Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 9 PQ #10242 Sitting 155 1999-10-13 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel — Kotba - Prezzijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhuma r-raġunijiet li għalihom hemm qabża sostanzjali fil-prezzijiet tal-kotba ta' l-iskola li jistgħu jinxtraw mill-ġenituri għal uliedhom fl-iskejjel tal-gvern meta mqabbla mal-prezzijiet fl-aħħar snin? Tista' tpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kif kienu l-prezzijiet tal-kotba fl-iskejjel primarji u sekondarji u kif saru issa?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-prezzijiet tal-kotba ta' l-iskola li jistgħu jinxtraw mill-ġenituri fl-iskejjel tal-Gvern baqgħu dawk li kienu. Ser inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-prezzijiet ta' dawn il-kotba.
Leg 9 PQ #10243 Sitting 155 1999-10-13 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel — Tfal ibatu b'daharhom

Question

Peress li s-sena skolastika li għaddiet bħala ministru mpenjajt ruħi li taħtar persuna biex tikkordina kampanja ta' għarfien u ta' passi konkreti biex tittaffa l-problema tad-dahar ikkaġunata mill-bankijiet tqal ta' l-iskola, drawwiet ħżiena kif it-tfal iġġorru l-basket u l-għamara ta' l-iskola, jista' l-Ministru jgħid meta nħatret din il-persuna? Min hi? X'passi ħadet s'issa?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li nħatret kummissjoni biex tirrevedi u taġġorna l-politika tad-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni dwar il-basktijiet tat-tfal ta' l-iskejjel li hi magħmula mis-Sur Joseph Sammut (Direttur), is-Sinjorina Pauline Apap (Assistent Direttur) u s-Sur Godwin Abela (Uffiċjal Edukattiv). Din il-kummissjoni lestiet gwida li ser toħroġ dalwaqt għall-iskejjel. Informat li din il-kummissjoni ser tagħmel stħarriġ fost it-tfal biex tiġi identifikata aħjar il-problema u s-soluzzjonijiet prattiċi għalihom.
Leg 9 PQ #10244 Sitting 155 1999-10-13 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Orkestra Nazzjonali — Mużiċisti

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'tip ta' kuntratt se jingħataw il-mużiċisti ta' l-Orkestra Nazzjonali meta jagħlqilhom dak preżenti? Xi pjani futuri għandu għall-Orkestra Nazzjonali f'dak li għandu x'jaqsam ma' l-istat preżenti tagħha li: (a) hi kumpannija; (b) li jingħaqad mal-PBS; u (ċ) li ssir orkestra taċ-Ċentru ta' l-Arti? Kif se jiżgura li l-Orkestra Nazzjonali tkun sostenibbli?

Response (GALEA, LOUIS)

Il-mużiċisti ta' l-Orkestra Nazzjonali kellhom il-kuntratt preżenti mġedded għall-perjodu ieħor ta' sentejn. Il-futur ta' l-Orkestra Nazzjonali hu suġġett importanti tal-konsiderazzjoni li l-Ministeru qed jagħti lil numru ta' oqsma li għalihom hu responsabbli. Meta d-deċiżjonijiet ikunu ġew imsawra inkun nista' nagħti aktar tagħrif.
Leg 9 PQ #10245 Sitting 155 1999-10-13 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Orkestra Nazzjonali — Bord

Question

Matul l-aħħar sena kemm-il darba ltaqa' l-Bord ta' l-Orkestra Nazzjonali? Meta ltaqa' l-bord? X'deċiżjonijiet ewlenien ittieħdu f'dawn il-laqgħat tal-bord?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-Bord ta' l-Orkestra Nazzjonali ltaqa' ħdax-il darba f'din l-aħħar sena, u d-deċiżjonijiet li ttieħdu kienu jirrigwardaw it-titjib tal-livell ta' l-Orkestra. Id-dati li fihom iltaqa' l-Bord huma s-segwenti: 1. 06 ta' Jannar 2. 26 ta' Jannar 3. 19 ta' Frar 4. 19 ta' Marzu 5. 06 ta' April 6. 13 ta' April 7. 25 ta' Mejju 8. 20 ta' Lulju 9. 03 ta' Awissu 10. 24 ta' Awissu 11. 14 ta' Settembru.
Leg 9 PQ #10293 Sitting 155 1999-10-13 Oral · Final From: CHRIS AGIUS To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Universita' — Studenti

