Legislature:
Category:
Reset
Active:

Akkomodazzjoni soċjali

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm huma t-talbiet pendenti għal social housing illum? Minn liema bliet u rħula huma dawk pendenti u kemm ilhom pendenti?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella li turi mill-liema bliet u rħula huma l-applikazzjonijiet pendenti quddiem id-Dipartiment Għall-Akkomodazzjoni Soċjali. L-iżjed applikazzjoni li ilha, daħlet fl-1988 u l-iżjed waħda reċenti hi taż-17 ta' Ġunju 1999. 5.7.99

Impjiegi — Gender gap

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid x'inhu n-numru ta' l-hekk imsejjaħ "gender gap" f'pajjiżna, jiġifieri n-numru ta' nisa li jaħdmu meta pparagunat man-numru ta' rġiel li jaħdmu?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Fl-aħħar ta' April 1999, in-numru ta' nisa li kienu jaħdmu kien ta' 38,970 u n-numru ta' rġiel kien 98,358. Din l-informazzjoni tiġi ppublikata minn żmien għal żmien miċ-Ċentru Uffiċjali ta' l-Istatistika f'News Releases. 5.7.99

Servizz Pubbliku — Impjegati

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jagħti ftit dettalji ta' kif se titħaddem l-introduzzjoni tar-responsibility break fiċ-Ċivil? L-għoti o meno ta' dan il-break jiddependi mid-diskrezzjoni tas-segretarju permanenti konċernat? Huwa possibbli li tingħata stima tan-numru ta' dawk li huma beħsiebhom jibbenefikaw minn din l-inizjattiva? Meta jista' ħaddiem taċ-Ċivil japplika għal reduced working hours u meta ma jistax?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta' Ċirkolari Nru. 25/99, maħruġa mill-Uffiċċju tal-Prim Ministru u li tipprovdi ħafna mid-dettalji mitluba mill-Onor. Membru. Huwa diffiċli f'dan l-istadju li tingħata wkoll stima dwar in-numru ta' dawk l-impjegati li bi ħsiebhom jibbenifikaw mill-Iskema tar-"Responsibility Break". 5.7.99

Impjiegi — Responsibility break

Question

Jikkonsidra l-Viċi Prim Ministru li sabiex iħeġġeġ lis-settur privat jintroduċi l-konċett tar-responsibility break bħalma ġara fiċ-Ċivil, is-settur privat jingħata inċentivi fiskali għal numru ta' snin, bħal ngħidu aħna tax credit?

Response (GONZI, LAWRENCE)

M'għandix dubju li t-titjib li qed iseħħ fil-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-impjegati fis-Servizz Pubbliku, titjib li huwa riżultat tal-Ftehim Kollettiv li ġie konkluż f'Diċembru 1998 ftit wara l-bidla fl-Amministrazzjoni, jista' jkun ta' eżempju u ta' nċentiv għal titjib simili fis-settur privat. Ma naħsibx iżda li dan it-tip ta' titjib fil-kundizzjonijiet tax-xogħol ta' mpjegati fis-settur privat għandu jkun b'riżultat ta' xi nċentivi fiskali jew finanzjarji li jista' jipprovdi l-Gvern, dan għaliex s-settur privat jigwadanja minn miżura bħal din billi jżomm miegħu impjegati li jkun investa fit-taħriġ tagħhom u li oltrimenti jkollhom jirriżenjaw minħabba ċ-ċirkostanzi li jkunu għaddejjin minnhom. 5.7.99

Bormla — San Ġwann T'Għuxa

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid meta se jsir ix-xogħol fuq it-tromba fi Blokk 4B, San Ġwann T'Għuxa, Bormla?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Jien infurmat li x-xogħol tat-tromba fi Block 4B, San Gwann t'Għuxa, Bormla huwa approvat iżda billi mhuwiex ta' natura urġenti, dan ser isir skond il-lista ta' prijoritajiet li għandu d-dipartiment konċernat. 5.7.99

Għajnuna soċjali

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm-il familja bbenefikat mill-miżura tal-budget dwar familji li jaqilgħu aktar minn Lm10,000 fis-sena u għandhom ħamest itfal jew aktar?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba minnu ma tistax tinġabar qabel ma jiġu finaliżżati t-talbiet tal-Allowance tat-Tfal li qegħdin jiġu reveduti fuq id-dħul għas-sena 1998. 5.7.99+

