Legislature:
Category:
Reset
Active:

Skema ta’ xogħol volontarju għaż-żgħażagħ

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kif qed tiżviluppa l-iskema ta’ xogħol volontarju għaż-żgħażagħ, kemm hemm ivvutat għas-sena 2016 u kif ser jibbenefikaw iż-żgħażagħ minn din l-iskema fl-2016?

Response (DALLI, HELENA)

Infurmata li l-iskema ta’ xogħol volontarju għaż-żgħażagħ miexja tajjeb fejn numru dejjem jiżdied ta’ żgħażagħ qed japplikaw sabiex jipparteċipaw fiha, kif ukoll qed jiżdiedu l-għaqdiet volontarji li qed jilqgħu lill-istess żgħażagħ. Is-somma ivvutata għall-2016 hija ta’ 200 elf ewro. Matul l-2016 huwa maħsub li l-iskema ser tkun estiża sabiex iż-żgħażagħ ikunu jistgħu jagħmlu l-esperjenza tal-volontarjat ma’ għaqda volontarja reġistrata Malta jew barra minn xtutna.

Ċentri tal-Volontarjat

Question

Tista’ l-Ministru tgħid x’inhuma l-pjanijiet sabiex iċ-Ċentri tal-Volontarjat ikunu estiżi u kif qed jintużaw iċ-ċentri eżistenti?

Response (DALLI, HELENA)

Ninforma lill-Onorevoli interpellant li dwar iċ-Ċentri tal-Volontarjat hemm pjanat li fix-xhur li ġejjin jibda’ x-xogħol fuq it-tielet ċentru. Barra dan hemm il-possibilita’ li jinfetaħ Ċentru ieħor fil-Kottonera fejn hemm konċentrazzjoni ta’ għaqdiet volontarji. Iż-żewġ Ċentri tal-Volontarjat eżistenti qed jintużaw minn diversi organizzazzjonijiet qed jużawhom b’mod regolari tul il-ġimgħa kollha mit-Tnejn sal-Ħadd, kemm filgħodu sa tard filgħaxija. Dawn iċ-Ċentri qed jintu¿aw kemm b’mod regolari minn għaqdiet bħala l-bażi tagħhom fejn jagħmlu kemm il-laqgħat tal-kumitat kif ukoll xogħol tal-għaqda, kif ukoll għal attivitajiet tal-għaqdiet għal-membri tagħhom.

Settur tal-Volontarjat

Question

Tista’ l-Ministru tgħid x’inhuma l-pjanijiet sabiex is-settur tal-volontarjat ikun aktar megħjun sabiex ikun infurmat u jutilizza aħjar il-fondi, mogħtija mhux biss minn dan il-Ministeru?

Response (DALLI, HELENA)

Ninforma lill-Onorevoli interpellant li sabiex jintleħaq dan il-għan, dan il-Ministeru għadu kif kien mogħti l-inkarigu sabiex jikkoordina kumitat inter-Ministerjali magħmul minn tmien Ministeri li jallokaw fondi li huma indirizzati għal dan is-settur. Dan il-Kumitat, li diġa’ beda jiltaqa’, qed jara kif il-fondi indirizzati għas-settur tal-volontarjat ser ikunu qed jitmexxew mill-Ministeri rispettivi fuq linji gwida komuni li jirrispettaw il-liġi tal-volontarjat u r-regoli li jirregolaw il-fondi pubbliċi. Dan il-kumitat, fix-xhur li ġejjin, ser ikun qed jikkordina flimkien mal-Kunsill Malti għas-Settur tal-Volontarjat sit elettroniku li fih ser ikollu l-applikazzjonijiet għal-fondi pubbliċi mħabbra minn dawn il-Ministeri kif ukoll ir-riżultati tal-istess fondi, b’hekk inkunu qed insaħħu l-prinċipji ta’ trasparenza u aċċessibilita’.

Awtorità tal-Mediċini – Medicines Intelligence and Access Unit

Question

Tista’ l-Ministru tgħid x’ħidma wettqet il-Medicines Intelligence and Access Unit fi ħdan l-Awtorità tal-Mediċini?

