B'riferenza għal ftuħ ta' child care centres, jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid meta dawn se jinfetħu u liema huma l-lokalitajiet li se jinfetħu fihom l-ewwel? Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid x'opportunitajiet ta' impjiegi dawn se joħolqu u l-eżamijiet għalihom b'liema lingwa se jsiru?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Il-proċess ta' evalwazzjoni ta' Child Care Centres tal gvern, għadu għaddej. Dan il-proċess jinkludi eżami ta' proposti dwar forma ta' sussidju lil min ma jiflaħx iħallas għas-servizzi. Il-politika tal-Gvern hi li joħloq servizzi u jieħu miżuri li jgħinu lill-ġenituri biex ilaħħqu mar-responsabilitajiet tagħhom lejn il-familja kif ukoll fuq il-post tax-xogħol. F'dan is-sens, il-miżuri li ġew imħabbra dwar ir-"responsability break" u sigħat mnaqqsa ta' xogħol jinkwadraw rwieħom f'din il-politika. Mhux possibbli li wieħed jgħid x'possibiltajiet ta' xogħol ta' impiegi jistgħu jinħolqu bil-ftuħ ta' Child Care Centres.
22.6.99
B'riferenza għall-iskema mħabbra riċentement mill-Awtorita' tad-Djar rigward stallazzjoni ta' lifts f'appartamenti tal-gvern u fid-dawl ta' dak li ħabbar il-Ministru, jiġifieri li appartamenti li jgħixu fihom persuni b'diżabilita' mobilitarja se jingħataw prijorita', jista' l-Ministru jieħu l-passi kollha meħtieġa u mmedjata biex Blk C fi Triq Bertha K. Ilg Ta' Giorni jingħata prijorita' f'din l-iskema, peress li fl-imsemmi appartament tgħix persuna b'diżabilita' mobilitarja?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Din l-iskema "V" preżentement tapplika għall-lokalitajiet tal-Kottonera, Kalkara, Floriana u l-Belt Valletta.
22.6.99
B'riferenza għall-iskema mħabbra riċentemet mill-Awtorita' tad-Djar rigward stallazzjoni ta' lifts f'appartamenti tal-gvern u fid-dawl ta' dak li ħabbar il-Ministru jiġifieri li appartamenti li jgħixu fihom persuni b'diżabilita' mobilitarja se jingħataw prijorita', jista' l-Viċi Prim Ministru jieħu l-passi meħtieġa u mmedjati biex Blk H Triq Jean Hovel, Ta' Ġiorni, jingħata prijorita' b'din l-iskema peress li fl-imsemmi appartament tgħix persuna b'diżabilita' mobilitarja?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Din l-iskema preżentement tapplika għal lokalitajiet tal-Kottonera, Kalkara, Floriana u l-Belt Valletta.
22.6.99
Jista' l-Viċi Prim Ministru jindika n-numru ta' parteċipanti fil-programm tas-Sedqa magħruf bħala "Substance Abuse Free Employees" li ġie mniedi madwar sentejn u nofs ilu? Kemm huwa n-numru ta' dawk li qed jattendu għalih fil-preżent? Kemm-il impjegat tal-gvern attenda?
Response (GONZI, LAWRENCE)
1. In-numru ta' parteċipanti fil-programm Substance Abuse Free Employees tas-sedqa mill-bidu tiegħu s'issa, kien 3,714;
2. In-numru ta' dawk li qed jattendu għalih fil-preżent hu 20;
3. Attendew 149 impjegati tal-Gvern għal dan il-programm.
22.6.99
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari numru 6163, jista' l-Viċi Prim Ministru jikkonferma li s-seba' applikanti għall-vakanza ta' Assistant Manager fil-Co-operative Support Unit (ETC Permit 36/96) li kienu applikaw regolarment sad-data ta' l-għeluq ta' l-applikazzjonijiet kien dawn li isimhom qed jintbagħat separatament?
Jista' l-Viċi Prim Ministru wkoll jikkonferma li l-applikazzjoni li ntlaqgħet tliet xhur wara d-data ta' l-għeluq ta' l-applikazzjonijiet, u li l-Viċi Prim Ministru qal li kienet ġiet aċċettata bħala late application, kienet tal-persuna li isimha qed jintbagħat separatament, illum membru tal-Bord tad-Diretturi tal-PBS, u li din kienet il-persuna li ngħatat l-impjieg ta' Assistant Manager mal-Bord tal-Korperattivi?
Jista' jgħid min kien jew kienu dawk li ħadu d-deċiżjoni jew min ta l-istruzzjonijiet li l-applikazzjoni ta' din il-persuna li kienet daħlet tliet xhur tard kellha tiġi aċċettata bħala late application?
