Jista' l-Ministru jgħid kemm sar xogħol (fi flus) ta' manutenzjoni fuq impjanti sportivi fl-iskejjel matul din is-sena finanzjarja? F'liema skejjel sar dan ix-xogħol u fiex kien jikkonsisti?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li f'din is-sena saret ħidma sfiqa fuq żewġ proġetti, (1) wieħed għar-riabilitazzjoni ta' faċilitajiet sportivi fl-Iskola tal-Junior Lyceum Maria Reġina, Blata l-Bajda u ieħor (2) għat-tisħiħ ta' faċilitajiet sportivi fl-iskola tal-Junior Lceum San Ġużepp, Corradino. F'dan ta' l-aħħar sar xogħl fuq il-bini ta' athletics track madwar il-football ground eżistenti.
Dawn il-proġetti huma stmati li jiswew mal-LM35000. Partijiet minnhom mistennija jkunu lesti sa' l-aħħar ta' din is-sena.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhu n-numru ta' għalliema ta' l-edukazzjoni fiżika fl-iskejjel ta' l-Istat? Kemm minnhom huma nisa? Kemm minnhom jieħdu ħsieb aktar minn skola waħda?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li n-numru ta' l-għalliema fl-iskejjel ta' l-Istat li jgħallmu l-Edukazzjoni Fiżika bħala s-suġġett ewlieni tagħhom huma mija u sitta. Ħamsa u erbgħin minnhom huma nisa. Sebgħa u għoxrin għalliema jieħdu ħsieb iktar minn skola waħda.
Matul is-sena universitarja li jmiss, jista' l-Ministru jgħid kemm hemm studenti li qed jattendu kors ta' l-edukazzjoni fiżika? F'liema sena qegħdin u kemm minnhom huma tfajliet? X'inhi l-politika tal-gvern biex jaħtar għalliema ta' l-edukazzjoni fiżika f'kull skola ta' ċertu kobor?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li n-numru ta'studenti fil-kors li jwassal għal grad ta' Bachelor of Education (Hons) u li għażlu l-edukazzjoni fiżika huma dawn:
Sena Irġiel Nisa Total
I 4 3 7
II 15 10 25
III 10 6 16
IV 14 4 18
Total 50 26 76
Il-politika tal-gvern dwar il-ħatra ta' l-għalliema ta' l-Edukazzjoni Fiżika hi li jassigura li l-iskejjel kollha jkunu provduti b'dawn l-għalliema skond il-ħtieġa partikolari ta' kull skola, irrispettivament mid-daqs ta' l-iskola. Dawn l-għalliema jinħatru wara sejħa għall-applikazzjoni mill-gradwati f'dan il-qasam f'Kors Universitarju.
Jista' l-Ministru jara kif il-persuna, li isimha qed jintbagħat separatament, li għamel l-eżami għall-assistant head tal-primary, liema eżami ġie annullat f'Ġunju 1999 u wara li l-ewwel darba kien ġie fit-tielet post meta sar l-eżami t-tieni darba din il-persuna ġiet lura ħafna?
Response (GALEA, LOUIS)
Nissuġġerixxi l-Onor. Membru jagħmel il-Mistoqsija lill-Ministru responsabbli mill-Kummissjoni tas-Servizz Pubbliku li taħtha taqa' din il-materja.
Jista' l-Ministru ġentilment jikkonferma jekk bejn l-aħħar tas-sena 1999 u l-bidu tas-sena 2000 hux se jitħallew isiru ċelebrazzjonijiet tal-millenju, bħal parties u receptions, minn entitajiet kummerċjali (bħal pubs/restaurants, eċċ.) f'Malta u f'Għawdex minbarra dawk li se jkunu organizzati mill-gvern? Jekk fl-affermattiv, x'permessi huma meħtieġa?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li ma jeżistu ebda restrizzjonijiet biex entitajiet kummerċjali f'Malta u Għawdex jorganizzaw 'parties' u 'receptions' bejn l-aħħar tas-sena 1999 u l-bidu tas-sena 2000.
