Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 9 PQ #10266 Sitting 159 1999-10-19 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel — Junior College

Question

Jista'l-Ministru jgħid f'liema suġġetti l-istudenti tal-Junior College għadhom bla lecturers? X'qed isir biex il-vakanzi jimtlew? F'liema suġġetti l-istudenti tal-Junior College tnaqqsulhom is-sigħat tal-lecturing biex l-istess lecturer ikun jista' jlaħħaq ma' iżjed studenti?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-fatt li fil-'Junior College' daħlu 'l fuq minn 350 student aktar milli kien mistenni, inħolqot sitwazzjoni ta' nuqqas ta' għalliema. Madanakollu, wara sforz kollettiv minn dawk konċernati biex jiġu ngaġġati numru ta' għalliema 'full-time' u 'part-time', in-numru ta' siegħat nieqsa fit-tagħlim issa naqas drastikament tant li wieħed jispera li dan in-nuqqas jispiċċa għal kollox sa nofs il-ġimgħa d-dieħla.
Leg 9 PQ #10267 Sitting 159 1999-10-19 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel — Għalliema

Question

Jista' l-Ministru jgħid f'liema suġġetti għandhom għalliema neqsin l-istudenti: (1) tal-Junior Lyceums; (2) tas-sekondarji; (3) ta' l-iskejjel tas-snajja'; (4) ta' l-iskejjel speċjali; (5) tal-primarji; (6) ta' l-istituti tekniċi; (7) tal-Liċeo Superjuri Paolino Vassallo; (8) ta' l-istituzzjonijiet post-sekondarji kollha? X'qed isir biex ikun hemm l-għalliema meħtieġa?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li f-iskejjel Primarji ta' l-istat ma hemmx għalliema nieqsa. Filwaqt li qed jiġi verifikat in-numru ta' lezzjonijiet ta' suġġetti fl-iskejjel Sekondarji, Junior Lyceums u skejjel tas-Snajja' li għalihom għad ma nstabux għalliema, jidher li l-problema prinċipali hi fil-Physics u l-Computing, u f'miżura anqas fil-Home Economics. Biex ikun hemm l-għalliema meħtieġa, bħalissa qed isiru intervisti biex jiġu ngaġġati għalliema Temporanji. Hemm ukoll l-avviż dwar is-Supply Teachers li permezz tiegħu għadhom jintlaqgħu applikazzjonijiet fis-suġġetti kollha bl-iskop li malli jidħlu applikazzjonijiet fis-suġġetti li hemm nuqqas fihom isiru l-intervisti meħtieġa ħalli n-nuqqas jimtela' mill-iktar fis possibbli. Fl-Iskejjel Post Sekondarji hemm dawn l-għalliema neqsin: 1. Fl-Istituti Tekniċi a) Electronics load waħda b) Electrical Engineering nofs load c) Refridgeration and Air Conditioning load waħda d) Mechanical Engineering nofs load 2. Paolino Vassallo Upper Lyceum a) Computer Studies 2 loads 3. Istituzzjonijiet Post Sekondarji Oħra a) Ġografija load waħda b) Spanjol load waħda c) Matematika 2 loads d) Fiżika 2 loads Qed nistennew ir-riżultati ta' l-interviews ta' l-għalliema temporanji biex nissodisfaw dawn il-bżonnijiet. Fil-każ tas-suġġetti tekniċi, tlabna l-għajnuna ta' l-industrija.
Leg 9 PQ #10428 Sitting 159 1999-10-19 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel — Suġġetti obbligatorji

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari numru 8457?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li d-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni qed twettaq il-verifika kollha biex jistabilixxi jekk is-suġġetti obbligatorji (i.e. l-Istudji Soċjali, l-Personal and Social Education u r-Religion) hux qed jiġu mgħallma kif stipulat fil-Kurrikulu Minimu Nazzjonali fl-iskejjel kollha. L-iskejjel tal-Knisja u Indipendenti mhumiex marbutin li jaħdmu bl-istess ammont ta' ħin kif hemm fl-iskejjel ta' l-Istat. Informat ukoll li (1) it-tagħlim ta' l-Istudji Soċjali li jwassal għas-SEC mhux obbligatorju imma kkunsidrat bħala "option" (2) il-PSE fl-iskejjel ta' l-Istat jingħata żewġ lezzjonijiet fil-ġimgħa, i.e. Siegħa u nofs. Ir-regolamenti dwar suġġetti obbligatorji huma hemm għal kulħadd u kulħadd għandu jimxi magħhom. Il-P.S.E. mhux obbligatorju fil-Forms kollha, u anqas ma hu marbut ma' eżami. Fil-fatt jiġi mgħallem fil-Forms I u II fil-Junior Lyceums, fil-Forms I, II u III fl-iskejjel sekondarji u fil-Forms kollha fl-iskejjel sekondarji oħra (eż. Opportunity Centres). Fit-Trade Schools dan is-suġġett mhux mgħallem. Il-verifika li qed twettaq id-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni qed issir a bażi ta' "returns" li jibgħatu l-iskejjel kollha lid-Diviżjoni. Meta tkun saret il-verifika, inkun nista' nagħti t-tagħrif dettaljat. Jekk l-Onor. Membru jaf b'xi skejjel privati li mhux qed jgħallmu s-suġġett kif suppost jista' jindikahom biex id-Diviżjoni tieħu passi.
Leg 9 PQ #10444 Sitting 159 1999-10-19 Oral · Final From: CARMELO MIFSUD BONNICI To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Mdina — Banca Giuratale