Kulleġġ ta' St. Edward's — Tkeċċija ta' ħaddiema

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid għaliex tliet ħaddiema fulltime u oħrajn part-time tkeċċew mill-Kulleġġ ta' St. Edwards's fil-Birgu ftit jiem ilu? Japprezza li bejniethom taw mal-50 sena servizz lil kulleġġ u li ta' l-eta' tagħhom se jkun diffiċli għalihom li jsibu xogħol ieħor? Peress li wieħed mill-ħaddiema kien ukoll Manager fuq il-ħaddiema tal-manutenzjoni, dawk tat-tindif u jieħu ħsieb il-First Aid, jista' jiżgura li ħadd ma jiġi mpjegat fl-istess xogħol u grad? Jista' l-kulleġġ jinforma d-Dipartment tax-Xogħol dwar min se jagħmel dan ix-xogħol?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Minn investigazzjoni li għamel id-Dipartiment tar-Relazzjonijiet Industrijali u ta' Impieg ma jirriżultax li tlett ħaddiema tkeċċew mill-Kulleġġ ta' St Edwards, iżda jirriżulta li hemm il-ħsieb li xi xogħol jingħata b'kuntratt lil terzi persuni. Id-Dipartiment infurmani li qed isegwi din is-sitwazzjoni biex ikun żgurat li ma jkunx hemm xi ksur fil-liġi tax-xogħol. 5.7.99

Internet

Question

Wara li ġie rrapportat li l-Viċi Prim Ministru qal li ħafna nies qed jgħaddu ħafna ħin fuq l-Internet u li l-Gvern għandu jagħmel xi ħaġa fuqha, jista' l-Viċi Prim Ministru u Ministru għall-Politika Soċjali, jekk din ix-xi ħaġa hijiex se tkun xi taxxa ġdida/addizzjonali fuq l-użu ta' l-internet?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Il-kwotazzjoni ma hijiex korretta. F'dak id-diskors saret enfasi fuq il-fatt li hawn min qiegħed iqatta' wisq ħin fuq l-internet u dan jista' jwassal għal "addiction". Dan il-fenominu soċjali għandu jiġi studjat. 5.7.99

CERA/IRA

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid meta huwa maħsub li l-liġijiet l-ġodda fuq iċ-CERA u l-IRA jiġu ppreżentati ġewwa l-Parlament?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Qed isir xogħol fl-MCED fuq ir-reviżjoni taċ-Ċ E R A u l-Industrial Relations Act u għadni qed nistenna l-proposti konkreti mingħandhom fi żmien raġonevoli. 5.7.99

Housing Estates — Manutenzjoni

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-pjan ta' manutenzjoni meħtieġa fil-Housing Estates, u jgħidilna liema xogħol sar mill-5 ta' Settembru sal-lum u kemm huwa pprogrammat li jsir xogħol ta' manutenzjoni sa l-aħħar tas-sena? Jista' l-Ministru jgħid liema minn dawn il-kuntratti ta' manutenzjoni ngħataw b'tender? Min ħa t-tender u għal kemm kien jammonta t-tender? Jista' l-Ministru jgħidilna jekk it-tenders kenux ippubblikati fil-gazzetta tal-gvern?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Għalkemm inħoss li mhux prudenti li nippubblika d-dettalji ndividwali tal-każijiet kollha fejn saru jew huma approvati li jsiru xogħolijiet ta' manutenzjoni, nista' ninforma lil-Onor. Interpellant li minn Settembru ta' l-1998 sal-lum tlestew 1,478 xogħolijiet ta' tiswija mid-Dipartiment tal-Bini u Tiswija ta' Djar b'bini tal-Gvern f'diversi Housing Estates f'Malta. Ngħarrfu wkoll li huma approvati li jsiru 2,005 xogħolijiet (għalkemm dawn mhux kollha jitlestew sa' l-aħħar tas-sena). Sadanittant qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista ta' kuntratti ta' xogħolijiet ta' tiswija li ngħataw mill-istess Dipartiment f'dan il-perjodu. Dawn il-kuntratti kollha ingħataw wara sejħa għall-offerti pubblikata fil-gazzetta tal-Gvern. 5.7.99

ETC — Persuni bla xogħol

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm nies li hemm qegħda u li għandhom 'il fuq minn 40 sena, sabu mpjieg bl-għajnuna ta' l-ETC? F'liema settur sabu mpjieg? Kemm kienu ilhom qegħda u x'kien il-livell ta' skola tagħhom?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jispeċifika l-perjodu taż-żmien li qed jirreferi għalih fil-Mistoqsija Parlamentari tiegħu. 5.7.99

Anzjani — Djar ta' l-anzjani

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid x'inxtara għad-djar ta' l-anzjani b'sistema diretta b'kwotazzjoni, jew permezz ta' tenders mill-5 ta' Settembru 'l hawn? Tista' l-informazzjoni tiġi mifruda fuq bażi ta' kull dar? Jista'jgħid kemm swew u mingħand min inxtraw l-oġġetti?

