Legislature:
Category:
Reset
Active:

Bormla — Dar ta' l-anzjani

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid x'kienet l-istima oriġinali ta' kemm kienet se tiġi tiswa d-dar ta' l-anzjani f'Bormla u kemm fil-fatt se tiġi tiswa issa?

Response (GONZI, LAWRENCE)

L-istima oriġinali tad-dar ta' l-Anzjani f'Bormla kienet ta' bejn LM1 1/2 u Lm2 miljuni. L-istima preżenti ta' din id-dar hija ta' madwar Lm 2 1/2 miljuni. 21.06.99

Bormla — Dar ta' l-anzjani

Question

Rigward id-dar ta' l-anzjani ta' Bormla, jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm se jiġi jiswa s-saqaf sliding li se jiġi nstallat? Jista' jgħid jekk inħariġx it-tender u jekk fil-fatt ingħatax it-tender? Jekk fl-affermattiv, lil min ingħata dan it-tender u a bażi ta' liema kriterji?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Is-saqaf "sliding" li se jiġi nstallat fid-Dar ta' l-Anzjani f'Bormla inħareġ b'tender u dan qiegħed fl-istadju ta' "adjudication". L-istima ta' qabel it-tender kienet ta' madwar Lm45,000. 21.06.99

Households

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm hawn households hawn Malta? Kemm minn dawn hemm koppji miżżewġin joqogħdu flimkien? Kemm hemm koppji separati jgħixu għal rashom u kemm minn dawn jitqiesu bħala single parent families? Kemm minn dawn is-single parent families huma mmexxijin minn irġiel u kemm minn nisa?

Response (GONZI, LAWRENCE)

L-Onor. Interpellant huwa ġentilment mitlub jagħmel il-Mistoqsija lill-Onor. Ministru responsabbli mill-Uffiċċju Ċentrali ta' l-Istatistika peress li d-Dipartiment tas-Sigurta' Soċjali m'għandux l-informazzjoni mitluba. 21.06.99

Sigurta' Soċjali — NI

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm inġabret national insurance sena b'sena matul dawn l-aħħar għaxar snin, kemm b'mod totali kif ukoll kif imqabbla bħala persentaġġ tal-GDP? Matul dawn is-snin imsemmija, kemm hu kkalkolat li kien hemm NI contributions li fil-fatt ma nġabrux? X'beħsiebu jagħmel id-dipartiment biex inaqqas din il-ħela ta' introjtu li hawn?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u għalhekk ir-risposta ser tingħata f'xi seduta oħra. 21.06.99

Alcoholic anonymous — Premises fil-Belt/Furjana

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid fiex waslu t-taħdidiet ma' l-alcoholic anonymous għal premises fil-Belt jew fil-Furjana?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat li l-Ministeru tiegħi ffaċilita l-użu temporanju ta' "premises" ġewwa l-Furjana mill-"Alcoholic Anonymous". It-talba tagħhom għall-"premises" oħra permanenti qed tiġi kkunsidrata fid-dawl kemm ta' l-"availability" ta' "premises" fil-Furjana jew il-Belt kif ukoll tat-talbiet l-oħra simili li għandu li għandu dan il-Ministeru mingħand NGO's oħra. 21.06.99

Djar — Appartamenti tal-gvern

Question

B'riferenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari numru 7834, jista' l-Ministru jgħid humiex se jiġu nvestigati l-lokalitajiet kollha sad-data ta' l-għeluq ta' l-applikazzjonijiet ta' l-Awtorita' tad-Djar għall-Iskema V, jiġifieri d-9 ta' Lulju, 1999? Se jiġu avżati li trid tiġi sottomessa applikazzjoni dawk l-inkwilini/sidien fejn instab li l-lift jista' jiġi stallat?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Sad-9 ta' Lulju 1999 l-Awtorita' tad-Djar tirċievi applikazzjonijiet għall-istallar ta' Lifts mingħand residenti fi blokki/entraturi ta' appartamenti mibnija mill-Gvern (liema appartamenti jistgħu jkunu proprejta' sħieħa tal-Gvern jew jista' jkun hemm bħala konproprjetarji tal-blokk/entratura sidien ta' wħud mill-appartamenti). Din l-iskema ġiet rapurtata fuq il-mejda lokali u min hu interessat jista' japplika. Kull applikazzjoni li tiġi sottomessa lill-Awtorita' tad-Djar tiġi proċessata sabiex jiġi stabbilit jekk lift jistax jiġi installat skond il-kundizzjonijiet ta' l-Iskema. L-applikanti jiġu mgħarfa bir-riżultat ta' l-applikazzjoni tagħhom. 21.06.99

