Jista' l-Ministru jgħid meta se jkunu msewwijin il-bozoz u l-brazzi li jdawwlu l-faċċata tal-Knisja Parrokjali ta' San Lawrenz fil-Birgu kif ukoll il-monument tal-Ħelsien li jinsab fil-pjazza ta' quddiem l-istess knisja?
Response (BONNICI, JOSEF)
Id-dawl li għalih qed jirreferi l-Onor. Interpellant ma jaqax taħt ir-responsabbilta tal-Korporazzjoni Enemalta. Jiena nfurmat li l-Korporazzjoni infurmat kemm lill-Kunsill Lokali tal-Birgu kif ukoll lid-Diviżjoni tax-Xogħolijiet biex issir il-manutenzjoni meħtieġa.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm ħaddiema taħt id-dikasteru tiegħu li mill-aħħar Elezzjoni Ġenerali 'il hawn ġew trasferiti: i) minn dipartiment għal ieħor fl-istess Ministeru; ii) minn dipartimenti f'Ministeru għal xi post ieħor li jaqgħu taħt Ministeri oħra? Jista', f'kull każ, il-Ministru jgħid minn fejn u għal fejn saru dawn it-trasferimenti u għal liema raġunijiet?
Response (BONNICI, JOSEF)
Peress li l-informazzjoni mitluba mill-Onor. interpellant għada qed tinġabar, it-tweġiba tingħata f'seduta oħra.
Jista' l-Ministru jsemmi jekk sarux talbiet minn xi entitajiet lill-Malta Drydocks sabiex l-ex-stamperija tagħhom, li tinsab fis-swar ta' San Mikiel fl-Isla, tkun mgħoddija lilhom għal xi użu ieħor? X'inhi l-pożizzjoni tat-Tarzna dwar dan?
Response (BONNICI, JOSEF)
Jiena nfurmat li l-Kunsill Lokali ta' l-Isla għamel talba lill-Malta Drydocks dwar dan is-sit.
Peress li bħalissa t-Tarzna għaddejja minn stadju ta' ristrutturazzjoni intenna għadu kmieni biex wieħed jasal għal xi konklużjoni.
Ninsab informat li riċentement saru xogħlijiet ta' blasting taħt is-swar ta' l-Isla. Jista' l-Ministru jikkonferma li dawn ix-xogħlijiet saru bis-sistema l-ġdida msejjħa slurry blasting u jekk fl-affermattiv, għalfejn twaqqaf ix-xogħol?
Response (BONNICI, JOSEF)
Jiena nfurmat li fis-26 u 27 ta' Ottubru 1998 sar xogħol ta' blasting u l-proċess użat kien dak magħruf bħala 'slurry blasting'.
Ix-xogħol twaqqaf wara lmenti li saru għalkemm uffiċjal tat-Tarzna li kien preżenti waqt ix-xogħol ma innota l-ebda inkonvenjent.
Jista' l-Ministru jinforma l-Kamra jekk hemmx il-ħsieb li fil-futur viċin jiġi installat jew mibni uffiċċju għal Posta ġewwa l-Fgura billi l-maġġoranza kbira tan-nies ta' hemm għandhom diffikulta' biex jużaw dawn is-servizzi billi jridu jitilgħu Raħal Ġdid?
Response (BONNICI, JOSEF)
Nixtieq ninforma lill-Onor. Interpellant li risposta tingħata f'seduta oħra.
Jista' l-Ministru jgħid fiex wasal ix-xogħol li kien proġettat mill-Gvern Laburista biex jinbena ġibjun f'Ta'Xwieki?
Response (BONNICI, JOSEF)
Jiena nfurmat li l-assessment ta' l-impatt ambjentali konness mal-proġett tal-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma biex jinbena ġibjun fix-Xwieki wasal biex jiġi finalizzat.
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari numru 548 li kienet saret lill-Ministru għat-Trasport u Komunikazzjoni u li issa ġiet riferuta lilek u ċioe' tista' jekk jogħġbok telenka l-inizjattivi għaddejjin bħalissa biex jiġu upgraded is-servizzi li tagħti l-Maltacom?
Response (BONNICI, JOSEF)
Il-Kumpanija bħalissa qed tevalwa diversi inizjattivi sabiex jiġu upgraded is-servizzi li tagħti.
Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra il-kuntratt tal-persuna li isimha qed jintbagħat separatament mal-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma u li taħdem fis-sezzjoni tal-Finanzi/Audit? Jidhirlu l-Ministru li dan għandu jiġi rivedut u jiġu eżaminati sew jekk kellux isir dan l-ingaġġ u x'kienu t-terms of reference ta' l-istess kariga? Veru li dan l-impjieg hu fuq probation sal-lum?
Response (BONNICI, JOSEF)
Qed inpoġġi fuq il-mejda tal-kamra kopja tal-kuntratt li sar bejn il-Korporazzjoni u ċ-Chief Internal Auditor tal-istess korporazzjoni fil-31 ta' Lulju 1998 li issostitwixxa dak magħmul bejn iż-żewġ partijiet fis-26 ta' Marzu 1997.
Jista' l-Ministru jgħid jekk kienx hemm xi żviluppi dwar ħlasijiet pendenti lill-esportaturi Maltin permezz tal-LIMSUK mill-elezzjoni ġenerali sal-lum? Hemm xi ħsieb biex titlaqqa' l-Kummissjoni mħallta bejn Malta u l-Libja? Jekk iva, meta?
Response (BONNICI, JOSEF)
Nixtieq ninforma lill-Onor. Interpellant li risposta tingħata f'seduta oħra.