Question

Jista' l-Ministru jagħti lista, lokal b'lokal, ta' l-istudenti li hemm jattendu l-Univerista'?

Response (GALEA, LOUIS)

L-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar, tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.
Leg 9 PQ #10027 Sitting 154 1999-10-12 Oral · Final From: MARIE LOUISE COLEIRO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

IHC — Nurse fil-librerija

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari numru 9191, jista' l-Ministru jgħid fuq liema kriterji enrolled nurse qed taħdem fil-librerija ta' l-Institute of Health Care? Jekk taħdem b'sistema ta' shift, x'inhuma s-sigħat tax-xogħol tagħha? X'inhuma d-doveri tagħha s-Sibtijiet, il-Ħdud u fil-festi pubbliċi u fil-perjodu tas-sajf meta l-librerija tkun magħluqa? X'inhuma l-allowances li għandha għall-Ħdud u l-festi pubbliċi? Mil-liema vot qed jitħallsu? Jista' l-Ministru jwieġeb?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-Enrolled Nurse li għaliha presummibilment qed tirreferi din il-Mistoqsija ilha taħdem fl-iskola tan-Nurses għal numru tas-snin qabel din l-iskola saret tifforma parti mill-Universita` bħala "Istitut għall-Ħarsien tas-Saħħa" (IHC). Din l-enrolled nurse, impjegata antika tan-"Nursing School" u li għenet fit-twelid ta' l-IHC, b'esperjenza f'xogħlijiet varji bħal "House Management", allokazzjoni u superviżjoni ta' l-istudenti, u akkwisti ta' servizzi u materjali ta' manutenzjoni tal-bini ta' l-IHC, u materjali għall-prattiċi, kienet trasferita f'Ġunju 1998, (wara ħafna snin mingħajr esperjenza "hands on" fin-nursing) f'ward M6 l-isptar San Luqa li pero` dan it-transfer qatt ma ġie implimentat. Billi l-DSU kien talab u ngħata faċilitajiet ta' First Aid fuq il-Campus, l-istudenti ta' l-IHC kien jixirqilhom l-istess trattament; għalhekk din l-enrolled nurse ġiet mogħtija l-inkarigu li toħloq u tmantni dan is-servizz ta' First Aid u għajnuna lil madwar 700 student li jużaw dan il-bini. Sabiex jiġi utilizzat il-ħin kollu ta' servizz, din l-enrolled nurse intalbet tagħti servizz fil-Librerija dejjem tikber ta' IHC, fejn b'servizz utli ttaffa n-nuqqas ta' staff li kien hemm. Il-Librerija tibqa' miftuħa s-sena kollha nkluż is-Sibt, b'siegħat imtawla, jumejn fil-Ġimgħa. L-enrolled nurse baqgħet taħdem bl-istess kundizzjonijiet tax-xogħol li kienet taħdem qabel, li jappartjenu għall-grad tagħha fuq bażi ta' Day-In/Day-Out tnax-il siegħa kull darba. Din l-enrolled nurse titħallas mill-vot tal-Ministeru tas-Saħħa.
Leg 9 PQ #10224 Sitting 154 1999-10-12 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel — Sir Adrian Dingli - Awditorju

