Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' residenti fl-Imtarfa li ressqu talbiet quddiem l-Awtorita' tad-Djar dwar ħsarat li żviluppaw fi djar, appartamenti, maisonettes, eċċ tagħhom matul dawn l-aħħar ħames snin, sena b'sena? Kemm minnhom ġew trattati? Kemm minnhom ġew irtirati?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ma' kull kuntratt ta' bejgħ li jsir, kull benefiċjarju għandu ċ-ċans, fil-preżenza ta' uffiċjali ta' l-Awtorita' tad-Djar biex jagħmel l-ilmenti tiegħu fuq il-post li jkun ingħata. Il-kuntrattur imbagħad jikkuntattja lill-benefiċjarju sabiex jagħmel ix-xogħol meħtieġ. L-aħħar ħlas lill-kuntrattur ma jsirx qabel ma l-Awtorita' tad-Djar ikollha l-konferma mill-benefiċjarji li huma sodisfatti bix-xogħol kollu.
F'każ ta' difetti strutturali, il-kuntrattur kif ukoll il-perit li ħa ħsieb ix-xogħol, jibqgħu responsabbli għall-istruttura għal perjodu preskritt skond il-liġi u għandhom l-obbliju li jaraw li jsiru t-tiswijiet meħtieġa. Kien hemm każi fejn il-benefiċjarji rrapportaw xi ħsarat anke wara li kien għadda żmien sostanzjali minn meta ħadu l-post. Madanakollu l-Awtorita' tad-Djar dejjem ħadet passi, diment li l-każ kien ġenwin, biex il-problemi li jinqalgħu jiġu solvuti għas-sodisfazzjon ta' kulħadd.
Fil-każ li ma jsirx ftehim mal-kuntrattur u x-xogħol ma jirriżultax sodisfaċenti, l-Awtorita' tad-Djar tieħu passi legali biex tissolva l-problema.
15.6.99
Jaf il-Viċi Prim Ministru li għall-Uffiċċju tas-Social Services fiż-Żurrieq in-nies iridu jitilgħu t-taraġ? Se jsir xi ħaġa biex dan l-uffiċċju jkun aċċessibbli għal dawk li huwa diffiċli għalihom li jitilgħu bit-taraġ?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li, kif ġie mħabbar diġa, fi ħdan il-Ministeru tal-Politika Soċjali bdejna proġett pilota dwar l-Uffiċċini Distrettwali tad-Dipartiment tas-Sigurta' Soċjali. L-għan prinċipali ta' dan il-proġett huwa li jiġu 'upgraded' dawn l-Uffiċċini kif ukoll li jsir titjib konsiderevoli fis-servizz li jingħata liċ-ċittadini taħt il-kunċett ta' 'one stop shops'.
Wieħed mill-ewwel ħames Uffiċċini li ġie mdaħħal fil-proġett pilota hu dak taż-Żurrieq.
Ħa jsir studju kif dan l-Uffiċċju jista' jkun irranġat u rrinovat. Qed jiġi kkunsidrat wkoll kif dan l-Uffiċċju jista' jsir aċċessibli u waħda mis-soluzzjonijiet tista' tkun li jkun installat 'stair-lift' jew 'lift'.
15.6.99
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid jekk inxtrawx karozzi ġodda mill-Ministeru tiegħu jew minn wieħed mid-Dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu mill-5 ta' Settembru 'l hawn?
Jekk inxtraw, jista' jgħid: (1) kemm laħqet l-ispiża; (2) inħarġitx tender; (3) mingħand min inxtraw; (4) x'marka huma; (5) għal-liema skop inxtraw; (6) minn min qed jintużaw; (7) kemmhuma fl-ammont?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella li tipprovdi l-informazzjoni mitluba mill-Onor. Membru dwar karozzi ġodda. Għandi ngħid li apparti mill-vetturi msemmija fit-tabella, d-dipartiment tas-Servizzi Korporattivi xtara żewġ vetturi oħra, pero dawn kienu "second hand".
15.6.99
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm kien hemm talbiet f'din l-aħħar sena sabiex isir xogħol f'housing estates fiż-Żejtun? Minn min saru dawn it-talbiet u għal liema post? Kemm minn dawn it-talbiet ġew milqugħa u saru? Dwar it-talbiet l-oħra, meta hemm il-ħsieb li jsir ix-xogħol?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li bejn l-1 ta' Ġunju 1998 u t-30 ta' Mejju 1999 fid-Dipartiment tal-Bini u Tiswija ta' Djar waslu tmienja u sebgħin talba għal xogħolijiet fiż-Żejtun.