Akkomodazzjoni Soċjali — Belta Valletta

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jinforma lill-Kamra kemm appartamenti huma previsti li jinbnew fil-Belt Valletta tul din is-sena u s-sena d-dieħla?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Hu previst li jinbnew 24 appartament f'Old Wells Street/St Ursola Street u 8 appartamenti f'140 Merchants Street. 17.6.99

Ħaddiema awżiljari

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid x'se jiġri minn dawk l-impjegati li għadhom awżiljarji u li għadhom b'paga minima? Jista' jgħid hux qed jikkonsidra titjieb fil-paga u fil-kondizzjonijiet ta' dawn l-impjegati?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Nifhem li l-Onor. Membru qed tirreferi għal dak il-grupp ta' ex-impjegati ta' l-AWTS li għal numru ta' snin baqgħu mpjegati każwali tal-Gvern. Jien infurmat li l-pożizzjoni ta' dawn l-impjegati qed tiġi kkunsidrata bil-għan li l-pożizzjoni tagħhom tiġi regolariżżata. 17.6.99

Anzjani — Djar mikrija mill-Gvern

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru issa jirrispondi l-mistoqsija parlamentari numru 7610 u ċioe' jista' jgħid jekk f'każ ta' post mikri mill-gvern lill-anzjan jew anzjana li mbagħad jidħlu f'San Vinċenz de Paule, il-gvern għandux dritt li jieħdu lura? X'inhi l-policy?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Il-policy tad-Dipartiment Għall-Akkomodazzjoni Soċjali hi li jieħu lura djar fejn jirriżulta li l-inkwilin ma jkunx għadu qiegħed jokkupa d-dar bħala residenza ordinarja tiegħu mingħajr raġuni valida. 17.6.99

ETC — Nies illiterati

Question

Jista' l-Ministru jgħid minn dawk li qed jirreġistraw għax-xogħol, x'inhu l-persentaġġ li huma llitterati totalment? Minn dawn l-illitterati, kemm hemm li ilhom aktar minn sentejn, erba' snin u sitt snin ifittxu xogħol?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Minn dawk li qed jirreġistraw għax-xogħol, 19% huma totalment illitterati. Dawn ilhom jirreġistraw hekk:- Minn 2 sa inqas minn 4 snin - 283 persuna Minn 4 sa inqas minn 6 snin - 146 persuna Minn 6 snin 'il fuq - 158 persuna 17.6.99

Skejjel — Għalliema part-time

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid jekk l-għalliema part-time humiex intitolati għal bonus? Jekk fl-affermattiv, x'sistema tintuża?

Response (GONZI, LAWRENCE)

L-Avviż Legali Numru 61 tal-1996, ma jinkludix lill-bonus bħala wieħed mill-benefiċċji li għalihom huma intitolati pro rata il-ħaddiema li jaħdmu part time. Madankollu, għalliema f'impieg part time mal-Gvern jieħdu bonus pro rata. 17.6.99

