Legislature:
Category:
Reset
Active:

Meters tad-dawl

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm ġew minsusa b'mod illegali meters tad-dawl ta' l-Enemalta għal dawn is-snin: 2000, 2001, 2002, 2003, 2004, 2005, 2006, 2007 (sa issa)? Kemm minnhom kienu jinsabu f'postijiet domestici, u kemm minnhom kienu jinsabu f'postijiet kummerċjali? X'passi ttieħdu f'dawn il-każijiet? Kollha jkunu trattati bl-istess mod?

Response (GATT, AUSTIN)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.

Fgura — Tiswijiet fis-sistema tad-drenaġġ

Question

Jista' l-Ministru jgħid għaliex għadhom ma sarux tiswijiet fis-sistema tad-drenaġġ tar-residenti li joqogħdu fi Triq Ċensu Busuttil il-Fgura? Peress li r-residenti li joqogħdu fi Triq ir-Rihan ilhom għal dawn l-aħħar tlett snin ibatu l-konsegwenzi ta' dawn il-ħsarat minħabba li d-drenaġġ qed ifur fil-bjar tad-djar tagħhom, jista' jgħid meta se jibda x-xogħol biex tissewwa l-ħsara?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.

Safar

Question

Jista' l-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 24555 u cioe': B'referenza għall-mistqosijiet parlamentari 23675 u 23177 jista' iwieġeb fil-każ tal-ministeru, dipartimenti u l-enti li jaqgħu taħtu?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li s-safar sar skond il-ħtiġijiet u l-obbligi ta' l-istess Ministeru u entitajiet. Is-safar kollu ġie approvat skond il-proċeduri stabbiliti. Barra minn hekk, qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.

Safar

Question

B'riferenza għall-mistoqsijiet parlamentari 23675 u 23177, jista' l-Ministru jgħid jekk żdieditx in-nefqa fuq is-safar mill-2005 għall-2006 u f'każ affermattiv, kemm kienet iż-żieda fuq l-ispiża tas-safar mill-2005 u l-2006 globalment? Jista' jgħid x'kienet ir-raġuni ta' din iż-żieda u jekk kienx hemm l-approvazzjoni ta' l-Uffiċċju tal-Prim Ministru għat-tali spiża? Jista' jgħid min approva s-safar ta' matul l-2006?

Response (GATT, AUSTIN)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għar-risposta li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 24663.

Servizz ta' dawl u ilma

Question

Jista' l-Ministru jara għaliex anzjan li dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament, li joqgħod f'post li m'għandux dawl u ilma, għalkemm dan appella kemm-il darba baqgħu qatt ma tawh? Possibbli li dan il-każ jiġi nvestigat?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li kemm il-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-ilma kif ukoll il-Korporazzjoni Enemalta m'għandhom l-ebda applikazzjoni għal servizz ġdid ta ilma jew elettriku mill-persuna indikata mill-Onor Interpellant.

Kont tad-dawl u l-ilma

Question

Jista' l-Ministru jara li jiġi nvestigat kont tad-dawl u l-ilma ta' kamra peress li dan dejjem ħallas inqas minn Lm25 u issa l-kont ġih Lm392? Tista' din il-persuna tiġi nformata bl-aħħar żviluppi? In-numru tal-kont qed jintbagħat separatament.

Response (GATT, AUSTIN)

Jien infurmat li l-każ ġie nvestigat.

SmartCity — Infrastruttura ġdida

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'infrastruttura ġdida fl-oqsma tad-dawl, fibre optics, drenaġġ u ilma hemm bżonn għal SmartCity? Kemm se jintnefaq f'kull qasam għal din l-infrastruttura u min se joħroġ din is-somma ta' flus?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni li qiegħed jitlob ma’ tistgħax tingħata f’dan l-istadju minħabba li għad fadal numru ta’ studji tekniċi x’jitlestew min-naħa ta’ l-izviluppaturi.