Response (DALLI, HELENA)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Awtorità dwar il-Mediċini espandiet b'mod proattiv l-attivitajiet tagħha permezz ta’ twaqqif tal-Medicines Intelligence and Access Unit fl-2014. Permezz ta’ kollaborazzjoni mal-MCCAA, dan il-unit qiegħed fi djalogu kontinwu ma’ stakeholders fil-qasam farmaċewtiku. Dan wassal għal roħs fil-prezz ta’ 103 mediċini għall-benefiċċju tal-konsumatur. Konsumaturi jistgħu jiffrankaw sa 65% roħs. Dan il- unit qiegħed jagħmel kampanja ta’ informazzjoni ‘Mediċini: Għa¿la Aħjar Għalik’. Il-Medicines Intelligence and Access Unit ippublikat lista ta’ 117 mediċini ġeneriċi godda fis-suq lokali fejn il-pubbliku jista’ jiffranka sa 92% milli kieku jixtri medicini ekwivalenti li kien hawn fis-suq sa dak iż-żmien. Barra min hekk dan il- unit qiegħed f’kollaborazzjoni kontinwa ma’ entitajiet oħra tal-Gvern biex tassigura l-aħjar servizz għall-pazjenti fosthom li ma jkunx hawn mediċini out of stock. Dan il- unit jagħti pariri oħrajn lil kull min jeħtieġ biex tgħin fl-għażla aħjar tal-medicini.

Awtorità dwar il-Mediċini

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm-il darba l-Awtorità dwar il-Mediċini ntgħażlet bħala Stat Membru ta' Referenza biex tevalwa applikazzjonijiet għar-reġistrazzjoni ta’ mediċini fis-sena 2015? Xi jfisser dan għall-Awtorità?

Response (DALLI, HELENA)

Infurmata li fis-sena 2015 l-Awtorità dwar il-Mediċini rċiviet 28 applikazzjoni biex Malta tkun Stat Membru ta' Referenza għall-evalwazzjoni ta’ applikazzjonijiet għar-reġistrazzjoni ta’ mediċini meta mqabbel ma’ tmien applikazzjonijiet fl-2013. Din l-attività fi proċeduri Ewropej żiedet il-prestiġju tal-Awtorità dwar il-Mediċini fuq livell Ewropew. Dan jfisser għal Awtorita` tal-Mediċini li minn stat ta’ telf u dipendenza fuq finanzjament mit-taxxi qalbet għal stat ta’ sostenibbiltà waqt li fl-istess ħin żiedet l-investiment fir-riżorsi umani.

Awtorità dwar il-Mediċini

Question

Tista’ l-Ministru tgħid jekk l-Awtorità dwar il-Mediċini qattx ħadet sehem fir-reġistrazzjoni ta’ proċeduri li jirreġistraw mediċini fl-Ewropa kollha? Jekk iva, kemm saru proċeduri fis-sena 2015?

Response (DALLI, HELENA)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Awtorita` dwar il-Mediċini tieħu sehem fl-evalwazzjoni ta’ applikazzjonijiet għall-mediċini biex jigu rreġistrati fl-Ewropa kollha. Fl-2015 l-Awtorità kompliet toffri ruħha biex tiżdied il-parteċipazzjoni tal-Awtorita` fl-evalwazzjoni ta’ mediċini għall-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini. Is-sena l-oħra l-Awtorita` dwar il-Mediċini ħadet sehem f’sitt proċeduri meta mqabbel ma’ żewġ proċeduri fl-2013. L-Awtorità dwar il-Mediċini laħqet il-ħames post fl-Ewropa fir-rigward tal-evalwazzjoni ta' mediċini ġeneriċi permezz tal-proċedura ċentralizzata.

BICC — korsijiet

Question

Tista’ l-Ministru tgħid jekk il-Building Industry Consultative Council (BICC) organizzatx xi korsijiet ta’ taħriġ f’dawn l-aħħar tliet snin, u jekk fl-affermattiv, liema kienu?

Response (DALLI, HELENA)

Infurmata li sa mill-2013–il hawn il-BICC organizza korsijiet dwar il-manutenzzjoni tad-djar qodma, fil-fatt bħalissa għaddejjien bit-tielet kors tax-xorta tiegħu. Matul is-sena 2015 sar taħriġ ta’ CPD (Courses for Architects and Professionals) għall-professjonisti u l-periti. Qiegħed jitħejja kors ieħor li ser jibda dalwaqt dwar is-saħħa u s-sigurta’ fuq il-post tax-xogħol. Dan il-kors ser ikun qiegħed jgħin lill-ħaddiema tal-kostruzzjoni jiksbu iċ-ċertifikat f’dan il-qasam biex eventwalment jkunu jistgħu jiksbu l-iskill card.