Dipartiment tal-Bini u Tiswija ta' Djar — Xogħlijiet pendenti

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm hemm xogħlijiet approvati pendenti fid-Dipartiment tal-Bini u Tiswija ta' Djar: 1) b'kollox; 2) fil-Belt; 3) fil-Furjana; 4) sena b'sena skond id-data ta' l-applikazzjoni; u 5) kategorija b'kategorija? Kemm saru xogħlijiet din is-sena mill-istess dipartiment (1), (2), (3), (4) u (5)?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Nifhem li l-Onor. Interpellant qed jirreferi għal xogħlijiet ta' tiswija f'bini tal-Gvern. Nifhem wkoll li qed jitlob informazzjoni dwar dawk it-talbiet li ġew approvati iżda li fuqhom ix-xogħolijiet s'issa għadhom ma sarux. Għalhekk in-numru ta' xogħolijiet approvati iżda li għad iridu jsiru huma dawn: l. Total fil-lokalitajiet kollha: 1,952 2. Total fil-Belt: 400 3. Total fil-Furjana: 68 4. Total sena b'sena: Pendenti mill-1992: 54 Pendenti mill-1993: 100 Pendenti mill-1994: 165 Pendenti mill-1995: 84 Pendenti mill-1996: 162 Pendenti mill-1997: 337 Pendenti mill-1998: 444 Pendenti mill-1999: 606 Ta' min jinnota li prattikament ix-xogħolijiet li ilhom pendenti iktar minn sena kważi kollha jirreferu jew għal tikħil tal-faċċati jew għal tibjid ta' tronob komuni. Dawn ix-xogħolijiet għalkemm neċessarji mhumiex kunsidrati ta' l-istess prijorita' bħal eż. Fejn ikun hemm xogħol ta' periklu fuq soqfa jew ħsarat fis-sistemi komuni ta' drenaġġ. Ta' min isemmi li sal-llum in-numru totali ta' talbiet għal xogħolijiet mindu twaqqaf id-dipartiment lejn l-aħħar ta' l-1992 kien ta' 16,426. B'hekk in-numru ta' xogħolijiet approvati iżda għadhom ma sarux jirrapreżentaw biss madwar 10% tan-numru ta' talbiet totali. 5. Total kategorija b'kategorija: Xogħolijiet li jridu jsiru bil-ħaddiema tad-dipartiment: l,313 Xogħolijiet li jridu jsiru minn kuntratturi: 383 Xogħolijiet li jridu jsiru minn dipartimenti oħra: 256 In-numru ta' xogħolijiet li saru din is-sena sa l-aħħar ta' Mejju huma dawn: 1. Total fil-lokalitajiet kollha: 854 2. Total fil-Belt: 116 3. Total fil-Furjana: 46 4. Xogħolijiet li saru fl-1999: 854 5. Total kategorija b'kategorija: Xogħolijiet li saru bil-ħaddiema tad-dipartiment 634 Xogħolijiet li saru minn kuntratturi: 104 Xogħolijiet li saru minn dipartimenti oħra: 116. 17.6.99

Awtorita' tad-Djar — Akkomodazzjoni alternattiva

Question

B'riferenza għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari numru 7361, jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid x'jiġri mill-fond ta' l-applikant jekk jintgħażel biex: (1) jikri jew (2) jixtri post mill-Awtorita' tad-Djar?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Fl-aħħar ħarġa ta' postijiet għax-xiri, il-benefiċjarji li fid-data ta' l-applikazzjoni tagħhom kienu jokkupaw fond jobbligaw ruħhom li fi żmien stipulat fl-avviż jagħtu l-pussess vakant tal-fond lid-Dipartiment għall-Akkomodazzjoni Soċjali jekk hemm ordni ta' rekwiżizzjoni jekk huma proprjeta' tal-Gvern jew mikrija mill-Gvern, ta' l-Awtorita' tad-Djar, ta' Korpi Parastatali, tal-Joint Office jew ta' xi Awtorita' oħra, sabiex il-fond jiġi użat skond il-policy tad-Dipartiment, u (b) huwa obbligat u jobbliga ruħu wkoll illi ma japplikax għad-dekontroll tal-fond minnu okkupat. F'każ illi xi benefiċjarju jonqos milli josserva dan l-obbligu l-att ta' l-allokazzjoni tiġi xolt 'ipso jure' u l-benefiċjarju ma jkollu ebda dritt għal kumpens ta' benefikati li jkun għamel fil-fond u jkollu jirrifondi wkoll kull sussidju li jkun ħa taħt dan l-avviż jew mod ieħor in konnesjoni mal-fond in kwistjoni. F'każ illi benefiċjarju kien jipposjedi bi proprjeta' jew enfitewsi fond abitabbli iżda mhux adegwat għalih u għall-familja tiegħu, hu għandu jbiegħ il-fond tiegħu lil terzi għal skop ta' residenza fi żmien u skond kif jiġi approvat jew stabbilit mid-Dipartiment għall-Akkommodazzjoni Soċjali. Fil-każ ta' kiri, dan għad irid jiġi stabbilit fil-ħarġa li jmiss. 17.6.99

Sigurta' Soċjali — Pensjoni minima nazzjonali

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta se ssir reviżjoni tal-pensjoni minima nazzjonali?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Kemm il-darba l-Onor. Interpellant qed jirreferi għar-reviżjonijiet li jsiru kull sena fir-rati tal-pensjonijiet, nista' ninfurmah li bħalissa it-Taqsima tal-Pensjonijiet tad-Dipartiment tas-Sigurta' Soċjali għaddejja b'dan l-eżerċizzju ta' revizjonijiet. Fejn ikun hemm dritt għal xi żieda fil-pensjoni dawn qed jitħallsu minnufih. 17.6.99

