Jista' l-Ministru jara li jsiru dawk it-tiswijiet neċessarji, speċjalment dawk ta' natura urġenti, li għandu bżonn it-torri Tal-Ħamrija fil-limiti ta' Ħaġar Qim, mibni minn De Redin?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li d-Dipartiment tal-Mużewijiet għarraf lir-Restoration Unit tal-Works Division, liema sezzjoni qegħda tipprepara tenders għal xogħol neċessarju għar-restawr tat-Torri tal-Ħamrija li jinsab ħdejn Ħaġar Qim.
B'riferenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari numru 6607, jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra r-rapport tas-Sur Paul Vassallo dwar "The effectiveness of Energy Conservation for a Heated Outdoor Pool" li hemm imsemmi fl-istess tweġiba? Dan ir-rapport issa ġie analizzat u x'kienu r-riżultati? Dan l-aħħar fil-gazzetti ċ-chairman tal-pixxina nazzjonali ġie rrapportat li qal li hemm pjani biex issir "dome" biex tgħatti l-pixxina fix-xitwa, x'riċerka saret dwar dan u ma' min? Kien hemm xi deċiżjoni aħħarija?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li r-rapport tas-Sur Paul Vassallo (The Effecteveness of an Energy Conservation and Renewable Source Scheme for a Heated Outdoor Pool) huwa dissertation li għamel għal MSc Degree in Building Service Engineering. Dan ir-rapport ġie studjat u jsemmi mezzi kif wieħed jista' jikkonserva u jġedded l-enerġija li tintuża biex jissaħħan l-ilma tal-Pixxina. Waħda minn dawn l-alternattivi hija proprju l-idea ta' dome jew ta' xi forma oħra ta' saqaf għax-xhur tax-xitwa. Saru diversi laqgħat ma' esperti barranin f'dan ir-rigward u proprju dan ix-xahar ħarġet sejħa għal proposti għal xi tip ta' cover sabiex il-Gvern ikun jista' jevalwa aħjar il-proġett.
Ma jidhirlix li r-rapport tas-Sur Paul Vassallo għandu jitqiegħed fuq il-Mejda.
B'riferenza għall-informazzjoni mogħtija fit-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari numru 7742, jista'l-Ministru jagħti d-dettalji tas-sigħat maħduma mill-istess impjegati matul Ġunju, Lulju, Awissu u Settembru (sat-18 ta' Settembru)?
Issa li hemm bord ġdid imexxi l-pixxina nazzjonali, jista'l-Ministru jgħid jekk hemmx xi ħsieb li l-impjegati imsemmija jiġu fuq bażi fulltime?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li n-numru ta' siegħat li ħadmu minn Ġunju sa Settembru 1999 huma:
IMPJEGAT/A NUMRU TA' SIEGĦAT
ĠUNJU LULJU AWISSU SETTEMBRU
Falzon Alan 148 145 167 101
Grech Grech 195 160 183 167
Axisa Franklin 170 166 184 101
Zahra Keith 210 150 216 105
Galea William 192 170 164 102
Reitano Emmanuel 163 176 200 123
Valentine Elizabeth 140 146 153 95
Infurmat ukoll li fix-xahar ta' Settembru li għadda l-impjegati kollha ġew offruti kuntratt definit sa' l-14 ta' Lulju 2000 bħala impjegati full-time, b'effett mid-29 ta' Settembru 1999. L-impjegati kollha, ħlief għal wieħed, aċċettaw il-kundizzjonijiet li jirregola dan il-kuntratt.
B'riferenza għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari numru 8453, jista'l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tar-rapport ta' Messers GFC Ltd dwar il-pixxina nazzjonali? Jista' l-Ministru jgħid jekk fil-fatt meta twaqqaf il-bord il-ġdid li jmexxi l-pixxina nazzjonali tteħdux in konsiderazzjoni l-proposti ta' dan ir-rapport?
Response (GALEA, LOUIS)
Ma jidhirlix li f'dan l-istadju għandi npoġġi kopja tar-Rapport ta' Messrs GFC Ltd. dwar il-Kumpless tal-Pixxina Nazzjonali kif mitlub.
Informat li ingħataw struzzjonijiet lill-Bord il-ġdid ta' l-Amministrazzjoni tal-Pixxina sabiex ir-rakkomandazzjonijiet ta' l-imsemmi rapport jiġu studjati u jinbeda l-proċess għall-implimentazzjoni tagħhom.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hawn persuni ta' nazzjonalita' barranija li għandhom il-permess jaħdmu fid-diversi oqsma ta' l-edukazzjoni ta' pajjiżna? Fejn qed jaħdmu u mil-liema pajjiżi ġejjin?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li fil-preżent hemm għaxar għalliema ta' nazzjonalita` barranija li jinkludu, Taljan (1), tliet Brittaniċi (3), Amerikan (1), Tuneżin (1), Niġerjan (1), wieħed mir-Repubblika Ċeka (1), wieħed mill-Burundi (1), u wieħed mill-Ġordan (1).