Jista' l-Ministru jgħid meta hemm il-ħsieb li ssir bozza (street lighting) fi Triq il-Ġibjun Attard (viċin dar Ave Maria) peress li din tinsab fid-dlam ċappa?
Response (BONNICI, JOSEF)
It-talba ta' l-Onor. Interpellant ser tiġi kkunsidrata flimkien ma talbiet oħra.
Jaf il-Ministru li fis-suq għad hawn regolaturi tal-gas li m'humiex skond is-safety standards meħtieġa? X'qiegħed iżomm lill-Enemalta milli jidħlu regolaturi li huma up to standard u li għandhom insurance xierqa għal xi eventwalita' ta' inċident?
Response (BONNICI, JOSEF)
Din il-materja qed tiġi investigata wara li kienu saru xi tibdiliet mill-amministrazzjoni preċedenti.
Jista' l-Ministru jgħid x'kien il-proporzjon ta' konsumaturi tal-Water Services Corporation u ta'l-Enemalta rispettivament, li minkejja il-miżuri fil-Budget ta' l-1998 irriżultalhom li ma kellhom l-ebda żieda fil-kontijiet tagħhom?
Response (BONNICI, JOSEF)
Nixtieq ninforma lill-Onor. Interpellant li risposta tingħata f'seduta oħra.
Jista' l-Ministru jgħid meta hemm il-ħsieb li ssir bozza (street lighting) fi Sqaq Ta' Musulin, (viċin dar bl-isem Celeste) fix-Xgħajra, liema triq tinsab totalment mudlama?
Response (BONNICI, JOSEF)
Nixtieq ninforma lill-Onor. Interpellant li tweġiba tingħata f'seduta oħra.
Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra kemm nies ġew ingaġġati fid-dekasteru tiegħu mill-5 ta' Settembru, 1998?
Jista' jagħti l-ismijiet tan-nies li ġew ingaġġati?
X'karigi ngħataw fil-ministeru?
X'karigi kellhom qabel ma ġew ingaġġati?
Min minnhom kien jaħdem mal-Gvern u f'liema diparitment kien jaħdem?
X'inhuma l-kwalifiki akkdemiċi ta' dawn?
X'kondizzjonijiet ngħataw?
Jista' jpoġġi l-kuntratti fuq il-Mejda tal-Kamra?
Jista' jgħid x'karigi kull wieħed minnhom kellu fil-Partit Nazzjonalista?
Response (BONNICI, JOSEF)
Qed nassumi li l-Onor. Interpellant qed jirreferi għas-Segretarjat Privat.
Ninsab infurmat li l-ebda kuntratt jew ftehim m'għadu ġie ffirmat ma l-individwi kkonċernati u nkun f'qagħda li nwieġeb għall-mistoqsijiet magħmula f'xi seduta oħra wara li dawn jiġu ngaġġati formalment.
Nirreferi wkoll lill-Onor. Interpellant għat-Tweġiba mogħtija mill-Prim Ministru b'risposta għall-Mistoqsija Parlamentari Nru 81.
Jista' l-Ministru jgħid kemm ġew installati bozoz ġodda fit-toroq mill-Korporazzjoni Enemalta f'Malta u f'Għawdex, lokalita' b'lokalita' mis-6 ta' Settembru sat-28 ta' Ottubru, 1998?
Response (BONNICI, JOSEF)
Il-bozoz li ġew installati mis-6 ta' Settembru sat-28 t'Ottubru 1998 huwa kif ġej:
Naxxar 2
San Ġiljan 1
Valletta 2
Msida 3
Floriana 1
Total 9
Jista' l-Ministru jgħid kemm hu l-ħlas u x'inhuma l-benefiċċji taċ-Chairman tal-Maltcom?
Hemm xi klawsola fil-kuntratt tiegħu li jekk jispiċċa minn Chairman irid jingħata xi somma ta' flus? Jekk ir-risposta hi fl-affermattiv, kemm hi din is-somma li trid titħallas?
Response (BONNICI, JOSEF)
Għalkemm il-Kumpanija ma qablitx li l-informazzjoni mitluba kellha tingħata, peress li l-PAC kien qabel li informazzjoni simili dwar Kumpaniji Pubbliċi kellha tingħata, qiegħed inpoġġi fuq il-mejda tal-kamra kopja tal-kuntratt bejn Maltacom plc u ċ-Chairman ta' l-istess Kumpanija.
Jista' l-Ministru jgħid x'kuntratt għandu ċ-Chairman ta' l-Air Malta? Kemm hu l-ħlas li jirċevi? X'benefiċċji għandu? F'każ li l-kuntratt tiegħu jiġi terminat, il-kumpannija tkun obbligata li tagħtih xi ħlas? Billi din hi kumpannija nazzjonali, jaħseb il-Ministru li din l-informazzjoni għandha tingħata?
Response (BONNICI, JOSEF)
Is-salarju li qed jirċievi iċ-chairman ta' l-Air Malta huwa Lm15,669, barra l-Bonus annwali tal-Gvern li jammonta għal Lm220. Bħal executives oħra ta' dan il-livell, iċ-Chairman għandu karozza, inkluż il-fuel, għad-dispożizzjoni tiegħu. Iċ-Chairman jibbenifika wkoll minn assikurazzjoni medika, kemm f'Malta kif ukoll barra minn Malta, kemm g
ħalih personali kif ukoll għall-membri tal-familja tiegħu.
Il-Kumpanija m'għandha l-ebda obbligu li tagħti xi 'terminal benefits' fil-każ li l-impjieg taċ-Chairman jiġi terminat.