Legislature:
Category:
Reset
Active:

Port Ħieles — Safety equipment

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid x'miżuri se jieħu l-Ministeru u l-Health and Safety Promotion Department fid-dawl ta' l-ilmenti tal-ħaddiema li m'humiex provduti b'health and safety equipment adegwati fil-Freeport peress li f'rapport li deher f'ġurnali lokali, ħaddiema li jaħdmu fuq lashing ilmentaw li m'għandhomx strutturi adegwati u li minħabba f'hekk qed jipperikolaw ħajjithom ta' kuljum? Fl-istess rapport jingħad li lanqas m'għandhom affarijiet bażiċi bħal ingwanti speċjali, safety ladders, safety nets, eċċ. Fid-dawl ta' dawn in-nuqqasijiet serji f'korpi parastatali fejn il-gvern għandu kontroll, ma jidhirlux l-Ministru li f'każijiet bħal dawn qed jingħata eżempju ħażin lis-setturi privati ta' l-industrija Maltija? Meta beħsiebu l-gvern jilleġisla u jinforza liġijiet ġodda li tassew jipproteġu lill-ħaddiema tagħna minn traskuraġni u abbuż?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat illi Spetturi mit-Taqsima tas-Saħħa u s-Sigurta' fuq il-Post tax-Xogħol għamlu kemm 'il spezzjoni u għamlu diversi rapporti lill-Management tal-Freeport Terminal tul dawn l-aħħar snin, u li fihom kienu sollevati nuqqasijiet li jirrigwardaw is-saħħa u s-sigurta' fuq ix-xogħol. Saru wkoll laqgħat ta' diskussjoni dwar uħud minn dawn il-problemi li, apparti l-Management kienu nvoluti wkoll il-Unions. Għalkemm ġie reġistrat progress, wieħed ma jistax realistikament jistenna li ser jinstabu soluzzjonijiet immedjati għal problemi li ilhom jeżistu diversi snin. Ninsab ukoll infurmat illi l-problemi fil-post imsemmi u li jikkonċernaw in-nuqqas ta' ħarsien tas-saħħa u s-sigurta' m'humiex dejjem dovuti għal xi nuqqas ta' min iħaddem iżda huma kaġunati wkoll minn nuqqas ta' ko-operazzjoni minn-naħa tal-ħaddiema li ta' spiss jonqsu li jikkoperaw mal-Management f'miżuri ntiżi biex jipproteġulhom is-saħħa u s-sigurta' tagħhom stess. Rigward it-tieni parti tad-domanda, nixtieq inseraħ moħħ l-Onor. Interpellant illi l-proċess ta' riforma fil-qasam leġislattiv diġa beda. Qed jitħejja Abbozz ta' Liġi biex jissostitwixxi l-Att Numru VII tal-1994, u li fost affarijiet oħra jaħseb biex jitwaqqaf Awtorita' għall-Ħarsien tas-Saħħa u Sigurta'. Huwa maħsub illi dan l-abbozz jinħareġ f'forma ta' White Paper. Qed ikunu mħejjija wkoll diversi abbozzi ta' regolamenti li huma ispirati minn uħud mid-Direttivi tal-Unjoni Ewropea. Ovvjament dawn il-miżuri leġislattivi waħedhom mhumiex biżżejjed biex jiżguraw l-ogħla livell ta' saħħa u sigurta' fil-postijiet tax-xogħol, għaliex jeħtieġ ukoll li jkun hemm żvilupp f'dawk l-oqsma organiżżativi relatati. Id-Dipartiment tax-Xogħol diġa' ħaseb biex jiżdied in-numru ta' Spetturi tas-Saħħa u s-Sigurta' li ser jingħataw ukoll iċ-ċans li jiksbu d-Diploma fis-Saħħa u s-Sigurta'. 14.6.99

Djar — Xiri

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid x'inhi r-raġuni għaliex l-applikazzjoni għal xiri ta' appartament skond Skema I (HA App. 2263) fir-Rabat inżammet pendenti?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Id-Dipartiment tal-Art ma tax l-awtoriżżazzjoni għall-bejgħ ta' din il-proprjeta' peress li hemm xi diffikultajiet fuq l-art li fuqha hemm mibnija din il-proprjeta'. 14.6.99