Minn dawn, 4 talbiet ġew rifjutati u 74 ġew milqugħa. Minn dawn l-74 talba approvati, 14 kienu jeħtieġu attenzjoni mmedjata u x-xogħolijiet fuqhom ingħataw prijorita'. Is-sittin talba l-oħra li għadhom pendenti m'humiex ta' natura daqshekk urġenti u x-xogħol fuqhom maħsub li jitwettaq fix-xhur li ġejjin flimkien ma' ħafna xogħolijiet oħra f'diversi lokalitajiet f'Malta u Għawdex.
15.6.99
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid min ħa d-deċiżjoni dwar il-kulur taż-żebgħa li għadha kemm ingħatat lid-dar ta' l-anzjani ta' Bormla? Ma jaħsibx li dan il-kulur mhux adattat mal-bqija tal-bini ta' l-inħawi u qed jagħmel kuntrast kbir? Il-Ministru se jieħu passi biex dan il-kulur jinbidel f'wieħed aktar xieraq? Kemm intnefqu flus fuq dan it-tibjid?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għar-risposta li għadni kif tajt għal Mistoqsija Parlamentari Nru. 7445. Ix-xogħol ta' żebgħa u tibjid tad-Dar ta' l-Anzjani f'Bormla ngħata b'tender u peress li x-xogħol għadu għaddej mhux possibbli li wieħed jgħid kemm se tkun l-ispiża finali.
15.6.99
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm hu n-numru ta' talbiet li tressqu minn persuni b'diżabilita' sabiex jiġu eżentati minn dazju/levy, eċċ fuq karozzi li dawn il-persuni jirrikjedu sabiex jintegraw aktar fil-ħajja ta' kuljum minn Jannar 'il hawn? Kemm minnhom ġew milqugħa u kemm-il każ qed jiġi konsidrat fil-mument u kemm-il każ ġie rifjutat s'issa?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Persuni b'diżabilita' jew il-familji tagħhom huma intitolati għall-eżenzjoni mit-taxxa tar-reġistrazzjoni, totali jew parzjali, biex jixtru karozza ġdida taħt ċertu kundizzjonijiet, il-proċedura użata hi li l-persuna
a) tapplika għand il-Kummissjoni Nazzjonali Persuni b'Diżabilita',
b) tiġi riferuta lill-Occupational Health Unit tat-Taqsima tas-Saħħa u
c) jekk jikkwalifikaw issir rakkomandazzjoni mill-Kummissjoni
lill-Ministeru tal-Finanzi.
Minn Jannar 1999 sat-8 ta' Gunju 1999 kien hemm:
Nru. ta' talbiet li tressqu: 74
Nru. ta' rakkomandazzjonijiet (talbiet milqugħa): 36
Nru. ta' applikazzjonijiet li qed jiġu kkunsidrati: 30
(jiġifieri jew qegħdin jiġu kkunsidrati mill-Kummissjoni,
jew mill-Occupational Health Unit jew mill-Ministeru tal-
Finanzi)
Nru. ta' każijiet li ġew rifjutati: 6
Nru. ta' applikazzjonijiet irtirati: 2
15.6.99
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid x'inhu n-numru ta' single parents li għandhom it-tfal bejn is-16 u l-20 sena?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lil Onor. Interpellant li d-Dipartiment ma jżommx l-istatistika kif mitluba.
L-istatistika miżmuma mid-Dipartiment hija dik kif murija fit-Tweġiba għall-Mistoqsija Nru. 7654. Din tindika n-numru ta' 'ġenitur singlu' u tfal iżda ma tiddefinixix l-istatistika skond l-etajiet tat-tfal.
15.6.99
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid x'inhu n-numru ta' nies li ġew issensjati mix-xogħol f'April u f'Mejju 1999? Jista' jagħti l-informazzjoni maqsuma f'etajiet u f'irġiel u nisa?
Response (GONZI, LAWRENCE)
In-numru ta' nies li ġew issensjati mix-xogħol f'April u f'Mejju 1999 huwa kif ġej:
APRIL 1999 IRĠIEL NISA TOTAL
Taħt it-18-il sena 2 3 5
Minn 18-il sena 'l fuq 170 42 212
MEJJU 1999 IRĠIEL NISA TOTAL
Taħt it-18-il sena 8 21 29
Minn 18-il sena 'l fuq 97 35 132
15.6.99
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid meta se jsir national survey ieħor dwar Persuni Bi Bżonnijiet Speċjali bħalma kien sar fl-1994?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Il-Kummissjoni Nazzjonali Persuni b'Diżabilita' ħarġet ir-riżultati tas-survey nazzjonali fl-1994 u kellha l-ħsieb li toħroġ update regolari tiegħu kull ħames snin. Il-Kummissjoni hi f'posizzjoni li żżomm ma' dawn il-pjanijiet u hu ttamat li update ta' dan is-survey joħroġ f'Diċembru 1999 fl-okkazzjoni tal-Jum Internazzjonali tal-Persuni b'Diżabilita'.
