Legislature:
Category:
Reset
Active:

Djar ta' l-anzjani — Anzjani

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm hemm persuni rikoverati fid-diversi djar ta' l-anzjani tal-gvern f'kull dar separatament? Kemm hu stmat li tqum lill-gvern kull persuna (average) kull ġurnata li qiegħda f'xi dar ta' l-anzjani?

Response (GONZI, LAWRENCE)

In-numru ta' persuni rikoverati fid-Djar ta' l-Anzjani tal-Gvern huwa kif ġej: Floriana 47 Gżira 31 Mosta 68 Msida 50 Mtarfa 111 Żejtun 60 Huwa stmat li kull anzjan jiswa lill-gvern 'average' ta' madwar Lm8 kull jum. 19.7.99

Djar — Akkomodazzjoni alternattiva

Question

Jaf il-Ministru li l-persuna, li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament, hija l-unika waħda li tirrisjedi fil-blokk indikat fil-Belt? Jaħseb il-Ministru li jkun opportun li din tiġi allokata fond alternattiv sabiex ikun jista' jitwaqqa' l-blokk kollu u l-area tiġi żviluppata sabiex takkomoda numru kbir ta' residenti li qed jistennew li jiġu allokati fond?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Dan il-Ministeru qiegħed jikkunsidra proġetti oħra tat-twaqqiegħ f'diversi lokalitajiet inkluż il-Belt Valletta. Niġbed l-attenzjoni tal-Onor. Membru lli jien infurmat illi l-persuna indikata m'għandha l-ebda applikazzjoni mad-Dipartiment għall-Akkomodazzjoni Soċjali. 19.7.99

NGOs — Kumitat

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jinformana jekk ġiex iffurmat il-kumitat li kellu jieħu ħsieb il-Vot 4070 dwar it-tqassim tal-flus lil Non-Governmental Organisations? Jekk fl-affermattiv, jista' jgħidilna min huma l-persuni u x'inhi l-kariga tagħhom f'dan il-Kumitat? Kif fil-fatt tqassmu l-flus tal-Vot?

Response (GONZI, LAWRENCE)

L-"NGO Project Selection Committee" kien ġie rikostitwit fi Frar ta' din is-sena kif jidher hwan taħt: Chairman - Is-Sur Joseph Scicluna, Segretarju Permanenti Membri - Is-Sur Charles Degurara, Rappreżentant tal-Ministeru tal-Finanzi - Is-Sur Joe Camilleri, Chairman, Kummissjoni Nazzjonali Persuni b'Diżabilita' - Is-Sur Vincent Tonna, NGO Liaison Officer - Is-Sinjorina Agnes Galea Curmi, Social Worker - Is-Sinjorina Olivia Galea Seychell, Secretariat Officer Segretarja - Is-Sinjorina Theresa Mamo, Secretariat Officer Ir-rakkomandazzjonijiet tal-Kumitat dwar kif għandhom jitqassmu l-fondi allokati għal din is-sena għall-NGOs għadhom kif ġew approvati u l-"NGO Liaison Office" bħalissa għaddej bil-proċess sabiex jinforma lill-NGOs dwar l-akkokazzjonijiet approvati. Għalhekk, f'dan l-istadju, ma nħossx li għandi nipprovdi l-informazzjoni mitluba dwar it-tqassim tal-fondi. 19.7.99

ETC — Persuni li sabu mpjieg

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm nies li hemm qiegħda u li għandhom 'il fuq minn 40 sena sabu mpjieg bl-għajnuna ta' l-ETC? F'liema settur sabu mpjieg? Kemm kienu ilhom qiegħda u x'kien il-livell ta' skola tagħhom? Tista' l-informazzjoni tingħata sena b'sena għal dawn l-aħħar għaxar snin?

Response (GONZI, LAWRENCE)

L-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u tingħata f'xi Seduta oħra. 19.7.99

Persuni b'diżabilita' — Donazzjonijiet

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jikkonferma jekk teżistix l-iskema li permezz tagħha persuni b'diżabilita' jingħataw donazzjoni sabiex jixtru xi equipment għall-użu tagħhom? Jekk fl-affermattiv, kemm hu d-daqs tad-donazzjoni u minn min jingħata?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Persuni b'diżabilita' jistgħu jibbenefikaw minn Servizz magħruf bħala Servizz Għajnuniet Speċjali biex jibbenefikaw minn assistenza finanzjarja biex jixtru apparat li jgħinhom jgħixu ħajja aktar indipendenti. Dan is-Servizz hu mmexxi mill-Kummissjoni Nazzjonali Persuni b'Diżabilita' u dettalji dwaru tista' tinkiseb minn: a) risposta għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 7669 b) risposta għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 2262 c) il-ktejjeb Servizzi u Binefiċċji għall-Persuni b'Diżabilita' paġni 29-30 li kopja tiegħu qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra għall-riferenza faċli. Kien hemm tibdiliet żgħar riċenti f'dan is-servizz fl-għajnuna finanzjarja li tingħata għall-kompjuters. Is-somma massima għall-kompjuters issa hi ta' Lm250. F'każijiet fejn hemm il-ħtieġa ta' aċċessorji għall-kompjuter minħabba d-diżabilita' tal-applikant din tista' titla' sa Lm500. 19.7.99