Jista' jgħid ukoll minn min kien iffurmat l-Bord ta' l-Għażla li kien responsabbli għal ħatra ta' din il-persuna?
Response (GONZI, LAWRENCE)
L-informazzjoni mitluba mill-Onor. Membru qed tinġabar u tingħata Tweġiba f'xi Seduta oħra.
22.6.99
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' kumpanniji li ġew notifikati mid-Dipartiment tas-Sigurta' Soċjali sabiex jirregolaw il-pagamenti tas-sigurta' soċjali tal-ħaddiema tagħhom? Kemm fil-fatt hija ċ-ċifra finanzjarja li jridu jħallsu dawn il-kumpanniji ta' dawn l-arretrati li jkunu diġa' ħallsuhom il-ħaddiema tagħhom?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li n-numru ta' kumpaniji li ġew notifiati dwar arretrati ta' kontribuzzjonijiet ġa miżmuma mill-impjegati u mhux mgħoddija lil Gvern huwa ta' madwar 770. Nixtieq nenfasiżża li huwa diffiċli fil-preżent li tindika ċ-ċifra finanzjara eżatta li jridu jħallsu dawn il-kumpaniji għaliex l-ammont attwalment dovut irid jiġi verifikat mal-kotba tal-kumpaniji u mar-rekords li għandu d-Dipartiment.
Fir-rigward mis-sena 1998 'l quddiem, kif jaf l-Onor. Interpellant, r-responsabilita' ta' ġbir u l-infurzar għal ħlas ta' kontribuzzjonijiet tas-Sigurta' Soċjali għadda fuq id-Dipartiment tat-Taxxi Nterni. Għaldaqstant informazzjoni minn Jannar 1998 irid jintalab mill-Onor. Ministru kkonċernat.
22.6.99
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' persuni li ġew notifikati mid-Dipartiment tas-Sigurta' Soċjali sabiex iħallsu l-arretrati tas-Sigurta' Nazzjonali, il-Bolla? Kemm hu l-ammont f'ċifra finanzjarja li jridu jħallsu lid-dipartiment?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Jekk l-Onor. Interpellant qed jirreferi għan-notifiki li għadu kemm ħareġ d-Dipartiment lil persuni li xi darba għamlu talba biex iħallsu xi arretrati f'kontribuzzjonijiet, għandi ninfurmah li dan kien eżerċizzju biex kull min inħariġlu xi kont u li jidher li kien għadu ma ġiex ssetiljat, jingħata perjodu definit sa meta għandu jitħallas.
Issa dawn il-persuni ġew uffiċċjalment informati li għandhom sa l-aħħar ta' Novembru ta' din is-sena biex jissetiljaw l-ammonti dovuti minnhom.
Minn dawk li talbu biex iħallsu arretrati ta' kontribuzzjonijiet, hemm numru ta' persuni li kienu talbu biex iħallsu l-bolol voluntarji. Dawn jistgħu jiddeċiedu li ma jħallsuhomx. Oħrajn li talbu biex iħallsu kontribuzzjonijiet għal perjodi meta kienu jaħdmu għal rashom, irid jiġi stabbilit l-ammont ta' kontribuzzjonijiet dovuti skond id-dħul tagħhom meta jipprovdu d-dokument meħtieġa. Għal dawn ir-raġunijiet iċ-ċifra finanzjarja dovuta ma tistax tingħata fil-preżent.
22.6.99
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid x'inhi l-politika tal-gvern preżenti dwar djar ġodda ta' l-anzjani rigward min għandu jmexxihom, ċioe' jekk għandux ikun il-gvern jew il-privat? Meta xi kuntrattur privat imexxi djar ta' l-anzjani bħal dik taż-Żejtun, x'miżuri amministrattivi jieħu d-dipartiment biex jikkontrolla l-istandards tas-servizz provdut? Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-kuntratt li jorbot lill-kuntrattur privat li jmexxi d-dar ta' l-anzjani fiż-Żejtun?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Il-politika tal-Gvern rigward id-Djar ta' l-Anzjani hija li jinvolvi lill-privat fit-tmexxija ta' dawn id-Djar. Fid-Dar ta' l-anzjani taż-Żejtun, it-tmexxija ngħatat b'tender u sar kuntratt fejn hemm stipulat x'obbligi għandu l-kuntrattur privat lejn il-Gvern. Isir monitoring regolari tat-tmexxija ta' din id-dar u jsiru wkoll inspections dwar indafa, ikel u servizzi oħra pprovduti. Peress li il-kuntratt huwa ta' natura kummerċjali, ma jidhirlix li għandu jiġi pubblikat.
22.6.99
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm-il koperattiva hemm irreġistrati mad-dipartiment? Liema huma waħda waħda? Kemm iħaddmu nies kull waħda minnhom? X'għajnuna toffri l-KIP lil dawn il-koperattivi u kemm ilhom jiġu pprovduti dawn is-servizzi?