BICC – pariri dwar il-bini u l-kostruzzjoni

Question

Tista’ l-Ministru tgħid x’sar mill-2013 ‘il hawn mill-Building Industry Consultative Council (BICC) biex tagħti pariri lill-Gvern u lill-privat dwar il-bini u l-kostruzzjoni?

Response (DALLI, HELENA)

Ninforma lil Onor. Interpellant li l-għan tal-BICC hu li jagħti pariri lil Gvern dwar miżuri li jridu jittieħdu biex l-industrija tal-kostruzzjoni isir waħda aktar sostenibbli filwaqt li jinżamm bilanċ xieraq bejn l-ambjent u l-iżvilupp. Waħda mill-għanijiet li l-BICC ġie imwaqqaf kien li jagħti pariri lil Gvern u lil privat dwar sistemi ġodda u innovattivi sabiex jintużaw fil-bini. Matul dawn it-tlett snin taħt it-tmexxija l-ġdida l-BICC ressaq diversi proposti lil Gvern fejn dawn daħħlu fis-seħħ fosthom l-inizzjattiva tal-iskill cards fl-industrija tal-kostruzzjoni, kif ukoll inizjattivi biex tiġi użata propjeta eżistenti minflok isir bini fuq art mhux mittiefsa inkluż l-inizjattivi għat-tnaqqis bin-nofs tat-taxxa tal-boll f’bini antik li qiegħed fiż-żona urbana ta’ konservazzjoni kif ukoll il-liġi dwar il-wirt tal-propjeta.

Dipartiment għall-Impjiegi u Relazzjonijiet Industrijali – customer care

Question

Tista’ l-Ministru tgħid x’għajnuna ngħatat lill-pubbliku f’dak li għandu x’jaqsam ma’ diffikultajiet li ġew ittrattati u mistoqsijiet li ġew imwieġba dwar kundizzjonijiet tax-xogħol permezz tal-Customer Care tad-Dipartiment għall-Impjiegi u Relazzjonijiet Industrijali? F’dan ir-rigward, tista’ tingħata informazzjoni dwar l-ammont ta’ mistoqsijiet li ġew imwieġba sena b’sena mill-2011 sal-2015?

Response (DALLI, HELENA)

Permezz tal-Customer Care section, id-Dipartiment tar-Relazzjonijiet Industrijali u tal-Impjieg iwieġeb il-mistoqsijiet tal-pubbliku fir-rigward tal-aspetti kollha relatati ma’ kundizzjonijiet tax-xogħol, kif stipulati fl-Att dwar l-Impjiegi u r-Relazzjonijiet Industrijali (EIRA). L-aktar mistoqsijiet komuni huma dawk relatati ma’ notice, leave, pagi, sigħat tax-xogħol, kuntratti ta’ servizz eċċ. Bejn l-2011 u l-2015 ġew imwieġba dawn l-ammonti ta’ mistoqsijiet: 2011 16,205 2012 17,503 2013 15,647 2014 17,569 2015 18,255

Pjazza ta’ Raħal il-Ġdid – siġar maqlugħa

Question

Tista’ l-Ministru tgħid x’qiegħed isir mis-siġar li qegħdin jinqalgħu mill-pjazza ta’ Raħal Ġdid? Tista’ tispjega jekk hux qegħdin jitħawlu x’imkien ieħor u jekk ittieħdux passi neċessarji biex dawn is-siġar ma ssirilhomx ħsara? X’passi ttieħdu biex kemm jista’ jkun ikunu salvati l-maġġoranza ta’ dawn is-siġar? Tista’ l-Ministru tgħid jekk kienx hemm sorveljanza biex jiġi żgurat li x-xogħol qiegħed isir skont is-sengħa?

Response (DALLI, HELENA)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li s-siġar fi pjazza Antoine de Paule f’Raħal Ġdid inqalgħu u inżergħu mill-ġdid fid-daħla taċ-ċimiterju tal-Addolorata. Dan il-proċess sar wara konsultazzjoni mal-għaqdiet ambjentali u l-Kunsill Lokali ta’ Raħal Ġdid. Sabiex nassiguraw suċċess f’dan il-proġett, dan ix-xogħol tmexxa minn tim ta’ esperti governattivi f’dan is-settur kif ukoll, inġieb espert mir-Renju Unit fuq rakkomandazzjoni tal-ambjentalisti infushom. Il-proċess kollu, mexa fuq pjan stabbilit minn qabel u kien sorveljat kontinwament minn dawn l-esperti.

Kunsill Malti għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali — laqgħat

Question

Tista’ l-Ministru tgħid x’inhuma s-suġġetti li huma ppjanati li jiġu diskussi din is-sena fil-laqgħat tal-Kunsill Malti għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali?

