Jista' l-Ministru jgħid kemm impjegati ġew imċaqilqa minn posthom (transfered or redeployed) fil-Water Services Corporation u fl-Enemalta? Minn fejn ġew imċaqilqa u fejn ġew trasferiti? X'kienet ir-raġuni f'kull każ partikolari?
Response (BONNICI, JOSEF)
Peress li l-Onor. Interpellant ma ndikax perjodu speċifiku, ser nillimita t-tweġiba għall-perjodu bejn is-6 ta' Settembru u l-24 ta' Ottubru 1998.
Jiena nfurmat li fil-Korporazzjoni Enemalta saru b'kollox 17-il trasferiment u redeployments għar-raġunijiet segwenti:-
8 impjegati ġew lura minn diversi Ministeri
4 impjegati marru jagħtu s-servizz tagħhom f'Ministeri
3 impjegati wara li ħadu ħatra fi grad għola
1 impjegat biex timtela vakanza li nħolqot
1 impjegat fuq talba tiegħu
Fil-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma saru b'kollox 5 trasferimenti u redeployments għar-raġunijiet segwenti:-
Impjegat irritorna fid-Diviżjoni tax-Xogħolijiet fuq talba tiegħu
Impjegat intbagħat minn Raħal Ġdid għal Birkirkara biex jissostitwixxi ħaddiem ieħor li għamel operazzjoni serja.
3 impjegati fuq talba tagħhom stess.
Jista' l-Ministru jgħid meta l-persuna, li isimha qed jintbagħat separatament, talab li jerġa' jidħol il-Mid-Med Bank? Meta ġie aċċettat lura? Taħt liema ftehim u b'liema kriterji? Meta l-aħħar li ħadem il-bank qabel reġa' lura? F'liema grad telaq? F'liema grad daħal lura? Kemm-il promozzjoni ħa u b'liema kriterju?
Response (BONNICI, JOSEF)
Nixtieq ninforma lill-Onor. Interpellant li tweġiba tingħata f'seduta oħra.
Jista' l-Ministru jikkonferma li hemm nuqqas kbir fl-istock ta' fittings li għandha l-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma?
Response (BONNICI, JOSEF)
Huwa veru li minn żmien għal żmien ikun hemm nuqqas ta' fittings fl-istorijiet tal-Korporazzjoni għas-Servizzi taż l-ilma , speċjalment fuq dawk li jintużaw ħafna (fast moving).
Matul l-aħħar ftit xhur kien hemm xi diffikultajiet dwar l-ispecifications taż dawn il-fittings. Dan wassal biex il-materjal ma kienx ordnat fil-ħin.
Ittieħdu l-passi meħtieġa biex dawn id-diffikultajiet jingħelbu u s-sitwazzjoni tiġi għan-normal. Sakemm isir dan, il-Korporazzjoni ħadet il-passi biex tordna il-fittings u dawn mistennija jibdew jaslu qabel l-aħħar ta' dan ix-xahar.
Jista' l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra r-Rapport rigward il-ħidma ta' l-aħħar sena ta' training centre li għandha l-Enemalta? Min huma l-ħaddiema konnessi, f'liema grad, meta tpoġġew u xi programm ta' ħidma qed isegwu?
Response (BONNICI, JOSEF)
Nixtieq ninforma lill-Onor. Interpellant li risposta tingħata f'seduta oħra.
Jista' l-Ministru jinforma l-Kamra jekk hemmx il-ħsieb li x-xatt tal-Belt Senglea jiġi mdawwal ferm aħjar milli huwa sabiex wieħed jħajjar aktar nies jinżlu jieklu hemm fil-għaxija anke fix-xhur tax-xitwa?
Response (BONNICI, JOSEF)
Nitlob lill-Onor. Membru jagħmel il-Mistoqsija tiegħu lill-Ministru responsabbli.
16.11.98
Raħal Ġdid — Ċimiterju ta' l-Addolorata - Vit ta' l-ilma
Question
Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb li fiċ-Ċimiterju Marija Addolorata, Paola, isir vit ta' l-ilma f'Section Q peress li bħalissa ma hemmx?
Response (BONNICI, JOSEF)
Jiena nfurmat li l-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma qatt ma rċeviet applikazzjoni biex jiġi nstallat servizz ta' ilma fil-post imsemmi. Sabiex jingħata dan is-servizz ġdid huwa meħtieġ li ssir l-applikazzjoni lill-Korporazzjoni.
Jista' l-Ministru jgħid fiex waslet l-allokazzjoni ta' art lill-kumpannija CAR Limited li kellha issir mill-Malta Development Corporation fl-inħawi ta' Ħal-Far?