Question

Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra jekk kemm-il darba l-Banca Giuratale ġewwa l-Imdina hijiex qegħda tiġi miftuħa regolarment sija għal Maltin kif ukoll għat-turisti? Jikkonferma l-Ministru ukoll li l-pjanijiet ta' l-amministrazzjoni preżenti huma dawk li jkompli jsir espansjoni u żvilupp ta' l-imsemmija Banca bħala arkivju?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat l l-Banca Giuratale ġewwa l-Imdina hija waħda mit-tliet Repositorji ta' l-Arkivju Nazzjonali u tiġbor fiha l-kawżi kollha tal-Qrati tal-perjodu 1530-1899. Sa mill-bidu ta' l-inawgurazzjoni tagħha bħala Arkivju fl-1988 dejjem infetħet skond it-talba tar-riċerkaturi, kemm Maltin kif ukoll barranin. Informat li d-Dipartiment tal-Libreriji u Arkivji għandu l-ħsieb li jkompli jiżviluppa dan il-post bħala Arkivju Nazzjonali. Fil-fatt hu maħsub li fix-xhur li ġejjin tinfetaħ wirja permanenti dwar l-Arkivji Maltin fl-entratura prinċipali tal-Banca Giuratale li sservi ta' attrazzjoni għal viżitaturi dwar il-wirt arkivistiku Malti.
Leg 9 PQ #10465 Sitting 159 1999-10-19 Oral · Final From: SILVIO PARNIS To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Tal-Qroqq — Pixxina Nazzjonali

Question

Wara rapporti fil-gazzetti li c-Chairman tal-Pixxina Nazzjonali f'Tal Qroqq qed jagħti konsulenza lill-kumpannija li applikat biex tiżviluppa korsa tal-golf, ma jaqbilx il-Ministru li dan jista' jkun ta' konflitt fix-xogħol tiegħu biex jiżviluppa l-inħawi tal-pixxina nazzjonali f'impjanti diversi ta' l-isports? X'interessi oħra għandu ċ-chairman fil-qasam ta' konsulenza sportivi li allura jistgħu jitqanqlu suspett ta' konflitt ta' interess? Bħala chairman ta' entita' pubblika huwa ġust li jagħti konsulenza lill-kumpannija fil-kamp sportiv li huwa l-istess bħax-xogħol li qed jagħmel?

Response (GALEA, LOUIS)

Mogħti l-parir li l-fatt li persuna tagħti pariri dwar żvilupp ta' korsa tal-golf, ma jidhirx li tkun f'kunflitt max-xogħol tagħha ta' tmexxija tal-Pixxina Nazzjonali. Ta' min jgħid li l-iżvilupp ta' pjanijiet sabiex ikunu żviluppati l-inħawi sportivi madwar il-Pixxina, ma jiffurmax parti mir-responsabbilita` taċ-chairman ta' l-Interim Management Board tal-Pixxina.
Leg 9 PQ #10466 Sitting 159 1999-10-19 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Pixxina Nazzjonali — Impjegati

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb għall-mistoqsija parlamentari numru 9608 dwar il-każ tas-Sur Silvio Zammit vis-a-vis il-Pixxina Nazzjonali?