15.6.99
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm saru laqgħat bejnu u bejn il-KIP mill-5 ta' Settembru 'l hawn?
X'kienu l-punti u s-suġġerimenti li saru, u xi żviluppi kien hemm? Meta jmiss li jerġgħu jsiru laqgħat oħra? Ladarba l-Ministru stqarr li din il-koperattiva hija amateur u mhux professjonali, x'miżuri se jittieħdu sabiex il-gvern jirrimedja din is-sitwazzjoni?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Il-Bord tal-Koperattivi u l-uffiċjali tiegħu kellhom diversi laqgħat mal-Koperattiva ta' l-Indafa Pubblika b'mod partikulari ma' l-awdituri u ma' l-uffiċjali tal-Kumitat tat-Tmexxija. F'dawn il-laqgħat ġew diskussi fid-dettal is-sitwazzjoni kemm maniġerjali kif ukoll finanzjarja tal-Koperattiva.
Il-Bord offra diversi pariri bi l-għan li jitjieb l-operat tal-Koperattiva u titkattar l-effiċjenza, fost oħrajn:-
(a) li jsir kontroll fuq l-ispejjeż;
(b) li jsir 'management accounts' fuq bażi regolari;
(c) li jsir sforz biex l-attitudni in-ġenerali tinbidel u jidħol sens aqwa
ta' dixxiplina;
(d) li jitwaqqaf Bord ta' Sorveljanza; u
(e) li jiddaħħlu 'quality standards' sabiex is-servizz jiġi mtejjeb u
miżmum.
Il-Bord tal-Koperattivi talab ukoll sabiex l-awdituri tal-Koperattiva jagħmlu proġezzjonijiet dwar l-andament finanzjarju tal-Koperattiva. Minn naħa tiegħu, il-Bord kien lest li jiffinanzja parti mill-ispejjeż ta' dan il-proċess.
Sfortunatament iżda, ir-reazzjoni tal-Koperattiva għall-inizjattivi tal-Bord tal-Koperattivi mhux dejjem kienet waħda pożittiva u sodisfaċenti.
Ta' min isemmi wkoll, li rappreżentant tal-Bord tal-Koperattivi kien involut wkoll fin-negozjati li kienu qed isiru sabiex il-problema ta' din il-koperattiva tiġi solvuta kemm fl-interess tal-membri tal-koperattiva, tal-klijenti kif ukoll tas-soċjeta' in-ġenerali.
15.6.99
Jista' l-Ministru jgħid minn Settembru 1998 sa Mejju 1999: 1) kemm-il rapport ġie kkummissjonat mill-Ministeru; 2) f'liema oqsma; 3) min tqabbad iħejji dawn ir-rapporti f'kull każ; 4) kemm tħallsu dawk li ħejjew ir-rapport; 5) kemm hemm rapporti li ġew mitmuma; u 6) x'passi ttieħdu dwar kull rapport li ġie mitmum u mressaq lill-Ministeru?
Response (GONZI, LAWRENCE)
L-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant trid tinġabar u għalhekk Tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.
5.6.99
Jista' l-Ministru jgħid x'policy kurrenti qed jaddotta l-Gvern preżenti sabiex xi pazjenti ta' l-Isptar Monte Carmeli jiġu megħjuna sabiex jiġu allokati: 1) post fejn joqogħdu; u 2) post fejn jaħdmu?
Response (GONZI, LAWRENCE)
L-informazzjoni mitluba mill-Onor. Membru qed tinġabar u tingħata Tweġiba f'xi Seduta oħra.