Informat ukoll li fl-Universita` ta' Malta hemm wieħed u għoxrin persuna ta' Nazzjonalita` barranija jaħdmu bħala Research Scientists, Lecturers, Associate Professors, u Professors. Dawn il-persun ġejjin minn diversi pajjiżi fosthom: Italja, Libja, Russja, Spanja, Awstralja, Stati Uniti, Ingilterra, Ġermanja, Jugoslavja, Repubblika Ċeka, Kroazja u l-Afrika t'isfel.
Jista' l-Ministru jgħid min ta l-permessi meħtieġa biex il-monument ta' Malta ta' quddiem il-Qorti jindilek biż-żejt bi ħsara għall-bronz?
X'passi ttieħdu mill-awtoritajiet biex dan l-iżball jitranġa?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li fil-ġranet qabel il-Jum il-Vitorja, il-Kumitat Festi Nazzjonali staqsa lill-Kunsill Lokali tal-Belt biex isir tindif fl-inħawi tal-monument ta' Malta ta' quddiem il-Qorti. La l-Kunsill tal-Belt u ebda Dipartiment Governattiv ieħor ma ta struzzjonijiet biex il-monument jitnaddaf biż-żejt.
Qed issir perizja u evalwazzjoni minn espert tekniku għad-Dipartiment tal-Mużewijiet.
B'riferenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari numru 6280, jista' l-Ministru jispjega għaliex ix-xogħol ta' ġebel u saqaf fl-iskola primarja ta' Ħ'Attard ma tlestiex sa l-aħħar ta' Lulju 1999 kif kien ġie mwiegħed fl-istess risposta? Meta hu maħsub li jitlesta dan ix-xogħol?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-kuntrattur waqa' lura fil-programm tax-xogħol. Madanakollu, informat ukoll li din il-fażi tkun kompluta sa l-aħħar ta' Diċembru ta' din is-sena. Qed ninvestiga r-raġunijet għad-dewmien.
Jista' l-Ministru jgħid mill-5 ta' Settembru, 1998 'il hawn, x'kien ix-xogħol nutarili li sar mill-ministeru u mid-dipartimenti u entitajiet oħra li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu?
Jista' l-Ministru jgħid ukoll f'kull okkażjoni min kien in-nutar li għamel ix-xogħol u xi ħlas sar għalih lill-istess nutar?
Response (GALEA, LOUIS)
Fil-każijiet fejn sar xi xogħol ta' kuntratti pubbliċi it-tagħrif hu arkivjat u reġistrat fir-Reġistru Pubbliku li hu aċċessibbli għal kulħadd inkluż għall-Onor. Membru.
Jista' l-Ministru jgħid fiex waslet l-inkjesta li kienet bdiet issir dwar għoti ta' eluf ta' liri lill-club tal-waterpolo ta' San Ġiljan sabiex jagħmel xi xogħol konness mal-pitch u li eventwalment dan ix-xogħol baqa' ma sarx u l-ammont ta' flus ma dehrux lanqas? Kemm kienet is-somma ta' flus li kienet ġiet mogħtija qabel l-elezzjoni ta' Ottubru 1996?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li dan il-każ għadu quddiem il-Qorti, u għalhekk m'hinix f'pożizzjoni li nagħti t-tagħrif mitlub.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hemm studenti jattendu fi skejjel privati matul is-sena l-oħra u kemm hemm fil-bidu ta' din is-sena skolastika il-ġdida? F'liema skejjel imorru?
Response (GALEA, LOUIS)
L-informazzjoni mitluba dwar in-numru ta' studenti li attendew skejjel privati matul is-sena skolastika 1998/1999 qed titpoġġa fuq il-mejda tal-kamra.
Minn dan jirriżulta li f'din is-sena partikolari kien hemm:
a) studenti fi skejjel tal-Knisja 17,586
b) studenti fi skejjel indipendenti 7,983
Informat li l-istatistika għas-sena kurrenti tinġabar f'nofs ix-xahar ta' Jannar u għaldaqstant għadu kmieni sabiex nagħti tweġiba għat-tieni parti tal-Mistoqsija.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm kienu il-ħlasijiet jew miżati mħallsa mill-ġenituri tat-tfal li jattendu l-iskejjel privati għal kull term is-sena l-oħra u kemm se tkun din is-sena, f'kull skola privata individwali?