Response (BONNICI, JOSEF)
Nixtieq niforma lill-Onor. Interpellant li risposta tingħata f'seduta oħra.
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari numru 406 li kienet saret lill-Ministru għall-Ambjent u li issa ġiet riferuta lilek u cioe' jista' l-Ministru jara li jsiru x-xogħlijiet meħtieġa sabiex id-dawl/bozoz maqtugħa taħt il-loġoġ fi Triq Ordinanza, fil-Belt jibdew jiffunzjonaw?
Response (BONNICI, JOSEF)
Jiena nfurmat li l-manutenzjoni tal-lampi msemmija mill-onorevoli Interpellant ma taqax taħt ir-responsabbilta tal-Korporazzjoni Enemalta, iżda tad-Dipartiment tax-Xogħolijiet. Għaldaqstant it-talba ġiet mgħoddija lill-imsemmi dipartiment.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm boreholes reġistrati f'Malta u kemm hemm f'Għawdex? Kemm minn dawn ġew reġistrati minn meta ħarġu r-regolamenti ġodda tal-Water Services Corporation?
Response (BONNICI, JOSEF)
In-numru ta' boreholes reġistrati bejn l-1995 u l-1997 kien ta' 4648 f'Malta u 2731 f'Għawdex.
In-numru ta' boreholes ġodda li ġew reġistrati wara li ħarġu r-regolamenti ġodda tal-Korporazzjoni kien ta' 1632 f'Malta u 898 f'Għawdex.
Jista' l-Ministru jgħid hemmx il-ħsieb li l-Water Services Corporation tissellef mill-banek kummerċjali din is-sena finanzjarja? X'inhuma r-rati ta' interess li se tissellef bihom?
Response (BONNICI, JOSEF)
Minhiex f'pożizzjoni li nagħti l-figuri sakemm jiġi finalizzat il-Budget Kapitali tal-Korporazzjoni għas-sena 1997-1998.
Jista' l-Ministru jgħid kemm saru spezzjonijiet minn uffiċjali tal-Korporazzjoni ta' l-Ilma biex jaraw li ma jsirx serq ta' ilma b'dannu għall-Korporazzjoni fl-1997 u fl-1998? Kemm kien hemm każi ta' serq ta' ilma suspettat jew provat fil-perjodu imsemmi?
Response (BONNICI, JOSEF)
Jiena nfurmat li matul l-1997 saru 4899 spezzjoni filwaqt li matul l-1998 in-numru kien ta' 2192.
In-numru ta' każijiet ta' serq kien ta' 13 matul l-1997 u 17 fl-1998.
Jista' l-Ministru jara li l-vultaġġ ta' l-elettriku fi Trejqet in-Nigret, fiż-Żurrieq ikun wieħed stabbli peress illi r-residenti ta' l-akwata qegħdin ibatu minn preġudizzju u dannu minħabba fit-tlugħ u nżul ta' dan il-vultaġġ elettriku li xi drabi jkun tant baxx illi jinqata'?
Response (BONNICI, JOSEF)
Il-Korporazzjoni Enemalta qiegħda tinvestiga l-ilment tal-Onor. Membru biex tkun tista tieħu l-passi meħtieġa.
Jista' l-Ministru jgħid jekk ir-residenti ta'Triq San Girgor, Żejtun ġewx mgħarrfin li x-xogħol li kien qiegħed isir fuq main ġdid ta' l-ilma f'din it-triq, jinsab wieqaf, minħabba li l-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma baqgħu ma kkomunikawx is-servizz ta' l-ilma mal-main il-ġdid?
Dan il-waqfien tax-xogħol qiegħed joħloq inkonvenjent kbir lir-residenti.
Jista' l-Ministru jagħti għallinqas ħjiel meta dan ix-xogħol beħsiebu jitlesta min-naħa tal-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma?
Response (BONNICI, JOSEF)
Preżentament il-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma qed twettaq xogħolijiet ta' bdil ta' mejnijiet ta' l-ilma fil-lokalita taż-Żejtun b'ko-ordinazzjoni max-xogħolijiet tal-Kunsilli Lokali sabiex isir ir-resurfacing ta' toroq.
Ix-xogħolijiet tal-Korporazzjoni qed jitwettqu bil-progress mistenni. Sabiex jiġu ċċertifikati l-mejnijiet il-ġodda riedu jsiru l-proċessi ta' testijiet tal-pressa ta' l-ilma, disinfezzjoni tal-pajpijiet u reconnecting ts-servizz tad-djar. Matul dan ix-xogħol il-Korporazzjoni ħadet ħsieb li l-provvista ta' l-ilma baqgħet titwassal regolarment.
