Jista' l-Viċi Prim Ministru jagħmel paragun fil-qosor tal-programmi residenzjali għall-kura mid-droga tas-Sedqa u Caritas? X'inhuma d-differenzi u s-similaritajiet?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Peress li l-CARITAS hija organiżżazzjoni mhux Governattiva (NGO) naħseb li ma jkunx prudenti li nagħti l-analiżi mitluba mill-Onor. Membru.
13.7.99
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm hemm persuni jirreġistraw fil-lokalita' tal-Marsa, nisa u rġiel? Jista' jgħid, sena b'sena, kemm hu n-numru li jirreġistraw?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Sa l-aħħar ta' Mejju 1999, kien hemm 233 persuna tirreġistra fil-lokalita' tal-Marsa. 206 kienu rġiel u 27 kienu nisa. Fl-istess lokalita', fl-aħħar ta' Diċembru 1998 kien hemm 231 persuna tirreġistra, 208 kienu rġiel u 23 kienu nisa.
13.7.99
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid għaliex mara Maltija li ħadmet Malta u ħallset il-bolla eċċ, għax iżżewġet barrani u llum issepparat la tista tapplika għal akkomodazzjoni soċjali u lanqas qed tieħu children's allowance?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li d-dritt għal mara Maltija li tieħu l-Allowance tat-Tfal huwa suġġett għall-kundizzjoni li l-mara jkollha l-kura u l-kustodja effettiva tat-tfal taħt is-sittax-il sena, kif ukoll li l-mezzi tagħha ma jeċċedux dawk stipulati fit-test tal-mezzi relatat ma' din l-Allowance. L-istat ċivili ma jtellifx id-dritt tal-Allowance tat-Tfal.
Rigward akkomodazzjoni soċjali, mara legalment separata għandha dritt tapplika mad-Dipartiment konċernat. Ovvjament, id-Dipartiment tal-Akkomodazzjoni Soċjali jivverifika ċ-ċirkostanzi kollha tal-każ, inkluż il-kondizzjonijiet mifthema fil-kuntratt tas-separazzjoni.
12.7.99
Jista' l-Ministru jgħid x'inhi tagħmel l-ETC sabiex tgħin żgħażagħ li huma bla xogħol?
Jista' l-Ministru jgħid ukoll x'inhu jsir sabiex b'mod partikolari, żgħażagħ li huma illiterati u bla snajja',jġu ntegrati fid-dinja tax-xogħol?
Response (GONZI, LAWRENCE)
L-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u tingħata f'Seduta oħra.
12.7.99
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid jekk il-post, li l-partikolaritajiet tiegħu qed jintbagħtu separatament ma' din il-mistoqsija, huwiex bil-kera jew le? Jekk inbiegħ, f'liema sena u xahar inbiegħ?
Response (GONZI, LAWRENCE)
L-Onor. Interpellant huwa mitlub jara r-risposta li tajt għall-Mistoqsija Nru. 7236.
12.7.99
Peress li waqt li l-Ministru fetaħ l-uffiċċju ta' l-Għaqda tal-Pensjonant fi ħdan il-Welfare Committee tal-Korporazzjoni Enemalta, hu kien wiegħed l-għajnuna tiegħu lil din l-għaqda, jista' l-Ministru jgħid jekk din l-għaqda talbitx xi għajnuna diretta jew indiretta lill-Ministru?
Jista' l-Ministru jgħid din l-għaqda kemm-il laqgħa żammet minn meta ġiet imwaqqfa, kemm attendew membri speċjalment fit-twaqqif tagħha, u jekk din il-laqgħa nżammitx skond l-istatut (jekk jeżisti)?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Nitlob lill-Onor. Membru jagħmel din il-Mistoqsija lill-Ministru responsabbli mill-Korporazzjoni Enemalta.
12.7.99
Jista' l-Ministru jikkonferma min jibbenefika min xi skema tal-Housing Authority "biex jirranġaw id-dar tagħhom", ma togħlilhomx il-kera wara li jkun sar ix-xogħol?