Question

Peress li b'ittra bid-data tat-22 ta' April, 1999 lis-Segretarju Permanenti, is-Segretarju Privat tal-ministru qajjem dubji serji dwar kemm l-awditorju tal-Junior Lyceum Sir Adrian Dingli għandu jiġi mgħammar skond tender apposta li ħareġ il-ministeru, jista' l-Ministru jgħid x'deċiżjoni se tittieħed dwar din it-tender? Se tkompli tiġi pproċessata? Se jieqaf kollox? Għaliex?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li wara li nġibdet l-attenzjoni tad-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni illi t-talba għal tagħmir ta' l-Awditorju tal-Junior Lyceum Sir Adrian Dingli kienet eċċessiva, id-Diviżjoni qegħda fil-proċess li tagħmel ri-evalwazzjoni tat-talba oriġinali. It-talba msemmija ser tiġi sottomessa għal evalwazzjoni indipendenti (second opinion) lil tekniċi kompetenti sabiex id-Diviżjoni tkun tista' tieħu ġudizzju informat dwar il-każ.
Leg 9 PQ #10150 Sitting 153 1999-10-12 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel — Studenti

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhu n-numru totali ta' studenti subien u bniet separatament li qed jattendu skejjel: (1) ta' l-Istat; (2) tal-Knisja; u (3) Privati? Kif inhuma mqassma f'kindergarten,primarji, sekondarji, eċċ.? Kemm hemm fis-Sixth Form ta' kull kategorija ta' skola?

Response (GALEA, LOUIS)

L-informazzjoni li inti tlabt ma tistax tiġi provduta għalissa minħabba li l-istatistika għal Ottubru 1999 għadha qed tinġabar.
Leg 9 PQ #10151 Sitting 153 1999-10-12 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel — Għalliema

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhu n-numru totali ta' għalliema li bħalissa qed jgħallmu fl-iskejjel: (a) ta' l-Istat; (b) tal-Knisja; (c) tal-privat? Fil-każ ta'l-iskejjel ta'l-Istat, jeżistu vakanzi bħalissa? F'liema suġġetti? F'liema livell, primarji, sekondarji eċċ.?

Response (GALEA, LOUIS)

L-informazzjoni li inti tlabt ma tistax tiġi provduta għalissa minħabba li l-istatistika għal Ottubru 1999 għadha qed tinġabar.
Leg 9 PQ #10191 Sitting 153 1999-10-12 Oral · Final From: CHRIS AGIUS To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Bormla — Mina ta' Sta Liena

Question

Jista' l-Ministru jara li l-mina ta' Sta Liena, Bormla tingħata dik l-attenzjoni li jixirqilha? Jidhirlu l-Ministru li monument bħal dak għandu jinżamm fi stat ħafna aħjar milli jinstab bħalissa? Jista' l-Ministru jara li ma jipparkjawx karozzi taħt din il-mina, u għalhekk tinħoloq eyesore f'monument bħal dan?

Response (GALEA, LOUIS)

Se nara x'inhi sewwasew il-qagħda attwali dwar l-istat tal-mina. Għal dak li jirrigwarda l-ipparkjar ta' karozzi, taħt il-mina, nitlob lill-Onor. Interpellant jagħmel il-Mistoqsija lill-Ministeru responsabbli.
Leg 9 PQ #10192 Sitting 153 1999-10-12 Oral · Final From: CHRIS AGIUS To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Kottonera — Bieb is-sultan

Question

Jista' l-Ministru jgħid tteħditx deċiżjoni dwar x'għandu jsir mill-bini maestuż magħruf bħala Bieb is-Sultan?