Appartamenti tal-Gvern — Ref L618/63/1

Question

Peress li nstab li x-xorok ta' l-appartament tal-Gvern bl-indirizz 43/8 Strait Street, Valletta nstabu maqsumin meta ġie spezzjonat mill-Perit imqabbad mill-Qorti wara li ġġarraf il-bini f'demolition site fil-viċin, jista dan il-periklu jiġi rranġat mill-aktar fis (Ref L618/63/1)?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Għaddejt dan il-każ lid-Dipartiment tal-Bini u Tiswija ta' Djar biex jivverifika jekk il-ħsara saret kawża tat-twaqqiegħ. 19.7.99

Valletta — Triq Sant Ursola - Bini perikoluż

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid humiex se jiġu allokati appartamenti ġodda fil-Belt lill-inkwilini f'bini dikjarat perikoluż bejn 148 u 152 Triq Sant'Ursola, l-Belt?

Response (GONZI, LAWRENCE)

L-Awtorita' tad-Djar għandha l-proċedura tagħha kif postijiet ġodda jiġu allokati lill-familji bi bżonn ta' akkomodazzjoni alternattiva. Għaldaqstant, sakemm il-blokk imsemmi mill-Onor. Interpellant ma jkunx jaqa' taħt xi proġett ta' "slum clearance", il-mod ta' kif dawn il-persuni jieħdu akkomodazzjoni alternattiva hija permezz ta' applikazzjoni ma' l-Awtorita' tad-Djar jew mid-Dipartiment għall-Akkomodazzjoni Soċjali dejjem jekk il-familji kkonċernati jikkwalifikaw għal dawn l-applikazzjonijiet. 19.7.99

Kontribuzzjonijiet soċjali

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid jekk jiġux imnaqqsa l-kontribuzzjonijiet tas-sigurta' soċjali meta jiġi kkalkolat id-dħul tal-għarajjes fl-applikazzjonijiet għal kiri quddiem l-Awtorita' tad-Djar?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Taħt l-iskemi preżenti tal-Awtorita' tad-Djar il-kuntribuuzzjonijiet għas-Sigurta' Nazzjonali ma jiġux ikkalkulati. Pero, irrid niġbed l-attenzjoni tal-Onor. Membru li l-Awtorita' tad-Djar ma tallokax postijiet għall-kiri għall-għarajjes. 19.7.99

ETC — Reġistrazzjoni għal Seamen

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jagħti n-numru ta' persuni li kienu jirreġistraw bħala seamen taħt l-ewwel parti u d-data ta' meta kull wieħed minnhom beda jirreġistra bħala seaman taħt l-ewwel parti?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Jirriżulta li fil-15.07.99 in-numru ta' nies li kienu qed jirreġistraw fuq l-ewwel parti bħala "Ship's Deck Crews and related workers" kien ta' 135. 49 minnhom għandhom id-dokumenti meħtieġa w jikkwalifikaw bħala baħħara. Mhix prattika tal-Korporazzjoni tax-Xogħol u Taħriġ li tippublika nformazzjoni personali fuq ir-reġistranti. 19.7.99

ETC — Reġistrazzjoni għal seamen

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jispjega kif persuni li kienu jirreġistraw taħt l-ewwel parti bħala seamen mingħajr ktieb tax-xogħol tal-baħar, ġew magħżula biex jidħlu bħala cleaners mal-Gozo Channel? Kif persuni oħra li kienu jirreġistraw bħala cleaners taħt l-ewwel parti, ma ġewx imsejħa għall-interviews mal-Gozo Channel imma ġew imsejħa biss dawk li kienu jirreġistraw bħala seamen pero' li ma kellhomx il-ktieb tax-xogħol tal-baħar?

Response (GONZI, LAWRENCE)

L-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u tingħata f'xi Seduta oħra. 19.7.99

Ministeru għal Politika Soċjali — Petrol/Diesel

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm tlaħħaq l-ispiża mill-5 ta' Settembru 1998, sal-21 ta' Ġunju, 1999, f'petrol jew diesel għal użu tal-karozzi tal-Ministeru tiegħu, karozza b'karozza? Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid ukoll kemm laħqet l-ispiża fl-istess perjodu f'petrol jew diesel għal użu tal-karozzi tad-diretturi u ċ-chairmen li jaqgħu b'xi mod taħt wieħed mid-dekasteri tiegħu?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba qiegħda tinġabar u risposta tingħata f'xi Seduta oħra. 14.7.99

Ministeru tal-Politika Soċjali — Tindif

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid min għamel ix-xogħol ta' tindif fl-uffiċini tal-Ministeru mill-5 ta' Settembru 1998 sal-21 ta' Ġunju 1999? Jekk jirriżulta li dan it-tindif isir minn xi kumpannija privata, jista' jgħid: 1) min hi l-kumpannija; 2) kemm tħallset xahar b'xahar; 3) jekk jeżistix kuntratt ma' din il-kumpanija; 4) jekk inħarġitx sejħa għal offerta; 5) jista' jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-irċevuti konnessi?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat li x-xogħol ta' tindif fl-Uffiċċju tal-Ministeru bejn il-5 ta' Settembru 1998 u l-21 ta' Ġunju 1999 sar minn impjegati tal-Gvern. 14.7.99