Pembroke — Centru ta' distrubuzzjoni tad-dawl

Question

Jista' l-Ministru jinfurmani jekk hux minnu li l-Enemalta se jkollha ċentru ta' distribuzzjoni f'Pembroke, fl-inħawi ta' l-isports club? Jekk huwa minnu, meta se jinfetaħ? Peress li ġie allegat minn xi nies li dan jista' jkun ta' ħsara għas-saħħa tar-residenti li jgħixu ħdejn ċentru bħal dan, jista' l-Ministru jgħid jekk dan hux minnu? U jekk fin-negattiv, jista' jispjega u jassigura li m'hemmx ħsara għas-saħħa tar-residenti?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li fil-waqt li nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 19603, l-Enemalta qed tippjana li tibni Ċentri tad-Distribuzzjoni f'Pembroke. Dan iċ-Ċentru diġa' għandu l-permessi meħtieġa mill-MEPA, u dan ser ikun viċin l-'sports club' imsemmija. Dan iċ-ċentru ta' Distribuzzjoni mistenni jibda jopera sa l-aħħar tas-sena 2009. L-Enemalta tikkonferma li l-allegazzjonijiet dwar is-saħħa msemmija mill-Onor. Interpellant, m'humiex fondati. Fil-fatt, l-istudji kollha li saru kemm f'Malta kif ukoll barra minn Malta, juru li m'hemm l-ebda periklu għas-saħħa tal-bniedem.

Servizz ta' l-ilma sospiż

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhu jżomm milli jingħata s-servizz ta' l-ilma li hu sospiż lil persuna mir-Rabat, li ismu qed jintbagħat separatament? Jarax li umanament hija inġusta li din il-familja ilha mingħajr dan is-servizz għal ħames snin?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.

Investiment, Industrija u Teknoloġija ta' l-Informazzjoni — Ikliet/hospitality

Question

Jista' l-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 23339 u jgħid: Matul is-sena 2006 kemm kienet in-nefqa globali ta' l-ikliet/hospitality tal-ministeru, dipartimenti, dekasteri u enti kollha li jaqgħu taħtu?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li n-nefqa globali ta' l-ikliet/hospitality tal-ministeru, dipartimenti, dekasteri u enti li jaqgħu taħti kienet ta' Lm90,325, igifieri Lm21,359 inqas mis-somma ta' Lm111,684 li kien nefaq il-Gvern Laburista fis-sena 1998, disa snin qabel.

Enemalta — Żieda fil-prezz tal-fuel

Question

Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsijiet parlamentari 14962, 15126, 15382 u 15439 u jgħid apparti ż-żieda fil-prezz tal-fuel u fis-surcharge,x'miżuri qiegħda tieħu l-Enemalta biex taħdem b'mod aktar effiċjenti u b'hekk tikkontrolla aħjar l-ispiża u r-rendikont finanzjarju tagħha?

Response (GATT, AUSTIN)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għad-dibattitu li għadu kemm sar dwar l-Estimi tal-Enemalta fejn tajt spjega eżawrenti tal-miżuri kollha.

CASM — Impjegati

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'se jiġri mill-impjegati tal-CASMA li għal dawn l-aħħar tmien snin ġew mislufa lill-kumpannija Accor u llum Bariere? Jista' jgħid jekk il-gvern hux jikkontempla li jġedded il-kuntratt lill-kumpannija Barriere ma' l-għeluq tal-kuntratt għal għaxar snin milħuq mal-kumpannija Accor? Jekk il-kuntratt jiġġedded, il-gvern se jassigura li l-kundizzjonijiet tal-ħaddiema li ġew mislufa mill-CASMA jitjiebu, wara li matul dawn l-aħħar tmien snin il-kunidizzjonijiet tagħhom ġew prattikament iffriżati u l-impjegati tħallew mingħajr ftehim kollettiv?

Response (GATT, AUSTIN)

Peress li l-operat jaqa' taħt ir-responsabbilta' tal-Ministeru tal-Finanzi, nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.

Casino Dragonara

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'passi se jieħu l-gvern dwar l-istat ħażin li tħalla jaqa' fih il-bini tal-Casino Dragonara matul dawn l-aħħar tmien snin, għajr għal ftit irtokki ta' manutenzjoni li saru biss dan l-aħħar, wara li prattikament ma saret l-ebda manutenzjoni għal tmien snin sħaħ?