Response (GONZI, LAWRENCE)

L-informazzjoni għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 8498 qiegħda tinġabar. 5.7.99

Persuni neqsin mid-dawl

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm persuni neqsin mid-dawl fil-lokalita' ta' St. Luċija? Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm persuni li huma b'diżabilita'?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Numru ta' persuni neqsin mid-dawl fil-lokalita' tal-Kunsill Lokali ta' Santa Luċja reġistrati mal-Kummissjoni Nazzjonali Persuni b'Diżabilita' - 5 persuni. Qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista dettaljata ta' persuni b'diżabilita' reġistrati mal-Kummissjoni Nazzjonali Persuni b'Diżabilita' skond a) il-Kunsilli Lokali b) s-sess tagħhom c) l-eta tagħhom Din l-istatistika hi tal-persuni b'diżabilita' li l-informazzjoni dwarhom iddaħħlu fil-kompjuters tal-Kummissjoni sal-25 ta' Ġunju 1999. 5.7.99

Kummissjoni Persuni b'Diżabilita' — Għajnuna

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kellha applikazzjonijiet il-Kummissjoni Persuni b'Diżabilita' għal għajnuna, x'tip ta' għajnuna intalbet u ngħatat u kemm-il applikazzjoni ġiet rifjutata u fuq liema kriterji?

Response (GONZI, LAWRENCE)

L-informazzjoni li qed jitlob l-Onor. Interpellant tista' tinkiseb minn dawn iż-żewġ pubblikazzjonijiet pubbliċi. Ir-Rapport Annwali tal-Kummissjoni Nazzjonali Persuni b'Diżabilita' - 1999; Indaqs - Fuljett tal-Kummissjoni Nazzjonali Persuni b'Diżabilita' - paġna 5. Kopja ta' dawn il-pubblikazzjonijiet qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra. 5.7.99

Impjiegi — Ħaddiema part-time

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid meta se tiġi riveduta l-liġi dwar il-part-timers? Jaf li ħafna drabi dawn it-talin qed jiġu sfruttati, imġiegħla jaħdmu 19.5 hours biex ma jkunux intitolati għal ċerti benefiċċji, mħaddma bil-lejl jew f'peak hours ta' xogħol? Jaf li ċerti sidien qed iħaddmu żewġ part-timers biex ma jħaddmux wieħed fulltime? Ma jaħsibx li għandha tiġi studjata bis-serjeta' l-qagħda ta' dawn it-talin? Jaf li l-liġi dwar Conditions of Employment Regulations Act (CERA) l-aħħar li ġiet implimentata kien fl-1952?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Il-punti mqajjma mill-Onor. Interpellant qed ikunu kkunsidrati, flimkien ma' provedimenti oħra li jinħtieġu tibdil, f'diskussjonijiet li qegħdin isiru dwar il-"Conditions of Employment Reg. Act." Għalkemm din il-liġi ddaħħlet fis-seħħ fl-1952, matul iż-żmien kienet emendata ta' l-anqas 23 darba. Ta' min jgħid li diskussjonijiet qegħdin jinvolvu lil Gvern u lil imsieħba soċjali tiegħu. 30.06.99

ETC — Reġistrazzjoni għax-xogħol

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid jekk għandniex gradwati jirreġistraw għax-xogħol? Jekk iva, kemm? X'inhi d-degree tagħhom?

Response (GONZI, LAWRENCE)

F'April 1999 in-numru ta' gradwati li kienu qed jirreġistraw għax-xogħol mal-Korporazzjoni tax-Xogħol u Taħriġ kien ta' 33. Qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra Tabella A - li turi x'tip ta' kwalifiki għandhom. 30.06.99

Reġistrazzjoni ta' koperattivi

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jagħti n-numru tal-koperattivi kollha li hawn reġistrati f'pajjiżna? Kemm-il koperattiva hawn li ilha reġistrata anqas minn għaxar snin?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li r-risposti huma kif ġejjin:- 1) bħalissa hawn disgħa u tletin (39) koperattiva reġistrata f'pajjiżna; 2) hawn erbgħa u għoxrin (24) koperattiva li ilha reġistrata anqas minn għaxar snin. 30.06.99

Impjiegi — Job mobility

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid jekk huwiex possibbli li jingħata n-numru, anke jekk approssimattiv, ta' l-hekk imsejjaħ "job mobility" f'pajjiżna matul dawn l-aħħar ħames snin, sena b'sena?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Nixtieq ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba qiegħda tinġabar u risposta tingħata f'xi seduta oħra. 30.06.99