Response (GALEA, LOUIS)
L-informazzjoni mitluba ser titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm tfal li qed jattendu fl-iSchool Girl Mother Unit din is-sena? Kemm kien dan in-numru sena b'sena, minn mindu twaqqfet il-unit imsemmija?
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm tfal li mhux se jattendu l-iskola din is-sena għaliex ħarġu tqal?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li n-numru ta' tfal taħt is-sittax-il sena li ħarġu tqal, u mhux se jattendu l-iskola din is-sena huma sebgħa.
Erbgħa minnhom għandhom bżonn eżenzjoni issa, għax ħarġu tqal waqt is-sajf.
Tlieta oħra ħadu l-eżenzjoni matul is-sena skolastika 1998-1999.
Jista' l-Ministru ġentilment jgħid jekk id-Dipartiment ta' l-Edukazzjoni għandux il-ħsieb li jdaħħal aktar assistant heads fl-iskejjel ta' l-Istat, wara li diġa' daħħal madwar 23? Kemm se jdum validu dan l-eżami u meta se jiskadi r-riżultat tiegħu?
Response (GALEA, LOUIS)
Peress li l-Mistoqsija waslet fil-Ministeru nhar il-Ħamis li għadda ma kienx hemm iż-żmien meħtieġ biex jinġabar it-tagħrif. Tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.
Peress li l-iskola primarja ta' Ħal-Luqa għandha bżonn ta' xogħlijiet estensivi strutturali, jista' l-Ministru jgħid meta dan ix-xogħol se jinbeda u meta huwa l-ħsieb li jitlesta?
Response (GALEA, LOUIS)
Għas-snin li jkopru l-perjodu 2000, 2001 u 2002, id-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni inkludiet il-proġett tat-tkabbir u r-riabilitazzjoni ta' l-iskola primarja ta' Ħal-Luqa. Wieħed ikun f'pożizzjoni li jgħid meta sejjer jinbeda u jintemm ix-xogħol wara li ssir l-allokazzjoni ta' fondi lid-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni. Il-materja qed tiġi segwita wkoll f'diskussjonijiet mal-Kunsill Lokali ta' Ħal Luqa.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kienu dawk li applikaw għal suldati fil-Forzi Armati ta' Malta? Kemm minnhom kienu nisa u kemm irġiel? Kemm kienu dawk li għaddew mill-fitness test?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li n-numru li applikaw biex joqgħodu għall-eżami għall-Ingaġġ ta' Suldati (Forza Regolari) fil-Forzi Armati ta' Malta kien ta' 942 kandidat, 876 kienu irġiel u 66 kienu nisa.
Ir-riżultat finali għad irid jiġi ppublikat.
Jista' l-Ministru jikkonferma li numru ta' skejjel privati talbu żieda fil-miżata għas-sena skolastika 1999/2000?
Liema kienu dawn l-iskejjel?
X'raġunijiet ingħataw għal din iż-żieda?
Response (GALEA, LOUIS)
Peress li l-Mistoqsija waslet fil-Ministeru nhar il-Ħamis li għadda ma kienx hemm iż-żmien meħtieġ biex jinġabar it-tagħrif. Tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.
Jista' l-Ministru jgħid għalfejn wara sentejn mill-kors tal-kindergarten assistants, dawn l-istess nies għadhom mhumiex meqjusa bħala fulltimers iżda għadhom jissejħu temporary kindergarten assistants, meta dan il-kors sar appożitament biex dawn it-temporary kindergarten assistants isiru permanenti fil-pożizzjoni ta' xogħolhom?
Response (GALEA, LOUIS)
Peress li l-Mistoqsija waslet fil-Ministeru nhar il-Ħamis li għadda ma kienx hemm iż-żmien meħtieġ biex jinġabar it-tagħrif. Tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.
Jista' l-Ministru jgħid fiex waslu x-xogħlijiet fl-iskola Lorenzo Gafa, Birgu? Meta hu pprogrammat li jkun lest kull xogħol?
Response (GALEA, LOUIS)
Peress li l-Mistoqsija waslet fil-Ministeru nhar il-Ħamis li għadda ma kienx hemm iż-żmien meħtieġ biex jinġabar it-tagħrif. Tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.
Jista' l-Ministru jgħid jekk it-tqassim tal-computers fil-klassijiet ta' l-iskejjel primarji, isirx fuq formola ta' computer għal kull seba' studenti? Jista' l-Ministru jikkonferma li fl-iskola primarja ta' Bormla tpoġġew żewġ computers f'kull klassi? Jekk ir-risposta hija fl-affermattiv, jista' jagħti r-raġuni għal sar dan?
Response (GALEA, LOUIS)
Peress i l-Mistoqsija waslet fil-Ministeru nhar il-Ħamis li għadda ma kienx hemm iż-żmien meħtieġ biex jinġabar it-tagħrif. Tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.