qegħda tinġabar u tingħata aktar il-quddiem.
15.12.98
Ministeru għall-Politika Soċjali — Aġġustamenti fil-pjanijiet
Question
Billi dan l-aħħar intqal fil-Parlament mis-Segretarju Parlamentari f'dan il-ministeru li kien hemm xi aġġustamenti fil-pjanijiet ta' titjib li kienu ppjanati mill-Amministrazzjoni Laburista, jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kif kienu dawn il-pjanti oriġinali u kif ġew emendati issa?
Min għamel jew kien involut fil-pjanijiet oriġinali u min kien involut fit-tibdil li sar?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Risposta għal din id-domanda ma tistax tiġi kkunsidrata billi m'hemmx spjegat għal x'hiex qiegħed jirreferi l-Onor. Interpellant.
15.12.98
Jista' l-Ministru jgħid meta mara tiġi msawta u l-każ jidħol fl-SWDP u tiġi riferuta għal shelter, l-SWDP tibqa' ssegwi l-każ? Jekk iva, b'liema mod?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Meta mara tiġi rreferuta għal shelter mit-Taqsima Vjolenza fid-Dar ta' l-SWDP, din tibqa' tiġi segwita mis-Social Workers tat-taqsima.
Dan isir billi:
Waqt li l-persuna għadha ġo shelter:
. Jiġu ffaċlitati kuntatti mal-pulizija fir-rigwared ta' rapporti jew ċertifikati mediċi.
. Jingħata support billi jsir counselling mal-mara abbużata.
. Tingħata għajnuna billi jiġu analiżżati l-alternattivi kollha u l-konsegwenzi ta' l-alternattivi u tittieħed deċiżjoni fuq l-aħjar alternattiva.
. Jiġi aċċertat li t-tfal li hemm mal-mara jissetiljaw fix-shelter u wkoll jekk ikun hemm il-bżonn jiġi ffaċilitat it-tibdil fl-iskola (mill-lokalita' tad-dar tal-persuna għal-eqreb lokalita' tax-shelter).
. Jiġi ffaċilitat kuntatt legali jekk ikun hemm bżonn.
. Isiru case conferences u case review ma' min imexxi ix-shelter, u min ikun qed jgħin il-mara minn naħa tax-shelter.
. Jekk ikun hemm il-bżonn jiġi ffaċilitat li l-mara tibda tieħu assistenza soċjali jekk tikkwalifika għaliha.
. Isir xogħol ta' advocacy mad-Dipartiment tas-Social Housing jekk il-mara tiddeċiedi li se tissepara u jkollha bżonn post fejn toqgħod.
. Jekk il-persuna tiddeċiedi li se tissepara tiġi akkumpanjata l-Qorti skond il-bżonn.
. Jekk il-persuna tkun tixtieq terġa' tirritorna d-dar, is-Social Workers tat-Taqsima jaħdmu sabiex hi u wliedha ma jkunux f'periklu.
. Tiġi ffaċilitata għajnuna lil min ikun qed jabbuża.
Meta din titlaq mix-shelter, l-għajnuna tibqa' tingħata wkoll.
15.12.98
Jista' l-Ministru jgħid liema dipartimenti li jaqgħu taħt id-dikasteru tiegħu żar u f'liema data żar kull dipartiment f'kull każ? Liema kienu d-dipartimenti li ma żarx sal-lum?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant.
15.12.98
Jista' l-Ministru jikkonsidra l-possibbilta' li jsiru lifts fil-housing estate ta' Għajn Qajjed, fir-Rabat, Malta? Kemm fil-fatt huwa n-numru ta' familji residenti f'dan il-qasam tad-djar? Billi f'dan il-housing estate hemm toroq li jeħtieġu wiċċ tarmac, jista' l-Ministru jara li jsir kordinament meħtieġ ma' l-awtoritajiet konċernati, inkluż il-Kunsill Lokali tar-Rabat sabiex isir dan ix-xogħol? Jekk fl-affermattiv, meta?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Nirreferi l-Onor. Interpellant għat-Tweġibiet għal Mistoqsijiet Parlamentari Nri. 409 u 639 rigwrd il-kwistjoni ta' stallar ta' lifts. Rigward it-toroq nagħti parir lill-Onor. Interpellant jagħmel dil-Mistoqsija lill-Ministeru għat- Transport.
15.12.98
Jista' l-Ministru jgħid kemm ġew allokati postijiet mid-29 ta' Ottubru, 1998 sad-9 ta' Diċembru, 1998? Jista' l-Ministru jgħid mil-liema lokalitajiet ġew allokati dawn il-postijiet? Jista' l-Ministru jgħid f'numri, mil-liema lokalitajiet huma dawk li gawdew mill-allokazzjonijiet?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Jien infurmat illi mid-29 ta' Ottubru sad-9 ta' Diċembru 1998 ġew allokati 33 post.
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista tal-postijiet kif ġew imqassma.
15.12.98
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija li għamiltlu waqt id-diskussjoni dwar il-voti li jaqgħu taħt id-dikasteru tiegħu, jiġifieri x'jiġri minn persuni separati li jkollhom digriet mill-Qorti għal manteniment, iżda l-ex raġel ma jagħtihomx dan il-manteniment, dawn se jkunu ntitolati għaż-żieda fl-entitlement fuq it-taxxa tad-dħul?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Il-Mistoqsija ta' l-Onor. Interpellant ġiet imwieġba fid-diskors ta' l-għeluq waqt id-diskuzzjoni tal-vot ta' dan il-Ministeru. Jekk l-Onor. Interpellant trid aktar informazzjoni allura hi ġentilment mitluba tirreferi d-domanda lill-Ministru responsabbli mid-Dipartiment tax-Taxxi Interni.
15.12.98
Jista' l-Ministru jgħid x'inhuma l-ħinijiet uffiċjali tax-xogħol tal-plumbers u electricians li jaħdmu fl-Isptar San Vincenz de Paule? Kemm hemm ħaddiema li jagħmlu dan it-tip ta' xogħol? X'inhi l-medja ta' sejħiet għall-maintenance ta' kuljum, kemm għall-plumbers kif ukoll għall-electricians?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Fil-Maintenance Section tar-Residenza ta' San Vinċenz hemm sebgħa plumbers u tmin electricians.
Dawn qed jaħdmu fuq shift ta' AOAO. Il-ħinijiet tax-xogħol huma mis-sebgħa ta' filgħodu sas-sebgħa ta' filgħaxija.
Il-medja tax-xogħol hija ta' tmintax il-sejħa kuljum għall-Plumbers u tnejn u għoxrin għall-electricians.
14.12.98