Response (GONZI, LAWRENCE)
L-għotja għal xogħol ta' rranġar f'djar privata jew tal-Gvern okkupati mill-inkwilini titħallas mill-Awtorita' tad-Djar lill-inkwilini. B'hekk is-sid jew il-Gvern ma jinkorri ebda piz finanzjarju.
Għaldaqstant din l-għajnuna ma taffettwax l-ammont tal-kera mħallsa mill-applikant.
12.7.99
Jista' l-Ministru jikkonsidra xi forma ta' inċentiv biex iħajjar lill-kumpanniji parastatali jintroduċu l-kunċett tar-reduced hours għall-impjegati tagħhom?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Il-Gvern jittama li dawn it-tip ta' kundizzjonijiet ta' xogħol ġodda fis-Servizz Pubbliku jservu ta' eżempju għal żvilupp simili fis-settur parastatali kif ukoll fis-settur privat. Naħseb iżda li dan irid iseħħ mhux b'xi inċentiv minn naħa tal-gvern iżda b'negozjar bejn l-ażjendi kkonċernati w t-"Trade Unions".
12.7.99
Peress li waħda mill-wegħdi fil-programm elettorali tal-PN kienet tirrigwarda l-istatus tal-ħaddiema "impressed", jista' l-Ministru jgħid x'kienu l-passi li ttieħdu s'issa u dawk ippjanati fi snin li ġejjin?
Response (GONZI, LAWRENCE)
L-Uffiċċju tal-Prim Ministru appunta "Working Group" ta' livell għoli biex jagħmel rakkomandazzjonijiet lill-Gvern.
12.7.99
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid jekk persuni li japplikaw għall-iskema 3, imbagħad din l-għajnuna tkunx riflessa f'żieda fil-ħlas tal-kera, kemm għal dawk li għandhom kera stabbilita kif ukoll għal dawk li l-kera tkun riveduta kull numru ta' snin?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Skema 3 tapplika għal postijiet tal-Gvern. Din l-għotja ma hiex riflessa f'xi żieda tal-kera mħallsa tal-inkwilini.
12.7.99
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid liema huma l-flats tal-gvern li se jinżebgħu fil-lokalita' tal-Marsa?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Kif aktarx jaf l-Onor. Interpellant, huma t-tronob u l-partijeit komuni tal-flats tal-Gvern u mhux il-flats individwali li jinżebgħu/jitbajdu mill-ħaddiema tad-Dipartiment tal-Bini u Tiswija ta' Djar. Ma nħossx li jkun prudenti li wieħed jippubblika l-lista ta' postijiet fejn hemm ix-xogħol approvat.
12.7.99
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid jekk huwiex possibbli li jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra r-rapport li kien sar mis-Sedqa ntitolat "Estimating the size of the drug misuse problem in Malta"?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ir-rapport li kien sar mill-Aġenzija Sedqa ntitolat "Estimating the size of the drug misuse problem in Malta" qed jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra, kif talab l-Onor. Interpellant.
Nixtieq niċċara li dan ir-rapport sar fuq statistika tal-1995 u minn dakinhar s'issa nbidlu ħafna l-affarijiet.
12.7.99
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid fiex wasal il-każ ta' single mother dwar housing, li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Jien infurmat illi l-applikazzjoni indikata qed tiġi ikkunsidrata flimkien ma' l-oħrajn kollha li hemm pendenti, u fid-dawl tan-numru limitat ta' postijiet li ikollu d-Dipartiment għall-akkomodazzjoni Soċjali.
12.7.99
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' self-employed bejn Jannar u Mejju ta' din is-sena?
X'kien dan in-numru għall-istess perjodu għas-sena 1998?
Response (GONZI, LAWRENCE)
In-numru ta' self-employed bejn Jannar u April 1999 kien hekk:-
XHUR TOTAL SELF-EMPLOYED
Jannar 1999 15,267
Frar 1999 15,333
Marzu 1999 15,385
April 1999 15,363
In numru ta' self-employed bejn Jannar u Mejju 1998 kien hekk:-
XHUR TOTAL SELF-EMPLOYED
Jannar 1998 15,392
Frar 1998 15,426
Marzu 1998 15,401
April 1998 15,430
Mejju 1998 15,470
Din l-informazzjoni tiġi ppublikata minn żmien għal żmien miċ-Ċentru Uffiċjali ta' l-Istatistika f'News Releases.