L-applikazzjonijiet meħtieġa huma dawk li normalment wieħed ikun irid jagħmel sabiex jorganizza 'parties' u 'receptions' simili. Talbiet għal attivitajiet bħal dawn fil-Floriana u l-Belt Valletta jiġu kunsidrati wkoll mill-Kumitat Nazzjonali għaċ-Ċelebrazzjonijiet tal-Millenju biex jiġi assigurat l-aħjar kordinament maċ-ċelebrazzjonijiet nazzjonali.
Jista'l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' kandidati li għaddew mill-ewwel parti ta' l-eżami (physical efficiency test) għall-ingaġġ ta' suldati mal-Forzi Armati ta' Malta (1999)?
Response (GALEA, LOUIS)
Kif weġibt għall-aħħar parti tal-mistoqsija numru 9882, dettalji u analiżi dwar kull parti tar-riżultat ikunu jistgħu jingħataw wara li jiġi ppublikat ir-riżultat finali.
Jista' l-Ministru jgħid għalfejn il-grada ġdida fl-entratura li kellha ssir fi school A u B ta' Triq it-Tagħlim, fil-Fgura, għadha ma twaħħlitx meta din hi ta' importanza kbira għall-ammont ta' studenti li jiffrekwentaw din l-iskola? Meta jaħseb li se ssir?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li qatt ma kien hemm ħsieb li tinfetaħ entratura f'din l-iskola fi Triq it-Tagħlim fil-Fgura. Preżentament fit-triq imsemmija ma teżisti ebda grada u infurmat ukoll li l-Kapijiet ta' l-iskejjel imsemmija qatt ma wrew ix-xewqa li ssir xi grada ġdida.
Jista' l-Ministru jgħid kemm irċieva proposti l-bord ta' l-amministrazzjoni tal-Pixxina Nazzjonali għat-twaqqif u operazzjoni ta' dance studio u dixxiplini sportivi oħra skond l-avviżi li dehru fil-gazzetti f'dawn il-jiem? Min kienu l-għaqdiet/individwi li issottomettew proposti? X'kienu d-dixxiplini sportivi oħra li ġew proposti?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li kienu sitta l-kumpanniji jew individwi li ġabru l-proposal forms in kwistjoni, u erbgħa minnhom issottomettew il-proposti tagħhom lill-Bord.
Dawn kienu:
Caroline Busuttil
Dance Workshop Ltd
Brigitte Gauci Borda School Ltd
Masquerade Company Ltd
Apparti mid-danza, waħda mill-kumpannija indikati hawn fuq ipproponiet ukoll proġett għat-twaqqif ta' Skola ta' Drama.
Jista' l-Ministru jgħid jekk kamra li hija mibnija fil-football pitch ta' l-iskola sekondarja Antonio Bosio tal-Gżira u li qed tintuża bħala tuckshop għandhiex: (1) il-permess ta' l-Awtorita' ta' l-Ippjanar; (2) il-permess mid-Dipartiment ta' l-Artijiet; (3) il-permess biex issir mid-Dipartiment ta' l-Edukazzjoni; (4) minn min qed tintuża bħala tuckshop; (5) min ħa d-deċiżjoni li tinbena; (6) jekk inbniet bla permessi meħtieġa x'passi ttieħdu; u (8) b'liema metodu ħarġu it-tenders għal tuckshop imsemmi?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li:-
1. Il-kamra li qiegħdha sservi bħala "tuckshop" hija magħmula minn żewġ ħitan tal-"boundary wall" li jdawwar il-"ground" ta' l-iskola u minn żewġ ħitan oħra mibnija b'mod temporanju u mgħottija b'saqaf taż-żingu. Parti mill-istruttura kienet hemm minn dejjem u parti oħra saret fuq bażi temporanja sakemm jinstab post alternattiv għal "tuck shop" fil-preċint ta' l-iskola. L-approvazzjoni ta' l-Awtorita` ta' l-Ippjanar ser tintalab meta jinstab il-post għal struttura permanenti.
