Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm saru talbiet lill-petitions boardtaċ-ċitazzjonijiet maħruġa mill-gwardjani lokali sa issa? Kemm minn dawn ġew milqugħa? Fejn saru l-allegati kontravvenzjonijiet? X'tip ta' kontravvenzjonijiet allegatament kienu? Kemm-il persuna li ħadet il-maħfra ħaditha aktar minn darba u kemm-il darba? Minn liema lokalitajiet kienu dawn il-persuni?
Response (BORG, TONIO)
Għar-rigward ta' l-ewwel parti tal-Mistoqsija, ninforma lill-Onor. Interpellant li sa mit-twaqqif tal-Bord tal-Petizzjonijiet f'Jannar 2006 sat-28 ta' Mejju 2007 daħlu 12,278 petizzjoni. Minn dawn ġew ipproċessati 7,289, li minnhom 4,464 (61.2%) ġew milqugħa jew għal kollox jew in parti.
Peress li biex tinġabar l-istatistika għall-mistoqsijiet l-oħra tal-Onor. Interpellant dan jinvolvi aktar ħin, tingħata risposta f'xi seduta oħra.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid għaliex il-persuna li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament ma tistax issiefer minn Malta?
Response (BORG, TONIO)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jagħtini aktar informazzjoni dwar kif u min informa lis-suġġett imsemmi li ma jistax isiefer minn Malta, sabiex inkun f'pożizzjoni li nitlob l-informazzjoni għat-tagħrif rikjest.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm-il direct order ingħatat mill-ministeru u enti li jaqgħu taħtu matul is-sena 2006? Għal liema xogħol/servizzi nħareġ kull wieħed minnhom? X'kien il-valur ta' kull wieħed u min ġie awarded dawn id-direct orders?
Response (BORG, TONIO)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba li jien tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 22551 fis-Seduta Nru. 473 ta' l-4 ta' Diċembru 2006.
Ninsab infurmat illi b'żieda ma' dak it-tagħrif, l-informazzjoni sa l-aħħar tas-sena 2006 hi kif tidher fit-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid jekk il-persuna, li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separtament, hix intitolata biex tonxor fuq il-bejt ta' post tal-Gvern, skond il-kuntratt li kienet għamlet bosta snin ilu?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi skond il-kundizzjonijiet tal-kirja, il-persuna li d-dettalji tagħha intbgħatu separatament għandha dritt għall-użu tal-bejt flimkien mar-residenti l-oħra ta' l-istess blokk.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid jekk il-fond, li d-dettalji tiegħu qed jintbagħtu separatament, li jinsab fl-Isla, hux milqut mil-liġi Possession and Use? Jista' jinxtara? Jekk fl-affermattiv, xi proċedura trid tiġi segwita biex ix-xiri jseħħ?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi l-fond li qiegħed jirreferi għalih l-Onor. Membru jinsab mibni fuq proprjeta' li ġiet esproprjata taħt it-titolu ta' pussess u użu u għaldaqstant ma jistax jinxtara mill-inkwilini.
Ġustizzja u Intern — Karozzi environmentally friendly
Question
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid jekk inxtrawx karozzi li ma jużawx diesel/petrol/lrp sabiex jaħdmu u li fl-istess ħin huma aktar environmental friendly fil-ministeru, dipartimenti u enti li jaqgħu taħt ir-responsabbilta' tiegħu matul ix-xhur ta' Jannar, Frar jew Marzu 2007? F'każ li fl-affermattiv, kemm kienet in-nefqa separatament u xahar b'xahar?