Response (DALLI, HELENA)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li s-suġġetti li huma ppjanati li jigu diskussi matul din is-sena fil-laqgħat ta’ l-MCESD huma dawn: · kompettitività f’diversi setturi kemm dawk tradizzjonali kif ukoll dawk tal-ekonomija l-ġdida, · Spejjeż tal-produzzjoni specjalment f'setturi vulnerabbli tal-manifattura, il-produttività, l-għajnuna ghal investiment, prattiċi tax-xogħol, u l-impatti ta' tibdiliet fis-sistemi ta' taxi, · Żviluppi fl-indici tal-povertà, · l-iżvilupp tas-sistema tal-protezzjoni socjali, · Is-sostenibbilità tal-pensjonijiet, · Żviluppi fl-għoli tal-ħajja, fosthom il-prezzijiet tal-prodotti u servizzi bażiċi, · L-impatt ta' l-immigrazzjoni u xejriet demografici oħra, · Xogħol fuq temi ta' kompetittività u koezjoni socjali fil-kuntest tal-proċess tal-preparazzjoni tal-baġit għas-sena d-dieħla. Ikun hemm suġġetti li jqumu minn żmien għal żmien u li jkun jeħtieġ li jitressqu għad-diskussjoni fl-MCESD. Apparti minn hekk ikun hemm ukoll diskussjoni dwar il-pre-budget document.

Settur tal-Volontarjat — fondi

Question

Tista’ l-Ministru tindika l-ammont ta’ fondi li huma marbutin biex jingħataw lis-settur tal-volontarjat sabiex isiru proġetti fl-2016 u f’liema oqsma dawn ser ikunu indirizzati?

Response (DALLI, HELENA)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-ammont ta’ fondi li huma marbutin biex jingħataw lis-settur tal-volontarjat sabiex isiru proġetti fl-2016 taħt dan il-Ministeru huwa ta’ tmin mija u ħamsa u tmenin elf euro (€885,000.00) liema fondi huma indirizzati sabiex l-oqsma kollha fis-settur tal-volontarjat huma eliġibbli li jibbenifikaw minnhom u mhumiex ristretti għal xi settur partikolari.

San Pawl il-Baħar – spezzjonijiet fuq il-lant tax-xogħol mill-OHSA

Question

Tista' l-Ministru tagħti tagħrif dwar kemm spezzjonijiet fuq il-lant tax-xogħol saru mill-Awtorità dwar is-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol (OHSA), matul l-aħħar tliet snin, fil-lokalità ta' San Pawl il-Baħar? Kemm kien hemm każi li fihom l-OHSA kellha tieħu passi legali? Kemm minn dawn il-każi fil-fatt ġew konklużi?

Response (DALLI, HELENA)

Infurmata li fl-aħħar tlett snin, l-OHSA organiżżat 292 spezzjoni fil-lokalità ta’ San Pawl il-Baħar (li tinkludi lil Buġibba u lil Qawra). Inħarġu multi f’20 każ, liema multi tħallsu kollha, u allura ma kienx hemm ħtieġa li jinbdew proċeduri fil-Qorti.

Ministeru għad-Djalogu Soċjali, Affarijiet tal-Konsumatur u Libertajiet Ċivili — qasam ta' relazzjoni mal-media - impjegati

Question

Tista’ l-Ministru tgħid mid-9 ta’ Marzu 2013 sad-data li fiha qed issir din il-mistoqsija parlamentari, kemm ġew impjegati persuni fil-qasam ta’ relazzjoni mal-media, jew ta’ konsulenza fl-istess qasam, jew bħala persons of trust fl-istess qasam, inkluż xogħol ta’ kitba jew preparazzjoni ta’ materjal ieħor għall-media (inkluż laqgħat u attivitajiet ta’ konsultazzjoni pubblika), kemm full-time, kemm part-time, kif ukoll permezz ta’ ħlas ta’ għoti ta’ servizzi, fid-dekasteru kollu tagħha? Kemm tħallsu f’dan il-perjodu? Tista’ tgħid min huma?

Response (DALLI, HELENA)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni għadha qed tinġabar.