Djar — Appartamenti tal-gvern

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid liema block ta' appartamenti tal-gvern fil-Belt u fil-Furjana ġew misjuba: 1) adattati għall-introduzzjoni tal-lift; 2) mhux adattati għall-introduzzjoni tal-lift? Tista' tingħata t-tweġiba f'kull każ? Liema kondizzjonijiet/mardiet li jaffettwaw il-mobilita' ta' l-inkwilini se jingħataw prijorita' meta jiġu biex jibdew jiġu ntrodotti l-lifts? L-eta' se tingħata konsiderazzjoni? Se jiġu ppubblikati formoli speċifiċi rigward il-ftehim li hu mistenni li jkun hemm fost l-inkwilini ta' l-istess block?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Fil-Belt Valletta saru spezzjonijiet fuq 37 Entratura li minnhom instab li 7 diġa għandhom lift installat. F'6 każi oħra il-lift jista jiġi installat, f'19-il każ il-lift ma jistax jiġi nstallat u f'5 każi oħra għad irid isiru aktar investigazzjonijiet. Fil-Furjana saru spezzjonijiet fuq 16-il Entratura li minnhom instab li 2 diġa għandhom il-lift installat. F'2 każi l-lift jista jiġi nstallat, f'11 il-każ il-lift ma jistax jiġi installat u f'każ wieħed iridu jsiru aktar investigazzjonijiet. Mhux il-postijiet kollha f'dawn il-lokalitajiet ġew investigati. Dettalji jidhru fuq dokumenti li qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra mmarkati A u B. Rigward każijiet li jaffettaw mobilita' kull każ jiġi mistħarreġ fuq il-merti tiegħu. Skond kundizzjoni ta' l-applikazzjoni ta' l-iskema l-inkwilini/sidien li japplikaw jiddikjaraw li jridu jiffurmaw Assoċjazzjoni ta' Residenti tal-Blokk/Entratura. 17.6.99

Għawdex — Ċentru għat-Taħriġ ta' Adulti

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid għaliex inħasset il-ħtieġa li jkun hemm assistent kap fiċ-Ċentru għat-Taħriġ ta' Adulti ta' Għajnsielem? Kemm hemm persuni mpjegati ma' dan iċ-ċentru?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Meta ħarġu l-applikazzjonijiet għal postijiet ta' Kapijiet u Assistenti Kapijiet taċ-Ċentri ta' l-Adulti fid-19 ta' Settembru, 1997, kien ġie deċiż mill-Ministru tal-Ħarsien Soċjali fl-Amministrazzjoni preċedenti li għandu jkun hemm Kap u Assistent Kap f'kull Ċentru tat-Taħriġ ta' l-Adulti f'Malta irrespettivament minn-numru ta' persuni b'diżabilita' li jattendu f'kull Ċentru. Id-deċiżjoni li jkun hemm Assistent Kap (minbarra l-Kap) taċ-Ċentru ta' l-Adulti ta' Għajnsielem itteħdet fid-dawl ta' dik id-deċiżjoni preċedenti. Hemm tnax-il impjegat fiċ-Ċentru tat-Taħriġ ta' Għajnsielem li jinkludu Kap, Assistent Kap, 2 Care Workers, 4 Assistenti Care Workers u 4 Assistenti Soċjali Każwali. 16.6.99

Djar — Manuntenzjonijiet

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid jekk l-għarajjes jistgħux japplikaw għall-iskema ġdida li ġiet imħabbra f'dawn l-aħħar ġranet dwar għajnuna biex issir manutenzjoni f'postijiet privati eċċ? Jista' l-Ministru jgħid jekk din l-għajnuna tingħatax ukoll għal bini tal-gvern?

Response (GONZI, LAWRENCE)

L-iskema mħabbra dan l-aħħar ġranet tapplika għall-inkwilini rikonoxxuti residenti f'proprjeta' tal-gvern. Teżisti skema biex sidien (inklużi l-għarajjes) ta' postijiet privati okkupati jew ser jiġu okkupati minnhom jistgħu japplikaw għall-għajnuna biex isiru xogħolijiet ta' rranġar u titjieb. Teżisti skema għall-istess xogħolijiet ġo postijiet privati okkupati minn inkwilini. 16.6.99