Response (GALEA, LOUIS)

Le għada ma tteħditx deċiżjoni.
Leg 9 PQ #10202 Sitting 153 1999-10-12 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Ministeru ta' l-Edukazzjoni — Promozzjoni lil handyman

Question

Jista' l-Ministru jara jekk il-persuna li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament jingħata promozzjoni minħabba li ilu jagħmel xogħol ta' handyman żmien twil minkejja li fil-preżent mhux ix-xogħol tiegħu skond l-iskala li għandu llum?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-persuna ndikata, diġa' għandha 'appointment' ta' General Hand u preżentament qegħdha fuq il-massimu ta' skala 18. Promozzjonijiet fis-Servizz Ċivili jingħataw wara li tkun ġiet ippubblikata sejħa għall-applikazzjonijiet. Naturalment meta jkun hemm sejħiet għall-applikazzjonijiet, għall-Operatives jew Tradesmen, l-individwu kkonċernat ikun jista' japplika dejjem jekk huwa eliġibbli u għandu l-kwalifiki meħtieġa.
Leg 9 PQ #8888 Sitting 152 1999-10-11 Oral · Final From: JOSEPH CUSCHIERI To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Ministru ta' l-Edukazzjoni — Down Syndrome Association

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk huwiex veru jew le li d-Down Syndrome Association ilha li talbet li tiltaqa' miegħu minn Novembru ta' l-1998 u sal-lum il-Ministru la għadu rrispondihom u wisq inqas iltaqa' magħhom?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li d-Down Syndrome Association talbet aktar minn appuntament wieħed miegħi, u kemm jien kif ukoll uffiċċjali fil-Ministeru tiegħi iddiskutejna magħhom. L-aħħar talba li saritli hi datata 5 ta' Ottubru, 1999, u l-appuntament ser jingħata dalwaqt. Ma dan inżid li kelli l-opportunita` nindirizza l-ftuħ tal-"Fourth European Down Syndrome Conference" fMarzu ta' din is-sena, kif ukoll, fuq talba tagħhom stess, awtorizzajt għajnuna finanzjarja ta' Lm1000 biex lid-Down Syndrome Association torganizza l-imsemmija konferenza.
Leg 9 PQ #8889 Sitting 152 1999-10-11 Oral · Final From: JOSEPH CUSCHIERI To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel — Riżultati ta' l-eżamijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk meta joħorġu r-riżultati ta' l-eżamijiet ta' l-iskejjel Primarji u dawn jiġu ċċekjati mill-ġenituri flimkien ma' l-għalliema minħabba xi dubji ta' żbalji fil-marki li jkun maħsub li saru, u wara li meta jiġu ċċekjati jirriżulta li l-iżbalji kienu jeżistu verament, huwiex permess li l-ġenituri jiksbu kopja tal-karti ta' l-eżamijiet in kwestjoni mid-dipartiment ta' l-edukazzjoni?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li fejn ir-riżultati ta' l-eżamijiet ta' l-iskejjel Primarji jiġu ċċekkjati mill-ġenituri flimkien ma' l-għalliema, minħabba dubji ta' żbalji fil-marki, u jirriżulta każ ta' żball issir korrezzjoni minnufih u l-ġenituri jingħataw prova li dan ikun sar. Ma ssir ebda kopja tal-karti tat-tfal f'eżami annwali fil-Primarji. Dawn jinżammu mill-iskola. Fil-każ ta' l-eżami għad-dħul fil-Junior Lyceum, ir-Reviżjoni tal-karta ssir minn Uffiċjal tal-Kurrikulu flimkien ma' l-istudent/a, mal-ġenituri, xi għalliema eċċ. Jekk jinstab xi żball jiġi kkoreġut u l-ġenituri jingħataw prova ta' dan. Il-ġenituri ma jistgħux jiksbu kopja tal-karta u dawn jinżammu mill-Educational Assessment Unit.
Leg 9 PQ #9839 Sitting 152 1999-10-11 Oral · Final From: MARIE LOUISE COLEIRO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Trade Schools — Studenti

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm ġew impjegati studenti tat-trade schools, wara li jispiċċaw il-korsijiet rispettivi tagħhom fl-industrija relatata mal-korsijiet li jkunu ħadu, sena b'sena mill-1992 'l hawn?