Jista' l-Ministru jara li l-persuna responsabbli tara li titwaħħal bozza fl-isqaq wara Triq il-Fossa tal-Qamħ, iż-Żejtun fejn fis-satra tal-lejl qed isiru ċertu abbużi u qed jinħoloq ħafna inkonvenjent għall-ġirien?
Response (BONNICI, JOSEF)
Diġa twaħħlet lampa fl-isqaq msemmi mill-Onor. Membru. It-talba għal aktar dawl f'dan l-isqaq ser tiġi kkunsidrata flimkien ma' talbiet oħra.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhu l-volum u l-valur ta' l-importazzjoni lejn Malta minn pajjiżi barra l-Unjoni Ewropea? Kif jikkompara mal-volum u l-valur totali ta' l-importazzjoni lejn pajjiżna? Jista' l-Ministru jelenka breakdown tas-setturi differenti? Kemm minnhom huma mediċina u mediċinali?
Response (BONNICI, JOSEF)
Nixtieq ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar.
Jista' l-Ministru jgħid fiex waslu t-taħdidiet li kienu għaddejjin mal-Kumpannija Texaco biex din tixtri ishma fil-kumpannija sussidjarja tal-Korporazzjoni Enemalta l-M.O.B.C.?
Kien hemm xi żviluppi mill-elezzjoni ġenerali 'il hawn?
Response (BONNICI, JOSEF)
Nixtieq nonforma lill-Onor. Interpellant li tweġiba tingħata f'seduta oħra.
Jista' l-Ministru jgħid liema bordijiet li jaqgħu taħt ir-responsabilitajiet tiegħu ġew rikostitwiti jew imġedda mill-aħħar Elezzjoni Ġenerali 'il hawn? In kwantu għal dawk rikostitwiti, jista' l-Ministru jagħti lista tal-persuni u għal kull persuna jgħid x'inhuma l-karigi tagħhom li kellhom fuq dawn il-bordijiet, minn meta ilhom maħtura fuq dawn il-bordijiet u x'inhuma r-raġunijiet għat-tneħħija tagħhom?
Jista' l-Ministru jelenka dak kollu li qiegħed isir mill-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma biex jitnaqqas l-ilma li jintilef mis-sistema tal-Korporazzjoni?
Response (BONNICI, JOSEF)
Il-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma għandha pjan ta' azzjoni bażat fuq tlett objettivi sabiex jonqos l-ilma li jintilef mis-sistema. Dan il-pjan huwa ġeneralment ibbażat fuq dawn it-tlett objettivi:
1. It-tnaqqis ta' telf ta' ilma
2. Il-konklużjoni tan-National Water Balances
3. Il-finalizzazzjoni ta' l-Unaccounted for Water Analytic Tool
Rigward it-telf ta' ilma l-Korporazzjoni qed timmira li sa Ġunju tas-sena 2001 il-livell nazzjonali ta' telf jonqos għal madwar 7.7 metri kubi/kull kilometru/kuljum.
Il-Korporazzjoni qed timmira li tlesti t-tmien (8) Water Balances li jkopru Malta u Għawdex kollu sa l-aħħar ta' l-1999 u b'hekk tkun ġiet studjata, sorvelajata u mkejjla s-sistema ta' distribuzzjoni.
Huwa ttamat li fis-sitt xhur li ġejjin tibda tintuża l-għodda magħrufa bħala Unaccounted for Water Analytic Tool. It-tħaddim ta' din l-għodda għandu jgħin fil-Kwantifikazzjoni u tnaqqis ta' fatturi ta' Apparent Unaccounted for Water, bħal reġistrazzjoni ħażina ta' meters jew ta' difetti fis-sistema tal-billing.
Jista' l-Ministru jgħid kemm għadda flus il-Gvern bħala sussidju fuq l-ilma lill-Water Services Corporation sena b'sena, mill-1993 sas-sena preżenti?
Response (BONNICI, JOSEF)
Is-sussidju sena b'sena li l-Gvern ta' fuq l-ilma mill-1993 sas-sena preżenti hu kif ġej:
Lm
(000,000)
1993 14,10 Għoxrin xahar sa Settembru
1994 10,50 Tnax-il xahar sa Settembru
1995 13,01 Tnax-il xahar sa Settembru
1996 14,56 Tnax-il xahar sa Settembru
1997 14,76 Tnax-il xahar sa Settembru
1998 13,50 Tnax-il xahar sa Settembru