15.6.99
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid x'inizjattivi se jittieħdu biex il-koperattivi jiksbu l-ħiliet meħtieġa fl-oqsma finanzjarji, maniġerjali u ta' marketing biex jitmexxew aħjar u jirnexxu?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li preferibilment, is-soċjetajiet koperattivi għandhom ikollhom u jiksbu huma stess dawk il-ħiliet u riżorsi umani meħtieġa biex joperaw b'mod awtonomu u effiċjenti fi swieq kompetittivi. Madankollu, fejn dan ma jkunx qed jintlaħaq, il-Bord tal-Koperattivi (f'isem il-Gvern) kif ukoll l-Organizzazzjoni APEX (f'isem il-koperattivi reġistrati) jistgħu joffru dawk is-servizzi meħtieġa sabiex dawn il-koperattivi jaħdmu kif jixraq. Wieħed irid japprezza li l-mod eżatt kif tingħata din l-għajnuna tiddependi mill-każ partikulari u l-eżiġenzi tiegħu. Il-Fond Ċentrali tal-Koperattivi jista' wkoll jintuża b'dan l-iskop.
14.6.99
Jista' l-Viċi Prim Ministru jara li l-persuna, li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament, tingħata s-servizz tal-home help peress li ilha titlob dan is-servizz iktar minn sena?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Il-persuna li d-dettalji tagħha ngħataw separatament applikat għas-Servizz tal-Home Help fil-25 ta' Settembru 1998. Skond l-applikazzjoni tagħha, hija "għandha bżonn min jgħinha fil-ħasil tad-dar".
Il-Bord wara li reġa' kkonsidra din l-applikazzjoni għal darbtejn, dehrlu li l-applikanta għadha relattivament indipendenti u m'approvax li jingħata dan is-servizz.
14.6.99
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid jekk f'każ ta' post mikri mill-gvern lill-anzjan jew anzjana li mbagħad jidħlu f'San Vinċenz de Paule, il-gvern għandux dritt li jieħdu lura? X'inhi l-policy?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li risposta għal din il-Mistoqsija tingħata f'xi Seduta oħra.
14.6.99
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm huma dawk is-single parent families li jirċievu chldren's allowance? Jista' jaqsamhom skond il-kategoriji (eż. romol, separati, eċċ) u jgħid in-numru f'kull kategorija?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Skond l-Att dwar is-Sigurta' Soċjali; "ġenitur singlu" tfisser ġenitur li jkun armel jew armla, separat (sew 'de facto' jew 'de jure'), divorzjat jew mhux miżżewweġ li jkun waħdu u għal kollox responsabbli li jżomm u jrabbi lil uliedu dipendenti bniet jew subien li ma jkunux għalqu t-tmintax-il sena'.
In-numru ta' dawn il-ġenituri, kif ukoll in-numru ta' tfal li jgħixu magħhom u li jirċievu l-Allowance tat-Tfal huwa kif jidher hawn taħt.
FAMILJI TFAL
------- ----
Ġenituri separati 'de facto' 472 835
Ġenituri separati 'de jure' 1531 2491
Ġenituri divorzjati 42 59
Ġenituri mhux miżżewġa 1259 1671
Ġenituri romol 553 821
---- ----
TOTAL 3857* 5877
==== ====
* Din il-figura tista' tinkludi persuni li għalkemm uffiċċjalment huma meqjusa bħala 'genitur singlu', fir-realta', din tkun qed tikkoabita ma' persuna oħra.
14.6.99
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kif taħdem is-sistema tal-punti li jingħataw lill-applikanti mill-Kummissjoni Nazzjonali għal Persuni bi Bżonnijiet Speċjali biex jingħataw għajnuna għal xiri ta' computer?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Nirreferi għal Mistoqsija Parlamentari Nru. 2262 dwar Hydro Therapy Home Equipment, datata 4 ta' Diċembru, 1998 fejn ingħatat Tweġiba li kienet tinkludi appendiċi li jagħti spjega fid-dettal dwar l-operat tas-Servizz Għajnuniet Speċjali. Ir-risposta tinkludi dettalji dwar il-kriterji li fuqhom jingħataw il-punti.
Għal konvenienza din l-appendiċi qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
14.6.99
Jista' l-Ministru jagħti dettalji dwar jekk mara li tieħu sena maternity leave (on unpaid leave) hijiex intitolata li tħallas in-NI ta' matul dan iż-żmien hija stess jew inkella fin-NI tiġix kreditata lilha mill-employer?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Nippreżumi li l-Onor. Membru qed jirreferi għall-persuni li jkunu qegħdin "on parental leave" bla ħlas u li ma jkunux qed jaħdmu. F'dan il-każ, il-persuna kkonċernata la hija ntitolata li tħallas kontribuzzjonijiet tas-Sigurta' Soċjali u lanqas ma hija ntitolata għall-kreditu ta' kontribuzzjonijiet.
14.6.99