8.7.99
Jista' l-Ministru jgħid kemm intnefqu flus f'refurbishment u f'għamara ġdida fl-uffiċini tal-Ministeru u f'tad-Diretturi jew Chairmen li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu mill-5 ta' Settembru, 1998 sal-21 ta' Ġunju, 1999?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Dan il-Ministeru huwa kommess li, sa fejn hu fiżikament possibbli, jwettaq politika ta' accessibilita' kemm fil-bini tal-Ministeru nnifsu, kif ukoll fid-diversi dipartimenti u ażenziji li jaqgħu taħtu. Għalhekk, fil-bidu ta' din il-leġislatura ttieħdet id-deċiżjoni li l-bini tal-Ministeru f'Palazzo Ferreria, fil-Belt Valletta kellu jiġi adattat biex (a) jilqa' fih l-istaff kollu tas-Segretarjat Parlamentari u (b) biex jipprovdi ambjent aċċessibbli għal kulħadd nkluż min juża s-siġġu tar-roti.
S'issa intefqu Lm18,357 f'refurbishment u Lm5,405 f'għamara ġdida biex jitlestew l-uffiċini fis-sular t'isfel ta' Palazzo Ferrerija fejn ġie stabbilit l-uffiċċju tas-Segretarju Parlamentari u l-istaff kollu tiegħu. Dan is-sular huwa totalment aċċessibbli. Jonqos pero, li jiġi stallat lift ġdid biex is-sulari kollha, nkluż dak tal-Ministeru (li jinsab fit-tieni sular) isiru aċċessibbli.
Barra minn dan, intefqet ukoll is-somma ta' Lm1,889 f'refurbishment fis-sular tal-Ministeru u Lm390 f'għamara, kif ukoll Lm565 għall-għamara għas-Segretarju Permanenti.
Minn hawn u ftit ieħor, ser jibda wkoll ix-xogħol biex jitwaħħlu l-balavostri mal-faċċata ta' Palazzo Ferrerija, kiema xogħol issa ġie awtoriżżat mill-Awtorita' ta' l-Ippjanar.
Tajjeb li jingħad illi aktar minn nofs l-ispiża ta' l-għamara li nxtrat, tħallset lill-Koperattiva tal-Gvern stess, filwaqt li x-xogħol sar kważi kollu minn ħaddiema tal-gvern stess.
Jiena nfurmat ukoll li fl-istess perijodu l-Bord tal-Koperattivi nefaq is-somma ta' Lm8,294 f'xogħolijiet ta' refurbishment u Lm2,325 f'għamara.
Fid-dipartimenti, Aġenziji, Korporazzjonijiet l-oħra li jaqgħu taħt id-dikasteru ta' dan il-Ministeru, ma ntefqux flus f'dan il-perijodu fuq dawn is-suġġetti. Pero', rrid ngħid minn issa li tajt struzzjonijiet biex t-training centre l-ġdid tal-ETC fil-Belt Valletta għandu jkun aċċessibbli permezz ta' lift.
7.7.99
Ministeru għall-Politika Soċjali — Requisition orders
Question
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid x'jiġri fil-prattika appena jitneħħa requistion order? Xi tkun il-pożizzjoni ta' l-inkwilin vis-a-vis is-sid appena jitneħħa r-requisition order? Is-sid jibqa' jirrikonoxxi lill-inkwilin wara din it-tneħħija?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Meta titneħħa ordni ta' rekwiżizzjoni ta' post fejn l-inkwilin hu rikonoxxut mis-sid u qed iħallas il-kera regolarment, dan jibqa' ikollu l-protezzjoni normali taħt il-liġijiet tal-kera. Fejn l-inkwilin mhux rikonoxxut mis-sid, ir-rekwiżizzjoni ma titneħħiex.
8.7.99