Jista' l-Ministru jgħid jekk il-fond li jinsab fil-Mosta, li dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament hux rekwiżizzjonat jew le? Xi jrid isir biex tinħareġ id-derequisition?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li l-informazzjoni dwar liema postijiet huma rekwiżizzjonati kif ukoll il-proċess meħtieġ biex issir 'derequisition' huma responsabbilita' tad-Dipartiment għall-Akkomodazzjoni Soċjali. L-Onorevoli Interpellant huwa mitlub jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru ikkonċernat.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm saru testijiet bil-breathalyser mill-1 ta' Jannar 2007 sal-15 ta' Mejju 2007? Kemm irriżultaw pożittivi? Kemm mis-sewwieqa kienu taħt il-21 sena?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi bejn l-1 ta' Jannar u l-15 ta' Mejju 2007, kien hemm 56 sewwieqa ta' vetturi, 5 minnhom taħt il-21 sena, li l-Pulizija għamlitilhom it-test tan-nifs wara li r-riżultat fl-ewwel test fit-triq kien pożittiv. Minn dawn, 38 kellhom riżultat pożittiv, filwaqt li 18 irrifjutaw jew it-test ma kienx komplut.
Dawn is-56 testijiet ma jinkludux il-ħafna testijiet preliminari li kienu negattivi u li ma tinżammx statistika dwarhom.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm hemm ċittadini Maltin mwielda barra minn Malta minn ġenituri Maltin u li ġew imġiegħla jneħħu ċ-ċittadinanza barranija minħabba ċirkostanzi tagħhom qabel il-liġi tas-sena 2000 dwar iċ-ċittadinanza doppja?
Kemm minnhom huma mill-Istati Uniti, Kanada, Awstralja, Ingilterra u pajjiżi oħra?
X'qed jagħmel jew x'jista' jagħmel il-gvern Malti biex dawk li kienu mġiegħla jiċħdu d-drittijiet ta' art twelidhom minħabba ċirkostanzi tagħhom, jgħinhom jerġgħu jiksbu d-drittijiet ta' art twelidhom bl-għajnuna ta' l-ambaxxaturi Maltin jew Konsli mill-pajjiżi rispettivi tagħhom?
Response (BORG, TONIO)
Ninforma lill-Onor. Interpellanti li ebda Gvern Malti ma “ġiegħel” lil xi persuni mwielda barra minn Malta biex ineħħu ċ-ċittadinanza tal-pajjiżi fejn twieldu.
F’dan ir-rigward infakkar lill-Onor. Interpellant li meta Malta saret Stat Indipendenti fil-21 ta’ Settembru 1964, kienet għażlet li żżomm ċittadinanza waħda għaċ-ċittadini Maltin. Għalhekk dawk il-persuni li kienu twieldu barra minn Malta, li kellhom żewġ ċittadinanzi u li xtaqu jibqgħu Malta u jgawdu benefiċċji mogħtija mill-Istat Malti liċ-ċittadini Maltin, kellhom jagħżlu ċ-ċittadinanza Maltija. Kif taf tajjeb l-Onor. Interpellant il-Gvern, kemm fis-sena 1989, u kemm fis-sena 2000, għamel ħafna tibdil fil-liġi taċ-ċittadinanza sabiex ċittadini Maltin ikollhom żewġ ċittadinanzi u l-problemi li semmiet setgħu jiġu megħluba.
Dwar dak li qed titlob l-Onor. Interpellanti ninsab infurmat li ma teżistix statistika dwar din l-informazzjoni, għalkemm in-numru konċernat huwa ta’ xi ftit eluf.