Sedqa — Programm għall-kura mid-droga

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jispjega f'kemm partijiet huwa mqassam il-programm residenzjali għar-rijabilitazzjoni mid-droga ta' l-aġenzija Sedqa? X'inhi d-durata ta' dan il-programm mill-bidu sat-tmiem?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Il-programm residenzjali għar-rijabilitazzjoni mid-droga ta' l-Aġenzija Sedqa, hu maqsum fi tlett fażijiet: Merħba, Formazzjoni u Ri-integrazzjoni (Sfida). It-tul tal-programm huwa bejn wieħed u ieħor ta' sentejn, maqsum f'fażi residenzjali ta' 13-il xhar, u semi-residenzjali, il-kumplament tal-programm. 14.7.99

Caritas — Programm għall-kura mid-droga

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm hemm persuni li jinsabu jsegwu programm residenzjali tal-Caritas għall-kura mid-droga fl-hekk imsejjaħ annex tal-kumpless ta' San Blas?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Nirreferi lill-Onor. Membru għat-Tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Nru. 8775. Għall-istess raġuni, miniex f'pożizzjoni li nipprovdi l-informazzjoni mitluba lill-Onor. Membru. 14.7.99

Droga — Kura mill-vizzju tad-droga

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jispjega x'inhu r-rwol u l-funzjoni ta' Dar l-Impenn u ta' Gubbio Community Service fl-isfond tal-kura mill-vizzju tad-droga?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Dar L-Impenn huwa l-post fejn iservi għal tlett tipi ta' persuni: 1. Ditossifikazzjoni mid-droga u li wara se jsegwu tip ta' programm ta' rijabilitazzjoni; 2. fejn jiġu ditossifikati alkoħoliċi li jkunu se jsegwu programm ta' rijabilitazzjoni; 3. li jilqa fih nies li jbatu minn problema ta' dipendenza mid-droga u jinsabu f'xi kriżi akuta, bħal per eżempju spiċċaw imkeċċija mid-dar jew xi klijenta mara, li toħroġ tqila. Dar Gubbio hemm il-"Community Services" fejn jilqgħu fih nies, kemm klijenti u kemm ġenituri, li mhumiex jiġu trattati fis-servizzi tad-Detox ta' l-Isptar iżda jiġu trattati fuq bażi komunitarja. Dan iċ-Ċentru iservi wkoll ta' għajnuna primarja li tista tingħata anke fid-djar tal-klijenti, dik li tissejaħ "Outreach". F'din id-dar jingħata wkoll servizz ta' "Counselling" u terapija tal-familja. 14.7.99

Djar — Policy regolatorja

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari numru 7115 dwar meta se titressaq il-policy regolatorja tal-gvern li permezz tagħha jalloka l-postijiet, jista' l-Ministru jagħti tweġiba?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Jiena nfurmat li l-Kumitat li qiegħed jirrevedi s-sistema ta' l-għoti tal-punti għall-allokazzjoni ta' postijiet wasal fil-fażi finali tar-rapport tiegħu. 14.7.99

Djar — Akkomodazzjoni alternattiva

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm huwa n-numru ta' familji li qed jitolbu akkomodazzjoni alternattiva lill-Awtorita' tad-Djar fil-mument? Meta huwa maħsub li dawn it-talbiet jiġu milqugħa?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Il-lista li qed jirreferi għaliha l-Onor. Interpellant tinżamm biss mid-Dipartiment għall-Akkomodazzjoni Soċjali w mhux mill-Awtorita' tad-Djar. L-Onor. Interpellant huwa mitlub jara r-risposta li jiena tajt għall-Mistoqsija Nru. 8076. 13.7.99

ETC — Nies illiterati

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari numru 7792, jista' l-Ministru jgħid 19% kemm jiġi bħala numru ta' persuni? Jista' jgħid ukoll kemm persuni minn dawn l-illiterati kienu ilhom ifittxu x-xogħol anqas minn sentejn?

Response (GONZI, LAWRENCE)

B'referenza għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 7792, 19% bħala numru ta' persuni jiġi 1,465 persuna. In-numru ta' persuni lliterati li kienu ilhom ifittxu x-xogħol anqas minn sentejn kien 878. 13.7.99

Sedqa — Programm għall-kura mid-droga

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhu n-numru ta' dawk li qed isegwu l-programm residenzjali tas-Sedqa għall-kura mid-droga?

Response (GONZI, LAWRENCE)

In-numru ta' nies li qed isegwu l-programm residenzjali tas-Sedqa għall-kura mid-droga, hu kif ġej: Fil-fażi Merħba - 10 Fil-fażi Formazzjoni - 11 Fil-fażi Sfida - 7 TOTAL - 28 13.7.99