2 L-art hija kollha tad-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni.
3. Iż-żewġ ħitan temporanji msemmija saru fuq inizjattiva ta' l-amministrazzjoni ta' l-iskola peress li din sabet li temporanjament, sakemm jinstab post ieħor, dan it-"tuckshop" ikun jista' jservi l-ħtiġijiet tat-tfal li jattendu din l-iskola, u għaldaqstant it-tfal jibqgħu kontinwament taħt sorveljanza.
4. It-"Tuckshop" qed jintuża mit-tfal ta' l-iskola Sekondarja Antonio Bosio Gżira.
7. It-"Tuckshop" ittieħed b'kuntratt wara sejħa għall-offerti maħruġa mill-kap ta' l-iskola flimkien mall-kunsill skolastiku. Għas-sena skolastika 1999/2000 dan il-kuntratt ser ikun imġedded skond artiklu 12 tal-kundizzjonijiet tal-kuntratt tat-"Tuckshop" fi skola statali.
Jista' l-Ministru jgħid għaliex il-borża ta' studju mill-Isvizzera dwar l-iżvilupp ta' l-istaff ta' l-għalliema ngħata lil għalliem taċ-Ċentru Fellenberg li ma jaħdimx fil-qasam indikat mill-kap tal-Fellenberg? Jista' l-Ministru jgħid x'inhuma l-kriterji għall-għażla fost dawk li japplikaw għall-boroż ta' studju tal-Kunsill ta' l-Ewropa? Għaliex ġew injorati l-fehmiet u x-xewqat tal-kapijiet ta' l-iskola? Jista' l-Ministru iserraħ moħħ l-għalliema li dawn il-boroż ta' studju m'humiex hemm biss għal dawk tal-qalba kif qed jgħidu ħafna?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li f'din l-aħħar sena, ma kien hemm ebda borża ta' studju offerta mill-Isvizzera lil xi għalliema fiċ-Ċentru Fellenberg.
Dwar il-boroż ta' studju mogħtija mill-Kunsill ta' l-Ewropa (li m'għandhom x'jaqsmu xejn mal-boroż ta' studju li rrefera għalihom l-Onor. Membru fl-ewwel parti tal-mistoqsija) l-kriterju ta' l-għażla fost dawk li japplikaw għall-boroż ta' studju tal-Kunsill ta' l-Ewropa u jkunu fuq skala 6 jew anqas, jiġu msejħa għall-'interview' u l-għażla ssir fuq bażi ta':
a. relevanza għall-applikazzjoni
b. relevanza għas-servizzi edukattivi
c. kwalifiki
d. kemm il-persuna hi addatata għall-kors
F'każ li jkun hemm applikazzjoni fi skala 5 jew ogħla, l-għażla tista' ssir b'nomina diretta mid-Direttur Ġenerali.
Għaldaqstant, kif jafu l-għalliema nfushom, dawn il-boroż ta' studju jingħataw skond proċeduri stabbiliti, b'mod trasparenti u miftuħ.
Jista' l-Ministru jgħid jekk waslu rapporti fid-Dipartimenti ta' l-Edukazzjoni dwar allegazzjonijiet li qed jagħmel watchman (li dettalji qed jintbagħtu separatament ) ta' l-iskola sekondarja li ex-surmast ta' l-istess skola ħa flus u rigali oħra għalih personali mingħand individwi bħal ħlas talli dawn l-individwi kienu jikru partijiet mill-proprjeta' ta' l-iskola għall-attivitajiet soċjali u sportivi?
Jekk waslu dawn ir-rapporti lid-Dipartiment ta' l-Edukazzjoni, jista' l-Ministru jgħid: (a) meta waslu dawn ir-rapporti; (b) minn meta waslu dawn ir-rapport x'investigazzjnijiet saru u minn min saru; (ċ) x'irriżulta mill-investigazzjonijiet li saru; u (d) jekk irriżulta li l-allegazzjonijiet kienu fattibbli, x'passi ttieħdu jew qed jittieħdu?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-predeċessur tiegħi kien waqqaf Bord ta' Inkjesta biex jistħarreġ l-allegazzjonijiet li kienu qegħdin isiru.
