Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 9 PQ #9907 Sitting 148 1999-10-04 Oral · Final From: CHRIS AGIUS To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Għaqdiet sportivi — Xogħlijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk xi xogħol rikjest (bħal resurfacing, bdil ta' floodlights) minn dawk l-għaqdiet sportivi li lilhom ġew mgħoddija xi faċilita' sportiva, isirx mill-gvern jew inkella a spejjeż ta' l-għaqda involuta?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-klawsola Numru 5 tal-kuntratti bejn il-Gvern u l-entitajiet sportivi rispettivi tgħid illi "il-manutenzjoni kollha tal-proprjeta` ttrasferita jkunu a kariku tal-klabb mingħajr ebda dritt ta' kumpens".
Leg 9 PQ #9911 Sitting 148 1999-10-04 Oral · Final From: HELENA DALLI To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Dipartiment tal-Mużewijiet

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari numru 7111, jista' l-Ministru jagħti informazzjoni fuq liema sites qed jaħdem id-dipartiment tal-mużewijiet?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li s-siti li qed jaħdem fuqhom id-Dipartiment huma Ħaġar Qim, Għar Dalam u l-Ipoġew ta' Ħal Saflieni. Qed isir xogħol ukoll fuq il-Mużew ta' l-Arkeoloġija u l-Palazz ta' l-Inkwiżitur.
Leg 9 PQ #9912 Sitting 148 1999-10-04 Oral · Final From: HELENA DALLI To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Monumenti storiċi

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari numru 7073?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat illi r-restawr tal-monumenti pubbliċi hija responsabbilita` tal-Valletta Rehabilitation Project. Kemm il-darba jinsabu fil-Belt jew il-Floriana, jew tal-Ministeru ta' l-Ambjent (it-Taqsima tar-Restawr) jekk jinsabu fil-bqija ta' Malta. Id-Dipartiment tal-Mużewijiet jissorvelja u jagħti pariri tekniċi fuq dan ix-xogħol ta' restawr.
Leg 9 PQ #9913 Sitting 148 1999-10-04 Oral · Final From: HELENA DALLI To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Monumenti

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari numru 7074?

Response (GALEA, LOUIS)

Qabel jiżdiedu monumenti li bħalissa mhumiex imdawwla, jeħtieġ diskussjonijiet ma' Dipartimenti oħra dwar il-prioritajiet f'dan ir-rigward.
Leg 9 PQ #9919 Sitting 148 1999-10-04 Oral · Final From: JEAN PIERRE FARRUGIA To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel — Banking School - Stipendju

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hux se jingħataw stipendji studenti fil-Banking School li għandhom xi suġġett bħal fiżika f'livell ordinarju nieqes?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-istudenti kollha li jiġu aċċettati fil-kors tal-Banking, se jkunu intitolati għall-"Maintenance Grant".
Leg 9 PQ #9946 Sitting 148 1999-10-04 Oral · Final From: KARL CHIRCOP To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel — Gudja - Skola primarja

Question

Jista' l-Ministru jikkonferma jekk huwiex veru li t-tfal li jattendu l-iskola primarja tal-Gudja qed jiġu mġiegħla jixtru materjal skolastiku minn ħanut partikolari u mhux minn oħrajn, speċjalment mis-surmast innifsu?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-kap ta' l-iskola u l-għalliema kollha jiċħdu kategorikament dak li qed jiġi allegat f'din il-Mistoqsija Parlamentari.
Leg 9 PQ #9343 Sitting 147 1999-09-29 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Kunsill Nazzjonali taż-Żgħażagħ

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'ħidma wettaq il-Kunsill Nazzjonali taż-Żgħażagħ minn April 1999 sa Lulju 1999?