Response (GONZI, LAWRENCE)
L-informazzjoni mitluba mill-Onor. Membru qed tinġabar u tingħata Tweġiba f'xi Seduta oħra.
22.6.99
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm-il skema ta' għajnuna għal social housing hawn? Liema huma dawn? Kemm ilhom li ġew in vigore? Kollha kemm huma għadhom qed jiġu mħaddmin bħalissa? Jekk fin-negattiv, kemm minnhom ġew sospiżi u għal liema raġuni? X'linja ta' politika għas-social housing qed jimxi biha bħalissa l-gvern preżenti?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant.
22.6.99
Jista' l-Ministru jgħid xahar b'xahar minn Settembru 1998 'il hawn kemm inqatgħu persuni minn fuq il-lista ta' persuni li jirreġistraw, kemm għax sabu mpjieg u kemm mod ieħor?
Response (GONZI, LAWRENCE)
L-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant qiegħda tinġabar u tingħata f'xi seduta oħra.
21.06.99
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm jammontaw il-ħaddiema li jaħdmu fuq bażi full-time u part-time fil-lukandi f'pajjiżna? Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid ukoll kemm jammontaw il-ħaddiema li jaħdmu fuq bażi full-time u part-time fir-restaurants, bars u postijiet ta' divertiment f'pajjiża?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Fl-aħħar ta' April 1999, in-numru ta' persuni li kienu jaħdmu fil-lukandi fuq bażi full-time kien ta' 5,895 u part-time kien ta' 3,496. Dawk il-persuni li kienu jaħdmu fir-restaurants, bars, eċċ. fuq bażi full-time kien ta' 3,348 u part-time kien ta' 3,830.
21.06.99
Jista' l-Viċi Prim Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari tiegħi numru 7561?
Response (GONZI, LAWRENCE)
B'risposta għal Mistoqsija Parlamentari Nru. 7561, qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella ta' kemm intilfu mpiegi xahar b'xahar minn Settembru 1998 sa tmiem Marzu 1999 maqsumin f'setturi kif mitluba.
21.06.99
Peress li l-kulur oranġjo skur tad-dar ta' l-anzjani f'Bormla jidher li kien approvat mill-PA kif ukoll li għandhom l-intenzjoni li jsebbħu l-ambjent, jidhirlu l-Ministru li aperturi ta' kulur kingfisher (ċelest fl-aħdar) ma jmurx ma' l-ambjent tal-Kottonera? Jidhirlu l-Ministru li hi ftit stramba kif applikazzjoni għall-aperturi ta' l-aluminium f'residenzi privati fil-Kottonera tiġi rifjutata, imbagħad l-aperturi ta' din id-dar saru ta' l-aluminium u ta' dak il-kulur?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Meta intgħażel il-kulur ta' l-aluminium tad-dar ta' Bormla kien hemm l-istess intenzjoni kif spjegajt fir-risposta għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 7445. It-tieni parti tal-Mistoqsija għandha ssir lill-Awtorita' ta' l-Ippjanar.
21.06.99
Nirriferi l-Ministru għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari numru 7480, jista' l-Ministru jagħti dettalji dwar kemm mis-7402 persuni li kienu qed jirreġistraw għax-xogħol fl-aħħar ta' April ilhom jagħmlu hekk: (a) għal aktar minn sena; (b) aktar minn ħames snin; u (ċ) aktar minn għaxar snin?
Kemm mit-total ta' żgħażagħ ta' 1,067 taħt l-24 sena ilhom: (a) aktar minn sena; u (b) aktar minn ħames snin?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Mis-7,402 persuna li kienu qed jirreġistraw għax-xogħol fl-aħħar ta' April 1999 kien hemm:-
* 2,891 ilhom jirreġistraw minn 1 sa 5 snin.
* 631 ilhom jirreġistraw minn 5 snin 'il fuq.
Żgħażagħ jirreġistraw minn 20 sa 24 sena (li l-figura kienet ta' 1,067), kien hemm 337 ilhom jirreġistraw minn 1 sa 5 snin u 13 li kienu ilhom jirreġistraw minn 5 snin 'il fuq.
21.06.99
Jista' l-Viċi Prim Ministru jagħti l-lista ta' nies u l-persentaġġi ta' rġiel u nisa li huma membri f'bordijiet governattivi u parastatali li jaqgħu taħt ir-responsabbilta' tiegħu?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra il-lista mitluba mill-Onor. Membru.
Kif tista' tinnota l-Onor. Membru minn total ta' disa' u disgħin (99) membru tal-Bordijiet indikati, wieħed u tletin (31) huma nisa. Għalhekk, 31.3% tal-membri kollha huma nisa u naħseb li dan huwa persentaġġ inkoraġġanti.