Il-Bord ippreżenta r-rapport tiegħu lill-Ministru wara li għamel stħarriġ bir-reqqa u intervista nies impjegati fl-iskola u studja d-dokumenti relevanti.
Informat ukoll li l-Bord ġibed il-konklużjonijiet skond iċ-ċirkostanzi u għamel il-proposti tiegħu. Ittieħdu l-passi neċessarji.
B'riferenza għat-tweġiba li tani għall-mistoqsija parlamentari numru 8456, jista' l-Ministru jgħid jekk kienx hemm żviluppi dwar it-talba tiegħi li coaches barranin li qegħdin ma' diversi għaqdiet sportivi jintużaw għat-taħriġ fiżiku tat-tfal ta' l-iskejjel?
Response (GALEA, LOUIS)
Wara li kif weġibt għall-Mistoqsija Parlamentari numru 2456 tlabt li din il-kwestjoni tiġi kkunsidrata, issa infurmat li qegħdin isiru tħejjijiet ma' tliet għaqdiet sportivi biex il-coaches barranin impjegati magħhom ikunu jistgħu jagħtu s-servizz tagħhom fl-iskejjel. Hu maħsub li 'il quddiem l-iskema tkun estiża f'oqsma oħra.
B'riferenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari numru 9239, jista' l-Ministru jgħid jekk irċevix talba mill-awtoritajiet tal-Kulleġġ ta' St. Edwards dwar żieda fil-miżati u dan bi 3% fuq dak li kienu s-sena li għaddiet?
Jaf il-Ministru li għalkemm fis-27 ta' Lulju weġibni li ma kien irċieva l-ebda talba mill-kulleġġ, fil-fatt il-ġenituri kienu nfurmati b'ittra datata 10 ta' Lulju, bit-tibdiliet fil-miżati u dan 17-il jum qabel it-tweġiba tal-Ministru? X'passi beħsiebu jieħu dwar dan? Peress li għalkemm id-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni ma rċieva l-ebda lment fuq il-ħlas dirett għall-ikel, meta qabel dan kien jifforma parti mill-miżata, nista' nassigura lill-Ministru li ġenituri tkellmu miegħi f'dan is-sens, japprezza li l-fatt li l-perċentaġġ li kien jitħallas għall-ikel issa sar parti mill-miżata, ifisser li kien hemm żieda aktar minn 3%?
Response (GALEA, LOUIS)
Nikkonferma li dan il-Ministeru ġie mgħarraf biż-żieda fil-miżata mill-Awtorita` Skolastika ta' St Edward's College b'ittra li ġġib id-data tad-19 ta' Lulju 1999, u għaldaqstant sa meta tajt ir-risposta għall-Mistoqsija Parlamentari numru 9239 l-ittra kienet għadha ma waslitx.
Infurmat li d-differenza fil-miżati mis-sena l-oħra għal din is-sena skolastika fl-iskola ta' St Edwards hija kif ġej:
LIVELL SENA 1998/99 SENA 1999/2000
Infant School Lm224 per term Lm231 per term
Junior School Lm239 Lm246
Middle School Lm258 Lm266
Senior School Lm174 Lm282
Sixth Form Lm286 Lm294
Informat ukoll li s'issa d-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni ma rċevietx ilmenti mill-ġenituri tat-tfal ta' l-imsemmija skola dwar ħlas dirett fuq l-ikel.
Jista' l-Ministru jgħid liema huma l-għaqdiet/individwi li għandhom xi post b'kera fil-Pixxina Nazzjonali f'Tal-Qroqq? Kemm hi l-kera f'kull każ? Fil-każ tal-għaqdiet sportivi, liema sport jipprattikaw? Fil-każ ta' l-individwi x'inhu x-xogħol li jipprattikaw? Hemm xi wħud minn dawn l-għaqdiet/individwi li b'xi mod jużaw is-servizzi tal-ħaddiema tal-Pixxina Nazzjonali meta dawn ikunu xogħol? Jħallsu ta' dan ix-xogħol?
Response (GALEA, LOUIS)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 6067 f'Seduta 86.