Response (GALEA, LOUIS)

Dettalji fuq il-ħidma tal-Kunsill Nazzjonali taż-Żgħażagħ bejn April u Lulju 1999 jidhru fuq il-lista li ser titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Leg 9 PQ #9345 Sitting 147 1999-09-29 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Sport for All — Policy document

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm-il darba ltaqa' l-Board Sport for All minn wara l-15 ta' April, 1999 sal-lum? Meta saru dawn il-laqgħat u fiex wasal il-policy document li dan il-bord ġie mitlub li jagħmel? Jista' l-Ministru jgħid kemm ġie allokat fondi dan il-bord u jekk il-membri tiegħu jeħdux xi ħlas?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-Kumitat 'Sports Għal Kulħadd' (Sports for All Committee) s'issa ltaqa' 16-il darba: darba f'April, darbtejn f'Mejju, erba' darbiet f'Ġunju, sitt darbiet f'Lulju, u tliet darbiet f'Awissu 1999. Barraminhekk, fil-weekend ta' bejn 20 u 22 ta' Awissu tnieda programm ta' beach volley u attivitajiet oħra f'Golden Bay, Għajn Tuffieħa. Dwar il-policy document tħejja abbozz ta' politika li jeħtieġ ikun mirqum. Kif dan ix-xogħol jitlesta il-policy document jingħata pubbliċita` neċessarja anke permezz ta' attivitajiet bħal seminars. S'issa ma ġiet allokata ebda somma lil dan il-Bord. Il-membri tal-Bord qegħdin jingħataw remunerazzjoni.
Leg 9 PQ #9346 Sitting 147 1999-09-29 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Ċentri sportivi — Business plans

Question

Peress li l-business plans għat-tliet snin li ġejjin, inkluż din is-sena, diġa' ġew mitluba mill-finanzi, jista' l-Ministru jgħid minn fejn se jiġu l-finanzi għaċ-ċentri sportivi li l-gvern qal li se jibni? Kemm se tkun is-somma vvutata kull sena għal dawn iċ-ċentri? Jista' l-Ministru jgħid ukoll min kienu t-tliet persuni li tqabbdu jagħmlu rapport fuq dawn iċ-ċentri u kemm tħallsu? Jista' jpoġġi kopja ta' dan ir-rapport fuq il-Mejda tal-Kamra?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-Kumitat li tqabbad sabiex iħejji rapport preliminari fuq il-bini ta' dawn it-tliet ċentri kien kompost minn dawn il-persuni: Pippo Psaila bħala Chairperson u Joe Cassar (Kunsill Malti għall-iSport), Louis Borg (Universita` ta' Malta), Joe Cassar (Kumitat Olimpiku Malti), Joe Psaila (E.O. Sport), membri, u Tanya Zahra, Segretarja. Il-ħidma ta' dan il-kumitat kienet fuq bażi voluntarja u għaldaqstant ma kinitx tinvolvi spiża. Peress li r-rapport hu voluminuż ħafna mhux opportun li jitqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra. Il-finanzi li l-Gvern alloka għal dan il-proġett jibdew jidhru fl-Estimi konċernati wara l-approvazzjoni meħtieġa tal-Ministeru tal-Finanzi.
Leg 9 PQ #9347 Sitting 147 1999-09-29 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Kumitat Olimpiku Malti

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm intnefqu flus għall-ikla li saret f'Lichtenstein għall-bid ta' Malta sabiex torganizza l-logħob tal-pajjiżi ż-żgħar fis-sena 2003? Kien hemm xi spejjeż oħra li ġew imħallsa mill-gvern, apparti l-għotja lill-Kumitat Olimpiku Malti? Jekk iva, kemm kienet is-somma u fuq xiex ġew minfuqa?

Response (GALEA, LOUIS)

Għall-ewwel parti tal-Mistoqsija nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għat-Tweġiba għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 7559 mgħotija f'Seduta 117. Għat-tieni parti tal-Mistoqsija, it-tweġiba hija fin-negattiv.
Leg 9 PQ #9348 Sitting 147 1999-09-29 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Pixxina Nazzjonali — Pjanti

Question

Jista' l-Ministru jgħid għaliex inbidlu l-pjanti tal-laboratorju tal-kumpless tal-Pixxina Nazzjonali? Min għamel dan it-tibdil u kemm tħallas?