Response (GALEA, LOUIS)

Ninsab informat li d-diskussjonijiet bejn il-partijiet involuti dwar soluzzjoni għall-kawża pendenti qegħdin fi stadju avvanzat.
Leg 9 PQ #10467 Sitting 159 1999-10-19 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Coaches barranin

Question

Nirreferi l-Ministru għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari numru 9604. Jista' l-Ministru jgħid liema huma t-tlett għaqdiet sportivi li qed isiru tħejjijiet biex il-coaches barranin impjegati magħhom jagħtu servizz fl-iskejjel? F'liema dixxiplina sportivi se jgħinu? L-għajnuna se tingħata fl-iskejjel tal-gvern biss?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li t-tliet għaqdiet sportivi li magħhom saru tħejjijiet biex il-coaches barranin impjegati magħhom jagħtu servizz fl-iskejjel huma: Malta Table Tennis Association (M.T.T.A) Malta Amateur Athletics Association (M.A.A.A) Pembroke Athleta Juvenis Sports Club Dawn il-coaches se jgħinu fit-Table Tennis u fl-Atletika. Fil-fatt, il-coaches ta' l-M.T.T.A. u tal-Pembroke Athleta diġa' bdew jagħtu dan is-servizz, u dak ta' l-M.A.A.A. kellu jibda nhar it-Tnejn, 18 ta' Ottubru 1999. Għalissa din l-għajnuna qed tingħata fl-iskejjel ta' l-istat.
Leg 9 PQ #10482 Sitting 159 1999-10-19 Oral · Final From: ALFRED SANT To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Ministeru ta' l-Edukazzjoni — Ħlasijiet speċjali

Question

Jista' l-Ministru jagħti lista tal-ħlasijiet speċjali u/jew allowances oħra mogħtija wara s-6 ta' Settembru, 1998 lil uffiċjali fil-Ministeru/dekasteru tiegħu għal servizzi mogħtija qabel dik id-data, u dan b'deċiżjoni speċifika tal-gvern preżenti, skond kull każ? Jista' jekk jogħġbu f'kull każ, jagħti r-raġunijiet għall-ħlasijiet li jsiru/jew saru?

Response (GALEA, LOUIS)

L-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar, tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.
Leg 9 PQ #10258 Sitting 158 1999-10-18 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel — Naxxar - Giovanni Curmi

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hemm studenti li applikaw biex jidħlu fil-Higher Secondary Giovanni Curmi tan-Naxxar biex isegwu kors li jippermettilhom jerġgħu joqogħdu għall-eżamijiet Matsec f'livell ordinarju? Kemm minnhom ma ġewx aċċettati? Hemm xi ħsieb li jiġi provdut servizz edukattiv "second chance" għall-istudenti sekondarji li jispiċċaw l-aħħar sena skolastika tagħhom bla kwalifiki u bla sengħa?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li n-numru ta' studenti li applikaw biex jidħlu Ġiovanni Curmi "Higher Secondary School" tan-Naxxar, biex isegwu kors li jippermettilhom jerġgħu joqogħdu għall-eżamijiet li jwasslu għas-Sec f'livell Ordinarju, hu 407. 397 student oħra applikaw biex jistudjaw suġġett avvanzat flimkien ma' xi suġġetti f'livell ordinarju. L-istudenti kollha li applikaw u kienu kwalifikati biex jidħlu, ġew aċċettati. Id-Dipartiment ta' l-istudji Ogħla u Edukazzjoni għall-Adulti joffri wkoll korsijiet ta' rivisjoni li jwasslu għall-SEC f'16-il suġġett. Dawn il-korsijiet qed jiġu offruti filgħaxija. Id-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni bdiet tikkonsidra x'miżuri aħjar jistgħu jitwettqu biex jingħataw ċans ieħor dawk l-istudenti sekondarji li wara l-Form V ikunu jixtiequ jerġgħu jippruvaw l-eżamijiet ordinarji tal-MATSEC.
Leg 9 PQ #10259 Sitting 158 1999-10-18 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Universita' — Korsijiet - Tfal b'Diżabilita'