Djar — San Ġwann t'Għuxa

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jara li jitneħħa l-periklu kif ukoll jitnaddaf u possibbilment jitneħħa l-garden structure li hemm bejn blokk 9 u blokk 10 fil-Housing Estate ta' San Ġwann t'Għuxa?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Il-"landscaped area " li qiegħed jirreferi għaliha l-Onor. Interpellant u li tinsab bejn il-Blokki 9 u 10 ma tidhirx li hija ta' xi periklu għal pubbliku. Madankollu il-fili ta' bejn il-knaten tal-ġebel għandhom bżonn ta' tberfila. Din it-tip ta' manutenzjoni taqa' taħt ir-responsabilta' tal-Kunsill Lokali ta' Bormla. 14.6.99

Sigurta' Soċjali — Pensjoni

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jara li l-persuna, li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament, tkun tista' tirċievi lura l-ammont ta' pensjoni li bagħtet lura meta ġie nieqes żewġha u li fil-fatt dawn suppost kienu dovuti lilha?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li tlabt lid-Dipartiment tas-Sigurta' Soċjali jinvestiga l-ilment imressaq dwar il-persuna kkonċernata. Id-Dipartiment għandu jinforma il-pensjonanta dwar il-każ tagħha. 14.6.99

Sigurta' Soċjali — Assistenza soċjali

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid meta l-persuna, li d-dettalji tiegħu qed jintbagħtu separatament, se jibda jirċievi d-differenza dovuta lilu f'assistenza soċjali?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-persuna kkonċernata ser tiġi nfurmata dwar it-talba tagħha li għamlet għall-Benefiċċju tad-Diżimpjieg. 14.6.99

Anzjani — CSAs

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm huma s-CSAs jaħdmu mad-Dipartiment Kura ta' l-Anzjani? Kif inhuma mqassma? Kemm daħlu ġodda mid-9 ta' Settembru, 1998? Dawk li daħlu mid-9 ta' Settembru fejn qegħdin jaħdmu? Kemm irriżenjaw mit-8 ta' Settembru, 1998? Fejn kienu jaħdmu u x'kienet ir-raġuni?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant. 9.6.99

Pensjoni

Question

Jista' l-Ministru jgħid għaliex numru ta' ċittadini li japplikaw għall-pensjoni kemm tal-61 kif ukoll dik tad-diżabilita', bħal fil-kas tal-persuna bl-I.D. No. 372138(m) li nformat li ilha aktar minn 15-il xahar tistenna l-benefiċċju tal-pensjoni? Jista' l-Ministru jara li jiġi kkordinat immedjatament il-ħidma neċessarja mid-dipartiment sabiex dawn il-pagamenti jiġu mħalsa mill-aktar fis possibbli?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lil-Onor Interpellant li ġejt infurmat mid-Dipartiment, li l-applikazzjoni għall-pensjoni tal-persuna kkonċernata waslet fid-Dipartiment fit-12 ta' April 1999 u mhux 15 il-xahar ilu kif indikat fil-mistoqsija tieghu. Din l-applikazzjoni bħalissa qed tiġi pproċessata u jiena nfurmat li l-pensjoni dovuta għandha titħallas dan ix-xahar. 9.6.99

Ċentru Detox — Pazjenti

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari tiegħi numru 6993 li oriġinarjament saret lill-Ministru tas-Saħħa u li issa ġiet riferuta lilek u ċioe' minn Jannar sa April ta' din is-sena, jista' l-Ministru jgħid kemm-il persuna wżat il-faċilitajiet tad-Detox f'Malta u Għawdex separatament? Kemm minnhom kienu barranin u ta' liema nazzjonalita'? Kemm kienu nisa? Mit-total, kemm kienu taħt: a) il-15-il sena; b) minn 16-il sena iżda taħt it-18-il sena; c) minn 19-il sena sa 21 sena; u d) 'il fuq minn 21 sena? Kemm kull xahar marru għall-għajnuna l-ewwel darba?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Bejn Jannar u April 1999, 587 persuna wżaw il-faċilitajiet taċ-Ċentru Detox f'Malta, waqt li fiċ-Ċentru tad-Detox f'Għawdex, in-numru kien ta' 2 persuni. Fil-każ tad-Detox ta' Malta, kien hemm 538 li kienu Maltin, waqt li kien hemm 10 ta' Nazzjonalita' Taljana, 14 Ingliżi, 18 Libjani, 3 Jugoslavi, 1 Awstraljan, 2 Russi u 1 mir-Rumanija. Fil-każ taċ-Ċentru tad-Detox f'Għawdex, ma kienx hemm persuni ta' nazzjonalita' barranija. Minn dawk li attendew ġewwa ċ-Ċentru tad-Detox f'Malta, kien hemm 77 mara li 2 minnhom kienu ta' nazzjonalita' barranija. F'Għawdex, kien hemm mara ta' nazzjonalita' Maltija. L-etajiet tagħhom kienet kif ġej: Nru. ta' persuni Malta Għawdex 15-il sena 0 0 16-18 -il sena 35 0 19-21 sena 99 0 21 sena 'l fuq 453 2 TOTAL 587 2 Matul dawn l-ewwel erba' xhur tas-sena 1999, in-numru ta' nies li marru għall-għajnuna għall-ewwel darba ġewwa ċ-Ċentru tad-Detox f'Malta, kien kif ġej: 1999 Nru. ta' persuni Jannar 10 Frar 14 Marzu 8 April 12 F'Għawdex, ma kienx hemm persuni ġodda li wżaw iċ-Ċentru tad-Detox għall-ewwel darba matul il-perjodu msemmi. 8.6.99