Response (GALEA, LOUIS)

Ma nifhimx eżatt għal liema pjanti speċifiċi qiegħed jirreferi l-Onor. Interpellant. Nassumi li dawn għandhom x'jaqsmu mal-Laboratorju Dijanostiku li huwa ppjanat li jitwaqqaf fil-West Block tal-Pixxina Nazzjonali fil-futur qrib. Ma jirriżultalix li f'dan ir-rigward kien hemm xi pjanti oriġinali, anqas u anqas li dawn ġew mibdula. Il-pjanti eżistenti rilevanti għall-imsemmi proġett huma dawk imħejjija riċentement mill-perit tat-Taqsima tax-Xogħlijiet assenjat ma' dan is-Segretarjat. Ma kienx hemm spejjeż għal dan is-servizz.
Leg 9 PQ #9411 Sitting 147 1999-09-29 Oral · Final From: SILVIO PARNIS To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Caravaggio — Riproduzzjonijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk jafx li bħalissa qegħdin jinbiegħu riproduzzjonijiet tal-Caravaggio (qtugħ ir-Ras ta' San Gwann)? Jekk iva, l-gvern Malti ta permess? Jekk iva, xi gwadan finanzjarju gawda l-Gvern Malti? Jekk iva, min ta l-permess? Jekk il-gvern ma kellux x'jaqsam, x'passi se jieħu?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-pittura li tirrappreżenta 'Il-Qtugħ-ir Ras ta' San Ġwann Battista' tal-Michelangelo Merisi da Caravaggio tagħmel parti integrali mill-Oratorju ta' San Ġwann. Dan l-Oratorju għal skopijiet ta' amministrazzjoni ordinarja - jifforma parti mill-Mużew tal-Knisja ta' San Ġwann immexxi minn Kumitat ta' Amministrazzjoni, li jiffunzjona b'mod għal kollox awtonomu. Dan l-arranġament ilu jaħdem mill-1966.
Leg 9 PQ #9241 Sitting 146 1999-09-28 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Laqgħa ta' esperti — Rakkmandazzjonijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhuma r-rakkmandazzjonijiet ewlenin li ħarġu mil-laqgħa ta' esperti tal-konservazzjoni msejħa mill-ministeru bejn l-24 u s-27 ta' Mejju, 1999? X'riżorsi umani u finanzjarji hemm bżonn biex jitwettqu dawn ir-rakkmandazzjonijiet? Liema prioritajiet intgħażlu fil-limitu tar-riżorsi disponibbli għat-tliet snin li ġejjin?

Response (GALEA, LOUIS)