Question

Jista' l-Ministru jgħid liema korsijiet u ta' liema livell qed jiġu organizzati fl-Universita' ta' Malta għall-persuni li jridu jaħdmu ma' tfal b'diżabilita' fil-qasam edukattiv? Kemm hemm studenti f'dawn il-korsijiet bħalissa? Hemm xi korsijiet ippjanati li jibdew tul din is-sena akkademika? Meta? F'liema livell se jkun il-kors? Għal kemm studenti?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-Fakulta` ta' l-Edukazzjoni qed tħejji skemi ta' taħriġ sabiex aktar persuni li jridu jaħdmu ma' tfal u żgħażagħ bi bżonnijiet speċjali, ikunu jistgħu jiġu ppreparati f'dan il-qasam b'mod aktar effettiv u addattat. Informat ukoll li bħalissa għaddej Kors ta' Post-Graduate Diploma in Education for the Hearing-Impaired, li għalih qed jattendu seba' studenti. Kors ieħor se jibda fi Frar tas-sena 2000, wara li r-regolamenti tiegħu ikunu promulgati mis-Senat u se jkun immirat għal madwar 250 persuna li bħalissa qed jagħmlu xogħol ta' Kindergarten Assistants, Temporary Kindergarten Assistants u Classroom Support Trainees. Dan il-Kors ser ikun offrut darbtejn u se jħarreġ lil dawn il-persuni bħala Learning Support Facilitators. Ġejt informat ukloll li l-Kors tas-Certificate in Facilitating Inclusive Education li kellu jibda dan ix-xahar kellu jkun pospost minħabba raġunijiet amministrattivi, iżda mistenni li jiftaħ fil-futur qrib.
Leg 9 PQ #10260 Sitting 158 1999-10-18 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Universita' — Studenti

Question

Jista'l-Ministru jgħid kemm hu n-numru ta' studenti, ġuvintur u tfajliet, li din is-sena bdew kors universitarju fulltime filgħodu, kors b'kors? Kemm hu n-numru ta' studenti din is-sena li bdew kors part-time filgħaxija u f'liema suġġetti?

Response (GALEA, LOUIS)

L-informazzjoni mitluba ser titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Leg 9 PQ #10261 Sitting 158 1999-10-18 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Universita' — Kors fil-European Studies

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhuma r-raġunijiet li għalihom l-EDRC ta'l-Universita' għamel numerus clausus ta' 30 student biex isegwu l-kors European Studies fi żmien meta jintqal li aktar studenti żgħażagħ għandhom ikunu esposti għal studji Ewropej?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-EDRC mhux qed jopera xi forma ta' numerus clausus u l-istudenti ġew infurmati fis-6 ta' Ottubru li r-reġistrazzjoni tagħhom kienet kompluta.
Leg 9 PQ #10263 Sitting 158 1999-10-18 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel — Edukazzjoni post-sekondarja

Question

Jista'l-Minstru jgħid x'imhuwa l-għadd ta' studenti li din is-sena bdew l-edukazzjoni post-sekondarja tagħhom? F'liema istituzzjoni? Kemm tfajliet u kemm ġuvintur? Kemm hemm minnhom bi bżonnijiet speċjali? X'inhi r-rata ta' dawk l-istudenti li qed ikomplu bl-edukazzjoni post-sekondarja tagħhom meta mqabbla mat-total ta' dawk li għalqu s-16-il sena f'pajjiżna?

Response (GALEA, LOUIS)

L-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar, tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.
Leg 9 PQ #10340 Sitting 158 1999-10-18 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skola Gużeppi Despott — Xogħlijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta se jsir ix-xogħol ta' twaqqigħ u bini mill-ġdid fl-iskola Gużeppi Despott jew kif inhi wkoll magħrufa bħala Skola Verdala? Xi pjani hemm biex l-istudenti jkomplu jitgħallmu x'imkien ieħor? Kemm hemm studenti u għalliema nvoluti?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li s'issa sar biss "Development Brief" għad-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni dwar kif il-post tal-Liċeo tas-Subien fil-Verdala, Kottonera jista' jiġi żviluppat, iżda s'issa ma saru ebda pjani ulterjuri. In-numru ta' studenti fil-Junior Lyceum tal-Verdala huwa 651. In-numru ta' għalliema huwa 61, inkuż il-Kap u l-Assistenti Kapijiet.
Leg 9 PQ #10341 Sitting 158 1999-10-18 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel — Tal-Ħandaq

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta se jsir it-twaqqigħ u bini mill-ġdid ta' l-iskola Tal-Ħandaq? X'arranġamenti qed isiru biex meta jkun qed isir ix-xogħol, l-istudenti jkomplu l-istudji tagħhom? Kemm hemm studenti u għalliema nvoluti?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li fil-preżent konsulenti tad-Diviżjoni ta'l-Edukazzjoni qegħdin jevalwaw il-pjanti mħejjija mill-perit inkarigat mill-proġett. Għaldaqstant għadu prematur biex wieħed jgħid meta ser isir it-twaqqiegħ u l-bini mill-ġdid tal-Liċeo tas-Subien Mikiel Anton Vassalli f'Ħal Qormi. Il-pjanti mħejjija jaħsbu biex filwaqt li jkunu għaddejjin ix-xogħlijiet, l-operat ta' l-iskola jkun disturbat mill-anqas. In-numru ta' studenti fil-Liċeo Vassalli, tal-Ħandaq huwa 867. In-numru ta' għalliema huwa 83, inklużi l-Kap u tlett Assistenti Kapijiet.
Leg 9 PQ #10439 Sitting 158 1999-10-18 Oral · Final From: CHRIS AGIUS To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