Informat li l-Għaqdiet/individwi li għandhom post b'kera fil-Pixxina Nazzjonali huma dawn:
Amateur Swimming - spazju għal Uffiċċju u ieħor għat-
Association taħriġ tat-timijiet Nazzjonali.
Ħlas ta' Lm600 kera fis-sena.
Edwards Sports Ltd - spazju għal sports shop. Ħlas ta' Lm600
kera fis-sena.
Malta Volleyball - spazju għal uffiċini. Ħlas ta'
Association Lm600 kera fis-sena.
Mrs Pat. Bonello - spazju għal Psychotherapy Clinic.
Ħlas ta' Lm300 kera fis-sena.
Mrs Bodil Petersen - spazju għal Chiropractitioning. Ħlas
ta' Lm500 kera fis-sena.
Malta Waterpolo - allokazzjoni ta' spazju għal Uffiċċju
Referees ta' l-Association għall-ħlas ta' Lm150
Association fis-sena b'effett mill-1 ta' Jannar 2000.
Ma jirriżultax li l-imsemmija Għaqdiet/individwi qatt talbu għall-użu tas-servizzi tal-ħaddiema tal-Pixxina Nazzjonali, ħlief għas-servizzi ta' tindif u manutenzjoni normali u ta' l-operator tat-telefon, liema servizzi huma t-tnejn ir-responsabbilta` tal-Kumpless u inkorporati fit-tariffi (concession fees) rispettivi.
Peress li xi skejjel privati qed jgħollu l-miżati kull sena, ma jaħsibx il-Ministru li għandu jirriferi din il-kwestjoni lill-uffiċċju tal-Kummerċ Ġust biex jiġi żgurat li dak li qed jingħata lill-istudenti huwa kompatibbli mal-miżati li qed jitħallsu? Liema huma dawk l-iskejjel privati li għollew il-miżati tagħhom għas-sena skolastika li jmiss? B'kemm? Meta saret kull talba u meta ġiet approvata mill-Ministru?
Response (GALEA, LOUIS)
Kien hemm txax-il skola li nfurmaw lill-Ministru ta' l-Edukazzjoni kif titlob il-liġi fir-rigward ta' żjieda fil-miżata għas-sena skolastika 1999/2000. Kopja ta' din l-iskema ser titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Kif jaf tajjeb l-Onor. Membru, il-liġi teskludi għal kollox il-possibilita` ta' intervent tal-Ministru biex japprova jew jiddisapprova.
L-irwol tal-Ministru f'din il-ħaġa s'issa hi li jirċievi l-informazzjoni.
L-Onor. Membru jaf ukoll li d-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni għandha dmir li tħares l-applikazzjoni ta' l-Att dwar l-Edukazzjoni (1988) fil-parametri tat-tagħlim skond il-Kurrikulu Nazzjonali f'ambjent kompatibbli mar-rilevanti Avviż Legali.
Tlabt li s-suġġeriment ta' l-Onor. Membru jiġi konsidrat.
Jista'l-Ministru jgħid kemm kien hemm tfal bi bżonnijiet speċjali li kienu qed jistennew li jiġu evalwati mill-istatementing board dwar xi bżonnijiet għandhom biex ikunu jistgħu jattendu l-iskola? Meta se jarawhom? Kemm minnhom mhux se jkunu jistgħu jattendu l-iskola?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li fadal 8 każijiet ta' tfal bi bżonnijiet speċjali li qed jistennew li jiġu evalwati mill-Istatementing Board qabel ma jistgħu jibdew jattendu l-iskola. Il-proċess mill-Istatementing Board diġa' beda u fi żmien ħmistax il-Board ikun ippreżenta r-rakkomandazzjoni tiegħu lill-Awtoritajiet Edukattivi.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm guidance teachers fl-iskejjel: (i) tal-gvern; (ii) tal-knisja; (iii) privati?
F'kull skola kemm suppost ikun hemm guidance teachers? In-numru tagħhom huwa relatat man-numru ta' studenti?
Response (GALEA, LOUIS)
L-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.