Ir-rakkomandazzjonijiet ewlenin li ħarġu mil-laqgħa t'esperti tal-konservazzjoni msejħa mill-Ministeru ta' l-Edukazzjoni f'Mejju 1999 huma dawn: 1. Li jinħoloq team tekniku fi ħdan it-Taqsima għall-ħarsien tas-Siti Arkeoloġiċi, li tagħmel parti mid-Dipartiment tal-Mużewijiet, sabiex jaħdem esklussivament fuq il-konservazzjoni tat-tempji. Dan it-team tekniku għandu jikkonsisti f'perit u tliet assistenti, u għandu jikkollabora wkoll ma' riċerkaturi u studenti mill-Universita` ta' Malta li qed jispeċjalizzaw f'dan il-qasam. 2. Li jitwaqqaf kumitat kompost minn speċjalisti Maltin u barranin, sabiex jagħti pariri fuq kif għandu jsir ix-xogħol u sabiex ifassal strateġija fit-tul għall-ħarsien ta' dawn is-siti. 3. Li jinġabru l-istudju kollu u d-dokumentazzjoni kollha li qatt saret fuq il-konservazzjoni ta' dawn is-siti, sabiex dan ix-xogħol ikun faċilment aċċessibbli għall-qadi taż riċerkaturi oħra. 4. Li minnufih isir studju tal-kundizzjoni preżenti ta' dawn is-siti, sabiex jiġu identifikati il-postijiet fejn l-aktar hemm periklu ta' ħsara. 5. Li dawn il-postijiet minaċċjati jiġu protetti permezz ta' miżuri protettivi mill-aktar fis possibbli. Ir-riżorsi umani meħtieġa sabiex jitwettaq dan ix-xogħol l-aktar importanti huma dawk imsemmija f'dawn ir-rakkomandazzjonijiet. Fil-fatt ħarġet sejħa fil-Gazzetta tal-Gvern sabiex jiġi impjegat perit mad-Dipartiment tal-Mużewijiet skond ir-rakkomandazzjoni numri 1. Din is-sejħa tagħlaq fil-15 t'Ottubru. Minħabba li x-xogħol li jrid jitwettaq kemm jista' jkun kmieni huwa estensiv, saret ukoll sejħa għall-għajnuna teknika minn periti speċjalizzati fl-istrutturi, li dehret fil-azzetta tal-Gvern fit-22 ta'Ġunju 1999. Intagħżel l-Uffiċju ta' TBA Periti biex jagħtu għajnuna speċjalizzata sas-sena d-dieħla, sabiex jitwettqu r-rakkomandazzjonijiet numru 4 u 5. Il-quddiem huwa antiċipat ukoll li minn fost in-nies li se jibdew jitħarrġu fil-konservazzjoni fiċ-Ċentru ġdid għar-Restawr, ikun hemm min jispeċjalizza f'din il-linja. Rigward rakkomandazzjoni numru 3, dan ix-xogħol inbeda mir-Restoration Unit fi ħdan it-Taqsima tax-Xogħlijiet, kif ukoll minn studenta ta' l-Arkeoloġija f'kollaborazzjoni mad-Dipartiment tal-Mużewijiet. Rigward riżorsi finanzjarji, f'Diċembru li għadda il-Kumitat għall-Patrimonju Dinji tal-UNESCO approva li Malta tingħata $72,000 għall-ħarsien ta' Ħaġar Qim, li minnhom diġa nxtara apparat sofistikat ħafna għall-konservazzjoni u monitoring tat-tempji, li jinkludi endoskopju u apparat biex jirreġistra il-kundizzjonijiet klimatiċi. F'April li għadda, il-World Monuments Watch preżentat $50,000 mogħtija mill-American Express, għall-konservazzjoni tal-Imnajdra. B'din l-għajnuna, il-fondi tad-Dipartiment għandhom ikopru l-ispejjeż li ser isiru sas-sena d-dieħla. Fil-futur qarib pero, jeħtieġ jinstabu l-finanzi għal impenn aktar serju sabiex dan il-wirt ta' importanza mondjali jiġi mħares kif jixraq. Id-dettalji ta' kif dan għandu jitwettaq fit-tliet snin li ġejjin għandhom jiġu ppreċiżati meta tkun tfasslet l-istrateġija fit-tul għall-ħarsien ta' dawn is-siti, imsemmija fit-tieni rakkomandazzjoni.
Leg 9 PQ #9242 Sitting 146 1999-09-28 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Mellieħa — Torri l-Aħmar - Restawr

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhuma l-oġġezzjonjiet li qed jagħmel l-Estates Management Division għar-restawr tat-Torri l-Aħmar tal-Mellieħa minn Din l-Art Ħelwa? Tifhem li aktar ma jgħaddi ż-żmien aktar se ssir ħsara lill-bini fejn diġa' ġġarrfet turretta u hemm xquq kbar fi tlieta mill-ħitan?

Response (GALEA, LOUIS)

Filwaqt li nissuġġerixxi l-Onor. Interpellant jirreferi din il-Mistoqsija lill-Ministeru responsabbli għall-Estates Management Division, informat li d-Dipartiment tal-Mużewijiet issa ilu li ta l-permess meħtieġ għar-restawr u informa b'dan lill-Awtorita` ta' l-Ippjanar.
Leg 9 PQ #9243 Sitting 146 1999-09-28 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Torri Mamo

Question

Jista' l-Ministru jgħid għal-liema raġunijiet l-Estates Management Division qed takkuża lill-Għaqda Din l-Art Ħelwa li qed tuża Torri Mamo għal skopijiet kummerċjali? Huwa dan il-mod li bih il-gvern jgħid grazzi lil għaqda li tant taħdem favur il-wirt storiku u kulturali f'pajjiżna?