Ministeru tal-Politika Soċjali — Membri

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid min huma l-membri li jiffurmaw l-istaff kollu tal-Ministeru tiegħu? Jista' l-Ministru jgħid: 1) meta dawn bdew jaħdmu hemm? 2) x'karigi jokkupaw u xi kwalifikazzjonijiet għandhom? 3) x'salarju u allowances qed jirċievu? 4) kemm minnhom qegħdin bil-kuntratt? 5) kemm minnhom huma seconded u minn fejn huma seconded? 6) min minnhom qed juża karozza tal-gvern? 7) min minnhom jagħmel użu ta' mobile phone? 8) kemm hi l-ispiża tal-kontijiet tal-mobile phones ta' kull wieħed li qed jagħmel użu mill-mobile phones minn meta beda jagħmel użu minnu xahar b'xahar? 9) min minn dawn għandu s-servizz tat-telephone b'xejn fir-residenza privata tiegħu?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Rigward l-informazzjoni li qed jitlob l-Onor. Membru dwar l-impjegati li qed iservu fis-Segretarjat Privat tiegħi, nixtieq nirreferih għat-Tweġibiet li kont tajt għall-Mistoqsijiet Nru. 3451 u 5840. Minn dak iż-żmien, ġew ingaġġati b'kuntratt tliet impjegati oħra. Dawn huma: - is-Sinjorina Olivia Galea Sehchell li hija mpjegata tal-'International Institute on Ageing' u li issa ngħatat ħatra fil-pożizzjoni ta' 'Secretariat Officer' - is-Sinjuri Massimo Cassar u Anthony Caruana li huma t-tnejn diġa' mpjegati tal-Gvern fil-gradi ta' 'Supervisor' u 'Senior Operative' rispettament u li nħatru fil-pożizzjoni ta' 'Secretariat Messenger'. Id-Drittijiet li għandhom l-impjegati fis-Segretarjati Privati jinsabu elenkati fid-dokument dwar 'l-Ingaġġ ta' Mpjegati fis-Segretarjati Privati' li kien tqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra, liema dokument sarulu xi emendi li wkoll ser jitqiegħdu fuq il-Mejda tal-Kamra dalwaqt. L-informazzjoni mitluba dwar il-'mobile phones' u s-servizz tat-telefon b'xejn hija kif tidher hawn taħt: UFFIĊJAL MOBILE PHONE SERVIZZ TA' SPIŻA TELEFON TOTALI MID-DATA B'XEJN TAL-ĦATRA Segretarju Privat Lm221.35 Iva Assistant Segretarju Privat Lm236.93 Iva Communications Co-ordinator Lm 71.48 Iva Projects Co-ordinator - Sa Lm200 fis-sena Office Co-ordinator - Sa Lm200 fis-sena 8.6.99

Bormla — Dar ta' l-anzjani

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid jekk ix-xogħol tal-catering tad-dar ta' l-anzjani f'Bormla huwiex se jsir minn kuntrattur privat jew le?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Hemm il-ħsieb li x-xogħol tal-catering tad-Dar ta' l-Anzjani f'Bormla jingħata b'kuntratt (tender) lill-privat bħala parti mill-kuntratt tat-tmexxija ta' din id-dar.

Bormla — Dar ta' l-anzjani

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm se jkun hemm persuni mpjegati fid-dar ta' l-anzjani f'Bormla? Xi gradi se jkunu? Kif se jiġu ngaġġati?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Hemm il-ħsieb li t-tmexxija tad-dar ta' l-Anzjani f'Bormla tingħata b'kuntratt (tender) lill-privat. Għalhekk il-Gvern mhux qed jippjana li jkollu mpjegati tiegħu f'din id-dar. 8.6.99

Bormla — Dar ta' l-anzjani

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm kellha tkun l-ispiża għall-bini u tlestija tad-dar ta' l-anzjani f'Bormla? Jista' jgħid ukoll kemm se tkun l-ispiża finali ta' dan il-proġett?