TAS — Sponsorships

Question

Jista' l-Ministru jgħid xi tkun is-sitwazzjoni ta' dawk iż-żgħażagħ li jkunu qed isegwu kors fit-TAS u ma jsibux sponsor?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-korsijiet tat-TAS jikkonsistu f'żewġ partijiet, il-parti teoretika li ssir fl-iskola, u l-parti prattika li ssir ma' l-isponsor. Jekk student ma jkollux sponsor, dan ma jistax jagħmel il-parti prattika u l-anqas ma jista' jingħata l-Journeyman's Certificate, fejn l-istudent irid juri li għamel il-kors kollu, teorija u prattika. Għalhekk l-Employment Training Corporation (ETC), l-Iskola u l-istudent jagħmlu minn kollox sakemm jinstab sponsor.
Leg 9 PQ #10474 Sitting 158 1999-10-18 Oral · Final From: MICHAEL BONNICI To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Kuriduri tal-Palazz — Manutenzjoni tal-kurrazzi

Question

Jista' l-Ministru jirrispondi l-mistoqsija parlamentari numru 6942?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li nbdew xogħlijiet bażiċi ta' kura u konservazzjoni fuq il-korazzi fil-kurituri tal-Palazz. Madanakollu programm komplet ta' restawr ma jistax jiġi attwat peress li l-Workshop li qed jintuża preżentament fl-Armerija mhux addatat għal numru ta' raġunijiet. Għaldaqstant, sakemm jinstab spazju u ambjent aktar addatat għal dan it-tip ta' xogħol, preżentament jistgħu jsiru biss xogħlijiet ta' natura aktar ħafifa. Ser nitlob liċ-Ċentru Malti għar-Restawr biex jikkonsidra s-sitwazzjoni.
Leg 9 PQ #10252 Sitting 157 1999-10-14 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel — Santa Luċija Junior Lyceum - Trasport

Question

Jista' l-Ministru jara li jittieħdu passi biex is-servizz tat-trasport għall-istudenti bniet ikun regolari u puntwali peress li r-rotta minn Ħal Tarxien għal Junior Lyceum ta' Santa Luċija qed twassal l-istudenti tard l-iskola filgħodu u d-dar filgħaxija? Jistgħu dawn il-passi ma jinkludux dak li ġara dalgħodu (7/10/99) meta private ġarret 70 studenta b'mod perikoluż lejn din l-iskola?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li ittieħdet azzjoni immedjata biex ma jkunx hemm iffullar żejjed fuq il-private li ġġorr it-tfal minn Ħal Tarxien għall-Junior Lyceum ta' Santa Luċija u biex it-tfal ma jaslux tard filgħodu u filgħaxija.
Leg 9 PQ #10253 Sitting 157 1999-10-14 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel — Trasport

Question

Jista'l-Ministru jgħid liema huma dawk ir-rotot u l-pick up points tat-trasport skolastiku fejn it-tfal qed jinġabru kmieni ħafna (6.30 a.m./6.45 a.m.) biex jinġarru lejn l-iskola u jitħallew jistennew mis-7.15 a.m. wara l-bieb ta' l-iskola? X'qed isir biex jinqata' l-ġarr kmieni tat-tfal?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li fid-Diviżjoni ma hemmx personnel li jissorvelja rotta b'rotta kull skola. Il-policy hi, kif dejjem kienet, li tittieħed azzjoni skond ir-rapporti li jsiru mill-Kapijiet ta' l-iskejjel.
Leg 9 PQ #10254 Sitting 157 1999-10-14 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel — Kindergarten Assistants

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm applikaw persuni biex jiġu kkonsidrati għall-impjieg ta' supply kindergarten assistants, liema applikazzjoni għalqet fl-24 ta' Settembru, 1999? X'kienu l-kwalifiki ta' dawk li applikaw? Kemm resqu għall-interview? Kemm għaddew mill-interview? X'kienu l-kriterji ta'l-għażla u s-sistema ta' marki għall-kandidati? Kemm minnhom se jiġu mpjegati? Issa se jingħataw xi taħriġ addizjonali?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-interviews saru f'din il-ġimgħa stess u għaldaqstant m'inhix f'pożizzjoni li nagħti t-tagħrif mitlub.