Kuntratturi li qed jipprovdu servizz lill-Gvern

Question

Minn mindu daħal fis-seħħ l-Avviż Legali 68/2015 fl-1 ta’ Settembru 2015 li għandu l-għan li impjegati ta’ kuntratturi li qed jipprovdu servizz lill-Gvern ma jitħallsux b’rati ta’ ħlas li jagħtu lok għal xogħol prekarju, tista’ l-Ministru tgħid kemm ġew investigati kuntratturi li qed jipprovdu servizz lill-Gvern u kemm saru b’kollox spezzjonijiet f’postijiet tax-xogħol f’dan ir-rigward li jinkludu wkoll laqgħat mad-diretturi tal-kumpaniji konċernati? Tista’ tgħid jekk tressqitx xi kumpanija quddiem it-Tribunal għas-Sanzjonijiet Kummerċjali?

Response (DALLI, HELENA)

Infurmata li mill-1 ta’ Settembru tal-2015 ġew investigati 49 kuntratt ta’ kumpaniji li qegħdin jipprovdu servizz lill-Gvern u b’kollox saru 98 spezzjoni f’postijiet tax-xogħol li jinkludu laqgħat mad-Diretturi tal-kumpaniji. Infurmata li ma tressqet l-ebda kumpanija quddiem it-Tribunal għas-Sanzjonijiet Kummerċjali.

Spezzjonijiet tal-EIRA

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm saru spezzjonijiet tal-Employment and Industrial Relations Act (EIRA) f’setturi vulnerabbli bħal dawk tal-cleaning, tas-securities u tal-carers, sena b’sena mill-2011 sal-2015?

Response (DALLI, HELENA)

Qiegħda npoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella dettaljata, tal-ispezzjonijiet kollha li saru sena b’sena mill-2011 sal-2015 fis-setturi tat-tindif, tas-sigurtà u tal-carers.

Spezzjonijiet tal-EIRA

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm saru spezzjonijiet tal-Employment and Industrial Relations Act (EIRA) sena b’sena mill-2011 sal-2015 u kemm instabu irregolaritajiet tal-liġi f’dawn l-istess snin?

Response (DALLI, HELENA)

Qiegħda npoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista sħiħa ta’ spezzjonijiet li saru mill-2011 sal-2015, kif ukoll in-numru ta’ irregolaritajiet li nstabu waqt dawn l-ispezzjonijiet.

Dipartiment għall-Impjiegi u Relazzjonijiet Industrijali – spetturi tal-EIRA

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm ġew ingaġġati spetturi fi ħdan l-Employment and Industrial Relations Act (EIRA) fid-Dipartiment għall-Impjiegi u Relazzjonijiet Industrijali bl-għan li tkun infurzata aħjar il-liġi tax-xogħol u l-kundizzjonijiet tal-ħaddiema jkunu rispettati minn Marzu 2013 lil hawn?

Response (DALLI, HELENA)

Infurmata li minn Marzu tal-2013 lil hawn ġew ingaġġati 11-il EIRA Inspector sabiex tiġi infurzata aħjar il-liġi tax-xogħol u jkunu rispettati d-drittijiet tal-ħaddiema.

BICC

Question

Tista’ l-Ministru tgħid f’liema stat instabet il-Building Industry Consultative Council (BICC) fl-2013 meta kien hemm bidla fiċ-Chairman?

Response (DALLI, HELENA)

Wara l-bidla fil-Gvern inħatar Chairman ġdid fil-BICC fejn dan sab li l-BICC kienet mingħajr riżorsi u mingħajr direzzjoni. Għaldaqstant mill-ewwel ittieħdu miżuri biex jiġi formulat pjan sabiex l-industrija tkun aktar sostenibbli u li tkun kapaċi tilqa’ għall-isfidi tal-futur.

BICC – inizjattivi ġodda

Question

Tista’ l-Ministru tgħid x’inizjattivi ġodda ttieħdu min-naħa tal-Building Industry Consultative Council (BICC) mill-2013 sal-lum?

Response (DALLI, HELENA)

Kienu diversi l-inizjattivi li ħa l-BICC taħt it-tmexxija l-ġdida. Daħħal fis-seħħ il-kodiċi tal-bini imsejjħa eurocodes u kien hemm ukoll l-introduzzjoni tal-iskill cards fl-industrija tal-kostruzzjoni, nieda servizz ta’ website ġdida ecobuild.gov.mt dwar użu aħjar tal-enerġija. Ippublika diversi kotba u organizza konferenzi dwar diversi suġġetti. Saru diversi korsijiet edukattivi u ġiet imnedija website ġdida li għandha l-għan li tippromwovi l-użu ta’ prodotti u servizzi li jagħmlu l-bini aktar effiċjenti fl-użu tar-riżorsi.