Response (GONZI, LAWRENCE)

L-aħħar stima ta' l-ispiża totali għall-proġett tad-Dar ta' l-Anzjani f'Bormla kienet ta' madwar Lm2.5 miljuni. Għalissa mhux possibbli li wieħed jgħid kemm se tkun l-ispiża finali ta' dan il-proġett. 8.6.99

Impjiegi — Reġistrazzjoni għax-xogħol

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid x'inhu n-numru ta' persuni li bħalissa qed jirreġistraw għax-xogħol? Kemm minn dawn huma nisa? Kemm mit-total huma żgħażagħ taħt it-tmintax (18)-il sena u kemm minnhom huma bejn id-dsatax(19) u l-wieħed u għoxrin(21) sena? Jista' jagħti l-figuri mitluba fit-tielet parti tal-mistoqsija maqsuma bejn nisa u rġiel?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Fl-aħħar ta' April 1999 kien hemm 7,402 persuna tirreġistra għax-xogħol fuq l-ewwel Parti tar-reġistru. Minn dawn 1,043 kienu nisa. ETA' IRĠIEL NISA TOTAL Taħt it-18-il sena 287 161 448 Minn 18 sa 19-il sena 411 169 580 Minn 20 sa 24 sena 891 176 1,067 8.6.99

Koperativa Indafa Pubblika — Telf

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid jekk huwiex possibbli għalih li jikkwantifika, anke jekk b'mod approsimattiv, kemm huwa t-telf (b'termini finanzjarji) tal-Koperattiva Ndafa Pubblika minn mindu bdiet l-istrajk kontra l-ġbir ta' l-iskart? Jista' jingħad kemm huwa t-telf ġurnata b'ġurnata?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-Bord tal-Koperattivi m'huwiex f'pożizzjoni li jikkwantifika t-telf li l-Koperattiva Indafa Pubblika ġarrbet minħabba l-istrajk li qegħda tagħmel. Dan għaliex il-Bord tal-Koperattivi ma jidħolx fid-'day to day running' tal-koperattiva. Materja bħal din titqies bħala informazzjoni kunfidenzjali f'impriża kummerċjali. 8.6.99

St. Vincent de Paule — Pazjenta

Question

Jista' l-Ministru jara li l-persuna li l-partikolaritajiet tagħha qed jintbagħtu separatament, tidħol urġenti St. Vincent de Paule għaliex mhux fi stat li tgħix id-dar waħedha?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ma jidhirx li din il-persuna għamlet applikazzjoni sabiex tidħol fir-Residenza San Vinċenz. Meta ssir din l-applikazzjoni, din il-persuna tiġi kkunsidrata skond id-dikjarazzjoni medika li tinkiteb fl-applikazzjoni. 8.6.99

Ċentru Ħidma Soċjali — Ġnien

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari numru 4570, jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid x'kienet l-ispiża f'materjal konness max-xogħol ta' kostruzzjoni li sar?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għal Mistoqsija Parlamentari Nru. 4570, fejn spjegajt li l-ispiża għal dan ix-xogħol kienet kważi kollha ta' pagi. L-ispiża f'materjal tant kienet żgħira li ma narax għalfejn għandi ntellef iż-żmien ta' l-impjegati llum biex ifittxu 'invoices' ta' xi erba' snin ilu. 8.6.99

Persuni b'diżabilita' — Reserved parking

Question

Jista' l-Ministru jara li jsir reserved parking quddiem ir-residenza, 59 Triq Pompei, Rabat, Għawdex peress li hemm persuna b'diżabilita'?

Response (GONZI, LAWRENCE)

'Reserved Parking areas' quddiem residenzi ta' persuni b'diżabilita' jiġu approvati mill-Bord għall-Kontroll tat-Traffiku fuq parir tal-Kummissjoni Nazzjonali Persuni b'Diżabilita' taħt ċerti kundizzjonijiet fosthom li dawn ma joħolqux problemi ta' traffiku. Il-każ partikolari ġie rakkomandat mill-Kummissjoni pero l-Bord għall-Kontroll tat-Traffiku ma laqgħax din ir-rakkomandazzjoni minħabba problemi ta' traffiku. 8.6.99