21.6.99
Jista' l-Ministru jara li s-sinjuri, li d-dettalji tagħhom qed jintbagħtu separatament, jingħatalhom is-servizz tal-home help minħabba l-urġenza tal-każ?
Response (GONZI, LAWRENCE)
L-applikazzjoni daħlet illum, 18 ta' Ġunju 1999 u intbagħtet sabiex isir l-assessment ta' din il-koppja.
21.06.99
L-Awtorita' tad-Djar kellha l-feedback negattiv li kellna aħna d-deputati dwar il-prezzijiet mitluba lill-inkwilini ta' St. Andrews u Pembroke Hsg. Estate għal bejgħ lilhom tal-postijiet tal-gvern li għexu fihom b'kera f'dawn l-aħħar snin? Billi qed jingħad li ċerti prezzijiet ġew iffissati għaliex Pembroke tqieset bħala prime site, ittieħdet in konsiderazzjoni li dawn qegħdin f'area ta' housing estate tal-gvern u mhux f'zona residenzjali kummerċjali kwalunkwe? B'kollox kemm kien hemm eliġibbli familji li setgħu jixtru l-fondi li joqogħdu fih? Kemm ingħataw żmien biex jiddikjaraw l-interess tagħhom? Kemm fil-fatt urew interess li jixtru l-fond li qegħdin fih? Jista' l-Viċi Prim Ministru jispeċifika fit-tweġiba tiegħu kemm ġew minn St. Patricks H.E., minn St. Georges H.E., minn St. Andrews H.E. u minn Juno Flats? Minn min saret l-istima tal-postijiet u liema kriterji ntużaw? B'paragun mal-prezzijiet ta' wħud mill-postijiet, jinħass li l-livell ta' sussidju kien wieħed baxx meta wieħed iqis li hemm ħafna residenti li huma nies boarded out, ħaddiema b'paga baxxa u anke single parents?
Response (GONZI, LAWRENCE)
L-Awtorita' tad-Djar bagħtet l-applikazzjoni formali għax-xiri ta' residenzi tagħhom kif jingħad hawn taħt cioe'
St Patrick's 8
St George's 6
St Andrew's 49
Juno Flats 8
----
71
Dawn ingħataw tlett xhur żmien biex jirritornaw l-applikazzjoni formali. Kif jiskadi dan it-terminu tintbagħat reminder u jingħata xahar ieħor.
Minn dawn, 43 irritornaw din l-applikazzjoni formali. Dawn huma mqassmin hekk:-
St Patrick's 2
St George's 5
St Andrew's 32
Juno Flats 4
----
43
L-Awtorita' tad-Djar tagħat appuntamenti għall-iffirmar tal-konvenji:-
St George's 1
St Andrew's 19 li minnhom 2 diġa' ffirmaw il-konvenju
Juno Flats 3
----
23
Il-valutazzjonijiet li ġew magħmula minn Perit nominat mill-Awtorita' tad-Djar saru fuq kriterji stabbiliti.
Il-livell tas-sussidju huwa relatat mad-dħul ta' l-applikant u dana kif jirriżulta mill-iskema relattiva. Applikanti li d-dħul tagħhom ma jeċċediex Lm3,000 fis-sena jħallsu biss 20% bil-prezz u b'hekk igawdu minn sussidju ta' 80%.
21.06.99
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid jekk is-substation li se tiġi nstallata fl-Awtorita' tad-Djar hijiex se sservi lill-awtorita' biss jew lil xi residenti u/jew uffiċini oħra fl-area wkoll? Kemm se tiġi tiswa din is-substation u min se jħallas għaliha?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Is-'Substation' li ser tiġi installata fl-uffiċċini ta' l-Awtorita' tad-Djar mhux ser tkun għall-użu esklussiv ta' l-Awtorita' tad-Djar.
L-ispiża oriġinali ta' Lm43,549 ġiet ridotta għal Lm11,370. Fil-fatt l-Awtorita' tad-Djar diġa ħallset Lm5,865.
21.06.99
Peress li xi residenti fil-qasam tad-djar f'San Ġwann t'Għuxa, Bormla f'Jannar li għadda ġew mistoqsija mill-Awtorita' tad-Djar jekk iridux jixtru l-post li jgħixu fih, u peress li min hu nteressat sal-lum għadu mingħajr tweġiba, jista' l-Viċi Prim Ministru jgħidilna fiex waslu l-affarijiet u jekk hemm xi problemi x'inhuma u meta jaħseb li jkunu riżolti?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Risposta għal din il-Mistoqsija Parlamentari Nru. 7921 qiegħda tinġabar u tingħata f'xi Seduta oħra.
21.06.99