Response (GATT, AUSTIN)

Peress li l-operat jaqa' taħt ir-responsabbilta' tal-Ministeru tal-Finanzi, nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi l-Mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.

Malta Shipyards — Ħaddiema barranin

Question

Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 22974 u jgħid min huma l-persuni barranin li għandhom top posts fil-Malta Shipyards? X'inhu s-salarju u l-benefiċċji l-oħra li għandhom? Jista' jgħid x'esperjenza għandhom u xi kwalifiki fis-CV tagħhom? Jista' jgħid x'inhi r-raġuni li ngħatat ittra lill-ħaddiema tat-Tarzna dwar possibbilta' ta' xogħol b'shift mis-7.00 a.m. sas-7.00 p.m. u mis-7.00 p.m. sas-7.00 a.m.?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li fil-Malta Shipyards hawn tliet persuni barranin li għandhom top posts. Dawn huma Chris Bell – Chief Executive Officer, David Kahlbon – Production Executive, u John Cox – Project Executive. Dwar is-salarju ta’ dawn, nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għat-tweġiba li kont tajt għal mistoqsija parlamentari nru. 20253. Dwar l-esperjenza u l-kwalifiki fis-CV, l-Onor. Interpellant jifhem li minħabba l-Protezzjoni tad-Data personali din l-informazzjoni ma tistax tingħata. Imma nassigurah li dawn kienu ġew ivverifikati waqt l-interviews li saru qabel ma nħatru. Fir-rigward tat-tieni parti tal-Mistoqsija, l-ittra li qed isir riferenza għaliha ntbagħtet għal raġunijiet ta’ produttivita’ sabiex jitħaffef il-progress tax-xogħol fuq l-azzar fuq wieħed mill-proġetti li hawn bhalissa fil-Malta Shipyards.

Investiment, Industrija u Teknoloġija ta' l-Informazzjoni — Kiri ta' proprjeta'

Question

Matul is-sena 2006, jista' l-Ministru jgħid kemm kienet in-nefqa globali għall-kiri ta' proprjeta' tal-ministeru, dipartimenti, dekasteri u enti kollha li jaqgħu taħtu?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li n-nefqa globali għall-kiri ta' propjeta tal-Ministeru, dekasteru u enti kollha li jaqgħu taħti għas-sena 2006 kienet ta' Lm4,614 aktar mis-somma ta' Lm1,197,078 li kienet titħallas fis-sena 1998 (9 snin ilu) fi żmien gvern Laburista.

Investiment, Industrija u Teknoloġija ta' l-Informazzjoni — Kiri ta' xtieli/pjanti

Question

Matul is-sena 2006, jista' l-Ministru jgħid kemm kienet in-nefqa globali għall-kiri ta' xtieli/pjanti tal-ministeru, dipartimenti, dekasteri u enti kollha li jaqgħu taħtu?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat illi n-nefqa globali f'kiri ta' xitel u pjanti tal-Ministeru, dekasteru u enti kollha li jaqgħu taħt il-Ministeru tiegħi għas-sena 2006 kienet ta' Lm1,311.

Investiment, Industrija u Teknoloġija ta' l-Informazzjoni — Kiri ta' għamara/pittura

Question

Matul is-sena 2006, jista' l-Ministru jgħid kemm kienet in-nefqa globali għall-kiri ta' għamara/pittura tal-ministeru, dipartimenti, dekasteri u enti kollha li jaqgħu taħtu?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li matul is-sena 2006, ma kienx hemm spejjes għall-kiri ta' għamara u pitturi għall-Ministeru, dekasteru u enti li jaqgħu taħti.

Investiment, Industrija u Teknoloġija ta' l-Informazzjoni — Xiri ta' stationery

Question

Matul is-sena 2006, jista' l-Ministru jgħid kemm kienet in-nefqa globali għall-stationaries tal-ministeru, dipartimenti, dekasteri u enti kollha li jaqgħu taħtu?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat illi n-nefqa globali fuq stationery matul is-sena 2006 fil-Ministeru u enti kollha li jaqgħu taħt ir-responsabilita tiegħi kienet ta' Lm326,848.