Response (GALEA, LOUIS)

Id-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni ma jkollhiex din l-informazzjoni.
Leg 9 PQ #9981 Sitting 152 1999-10-11 Oral · Final From: MARIE LOUISE COLEIRO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel — Tal-Ħandaq Junior Lyceum

Question

Jista'l-Ministru jgħid meta se jsiru l-gradilji fuq il-culverts ta' l-ilma li hemm fl-iskola tal-Junior Lyceum, Tal-Ħandaq, speċjalment minħabba l-periklu li jippreżentaw għall-istudenti?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li meta ntbagħtu mpjegati mis-Sezzjoni tal-Manutenzjoni tad-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni ma rriżultax li hemm culverts mingħajr gradilji. Napprezza jekk l-Onor. Membru tippreċiża d-dettalji jekk dan it-tagħrif mhux sodisfaċenti.
Leg 9 PQ #10107 Sitting 152 1999-10-11 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Sport for All — Policy document

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari numru 9345, jista'l-Ministru jgħid kemm hija r-remunerazzjoni ta' kull membru li jifforma parti mill-kumitat Sports for All?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li r-remunerazzjoni tal-membri tal-Kumitat Sports for All hija ta' Lm6 għal kull sassjoni, filwaqt li taċ-Chairman hi ta' Lm8.
Leg 9 PQ #10163 Sitting 152 1999-10-11 Oral · Final From: CHRIS AGIUS To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel — Kindergarten Assistants

Question

Jista'l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari numru 9904?

Response (GALEA, LOUIS)

Għalkemm l-Onor. Membru ma speċifikax preċiż għal-liema kors qed jirreferi, nippreżumi li qed jirreferi għall-'Ad Hoc Course' li sar mill-Universita` ta' Malta bi ftehim mad-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni. Kien sar qbil li t-Temporary Kindergarten Assistants, bi ftehim ma' l-MUT, kellhom isiru tal-post meta jtemmu dan il-Kors b'suċċess. Informat li wara li spiċċa l-kors, id-Diviżjoni għamlet ir-rakkomandazzjoni tagħha lill-Public Service Commission biex dawk li segwew il-kors b'suċċess jieħdu l-appointment u jsiru tal-post. Informat li l-proċess issa ġie mitmum u l-ittri tan-nomina joħorġu fil-futur qrib.
Leg 9 PQ #10164 Sitting 152 1999-10-11 Oral · Final From: CHRIS AGIUS To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel — Computers

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamnetari numru 9906?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li bażikament il-formola ta' tqassim tal-kompjuters hija ta' wieħed għal kull seba' studenti. Informat ukoll li rigward it-tieni parti tal-Mistoqsija, ma hemm ebda klassi li għandha anqas minn tlett kompjuters. F'aktar minn klassi waħda hemm erbgħa computers.
Leg 9 PQ #10182 Sitting 152 1999-10-11 Oral · Final From: MICHAEL BONNICI To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Universita' — Dipartiment tal-Farmaċija

Question

Jista' l-Ministru jgħid għaliex fid-Dipartiment tal-Farmaċija ta' l-Universita' ta' Malta hemm impjegat tekniku li ismu qed jintbagħat separatament li għadu sal-lum ma ngħatax post ta' lecturer wara li dan intbagħat barra minn Malta mill-istess Universita' biex jistudja għall-PH.D., fejn hemm iggradwa? Ġaladarba dan il-ħaddiem diġa' qiegħed fulltime lecturer, x'inhi r-raġuni li ma ngħatax il-ħatra li tixraqlu?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li preżentement dan l-impjegat tekniku ma jistax jingħata l-grad ta' lecturer għar raġuni li ma hemmx post vakanti ta' lecturer. Informat ukoll li hemm persuna oħra f'pożizzjoni simili għal dik ta' l-impjegat imsemmi. Ta' min ifakkar ukoll li vakanzi akkademiċi jintlew wara sejħa pubblika.