Response (GALEA, LOUIS)

Filwaqt li nirreferi għat-tweġiba għall-Mistoqsija preċedenti, nissuġġerixxi lill-Onor. Interpellant biex jirreferi din il-Mistoqsija lill-Ministeru responsabbli għall-Estates Management Division.
Leg 9 PQ #9291 Sitting 146 1999-09-28 Oral · Final From: SILVIO PARNIS To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Universita' — Korsijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm persuni żgħażagħ li qegħdin jagħmlu korsijiet l-Universita' mil-lokalita' ta' Ħal Tarxien?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li hemm 157 student mil-lokalita` ta' Ħal Tarxien li qed isegwu kors l-Universita`. L-Universita` ma tiddistingwix bejn studenti żgħażagħ u studenti oħra.
Leg 9 PQ #9332 Sitting 146 1999-09-28 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Għaqdiet sportivi — Taxxa tal-VAT

Question

Jista' l-Ministru jgħid liema huma dawk l-attivitajiet li fihom huma nvoluti l-għaqdiet sportivi fejn għandha tinġabar it-taxxa tal-VAT? Jista' l-Ministru jgħid ukoll fil-laqgħa li kien hemm mal-Ministru tal-Finanzi liema sport ġie msemmi?

Response (GALEA, LOUIS)

Nissuġerixxi lill-Onor. Interpellant jirreferi l-mistoqsija lill-Ministru konċernat. Nissuġerixxi jirreferi wkoll għat-tweġibiet relevanti mogħtija għall-Mistoqsijiet Parlamentari Numri 7868, 8615 u 8820.
Leg 9 PQ #9407 Sitting 146 1999-09-28 Oral · Final From: CHRIS AGIUS To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Ċentri sportivi

Question

Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra, informazzjoni (bħal sit fejn se jkun, x'tip ta' courts se jkun hemm, x'kobor ta' area se tintuża) dwar iż-żewġ ċentri sportivi li hemm il-ħsieb li jinbnew?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li s-sit identifikat għall-kumplsess tal-Kottonera huwa parti mill-art li tinsab quddiem il-Kulleġġ ta' De La Salle. Rigward is-sit għall-kumpless ta' Safi/Kirkop għadhom għaddejin xi taħditiet ma' sidien attwali ta' l-art u għalhekk mhux opportun li tingħata aktar informazzjoni f'dan l-istadju. F'dawn l-aħħar xhur tlesta design brief għall-kumpless tal-Kottonera li kien mgħoddi lill-Periti tad-Dipartiment tax-Xogħlijiet sabiex jibdew jitfasslu l-pjanti. Huwa għalhekk kmieni li wieħed jgħid x'kobor ta' art ser tintuża, jew il-faċilitajiet kollha li ser jinkorpora dan il-kumpless.
Leg 9 PQ #9028 Sitting 145 1999-09-27 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel — Msida

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta se jittieħdu l-passi meħtieġa biex fis-sena skolastika li jmiss it-tifel ta' disa' snin li isimu qed jintbagħat separatament minflok jibqa' jattendi l-iskola primarja ta' l-Imsida jibda jattendi l-iskola primarja ta' Bormla peress li jgħix ma' ommu f'32, St. Lazarus Street, Bormla?

Response (GALEA, LOUIS)

Niddubita kemm kieku għarraf lilu nnifsu aħjar, l-Onorevoli Membru kien isegwi l-kaz bżmistoqsija bħal din. B'danakollu ġejt informat li dan it-tifel kien trasferit għall-iskola ta' Bormla. Reġa' kien hemm talba mis-Social Worker biex dan it-tifel jerġa' lura l-Imsida peress li rritorna għand il-foster parents hemmhekk.
Leg 9 PQ #9320 Sitting 145 1999-09-27 Oral · Final From: JEAN PIERRE FARRUGIA To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Furjana — Football ground

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhu pproġettat rigward ir-returfing tal-football ground fl-arena ta' l-Indipendenza fil-Furjana?

Response (GALEA, LOUIS)

Peress li d-diskussjonijiet ma'min hu nvolut lokalment saru mill-Ministru għall-Ambjent, ikun aħjar jekk din il-Mistoqsija ssir lilu. Minn naħa tiegħu id-Dipartiment ta' l-Isport qed isegwi din il-materja biex jagħti l-għajnuna possibbli.