Dwar l-aħħar parti tal-Mistoqsija tagħha, ninforma lill-Onor. Interpellanti li dan m’huwiex il-kompitu tal-Gvern Malti. Fejn, iżda, il-Gvern Malti ġie mitlub xi għajnuna simili minn għaqdiet ta’ Maltin f’dawn il-pajjiżi, kemm ukoll f’Malta, sa fejn kien possibbli, din l-għajnuna ngħatat, u bid-dovuta kawtela saru sottomissjonijiet lill-Gvernijiet konċernati.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid jekk biex persuna tagħmel xogħol ta' tatooist tinħtieġx xi permessi tal-pulizija?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi t-tattoo tal-ġilda huwa rregolat b'Kapitolu 270 tal-Liġijiet ta' Malta. Liċenzji taħt dan l-att jinħarġu mill-Ministru responsabbli għas-saħħa pubblika u mhux meħtieġ xi permess mill-pulizija.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jsemmi liema huma l-parametri biometriċi li sejrin jitniżżlu fil-passaporti ġodda? Xi protezzjoni se jkollu ċ-ċittadin li dawn il-parametri biometriċi ma jiġux abbużati minn xi awtorita' u tintilef il-protezzjoni mogħija mid-Data Protection Act
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi t-tħejjijiet għad-dħul tal-parametri biometriċi fil-passaport għadhom għaddejjin u qed jittieħdu l-miżuri neċessarji biex ma tintilef xejn mill-protezzjoni mogħtija taħt id-Data Protection Act.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm hawn persuni li jinsabu taħt bail jew house arrest u li l-każ tagħhom ilu aktar minn 15-il sena u għadhom sal-lum ma ġew deċiżi l-każi tagħhom? Jista' jpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra lista tal-każijiet hawn fuq indikati belt belt u raħal raħal għall-Malta u Għawdex?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat mill-Pulizija illi hawn żewġ persuni (1 minn Ħaż Żabbar u 1 minn Bormla) li ġew mogħtija l-liberta' proviżorja mill-Qorti aktar minn ħmistax il-sena ilu u li l-każ tagħhom għadu mhux deċiż.
Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx lok kif il-pubbliku jista' jirrapporta imġieba ħażina jew allegat abbuż ta' wardens? Jekk iva, kif jista' jsir dan ir-rapport u lil min għandu jiġi ndirizzat? Minn min hu kompost il-bord jew bordijiet li jinvestiga ilmenti bħal dawn? Min jagħmel ir-rapport jista' jitlob li jiġi mgħajjat biex jispjega l-każ tiegħu?
Response (BORG, TONIO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-istess Avviż Legali li waqqaf il-Kumitat għall-Infurzar Lokali (Avviż Legali 237 ta' l-2006), ta wkoll poter lill-istess Kumitat li jinvestiga allegat imġieba ħażina minn Gwardjani Lokali.
Il-pubbliku jista' jagħmel dan billi jibgħat l-ilment tiegħu lis-Segretarju, Kumitat għall-Infurzar Lokali fl-indirizz postali c/o 26 Triq l-Arċisqof, Valletta VLT 1443.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jara li l-ittri li ntbagħtu f'isem il-persuna, li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, lid-Dipartiment ta' l-Artijiet, jiġu mwieġba?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi ż-żewġ ittri li ntbagħtu lid-Dipartiment tal-Artijiet f'isem il-persuna li rrefera għaliha l-Onor. Interpellant ġew imwieġba. Dik tad-9 ta' Frar 2007 ġiet imwieġba fis-26 ta' Frar 2007 u dik tas-17 ta' April 2007 ġiet imwieġba fl-20 ta' April 2007.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm huwa l-ammont totali mill-pulizija, li tħallas għall-immigranti illegali fl-aħħar 10 snin sena b'sena? Kemm qed jiswa lill-gvern kull immigrant fid-detention centres?
Response (BORG, TONIO)
Bħal ma diġa' kelli l-okkażżjoni nispjega fi Tweġibiet preċedenti dwar is-suġġett, minħabba n-natura tax-xogħol minnu nnifsu u l-eżiġenzi li jistgħu jinqalgħu minn ġurnata għall-oħra, huwa impossibli li wieħed jikkwantifika bl-eżatt kemm kienet l-ispiża tal-Korp tal-Pulizija fuq iż-żamma ta' immigranti irregolari f'ċentri imexxija mill-Pulizija matul dawn l-aħħar 10 snin.
Madankollu, ninsab infurmat illi apparti s-salarji tal-membri tal-Korp tal-Pulizija, l-ispiża bejn l-1 ta' Jannar 2007 u t-22 ta' Mejju 2007 kienet:
Ikel Lm66,145
Spejjeż ta' ripatrijazzjoni Lm 4,817
Spejjeż oħra Lm18,038
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm hawn refuġjati f'Malta bħalissa mqassmin f'irġiel u nisa? Kemm minnhom huma taħt is-16-il sena?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi minn Jannar ta' l-2002 sa llum, in-numru ta' immigranti li ngħataw status ta' refuġjat huwa ta' 192. Minn dawn 93 huma rġiel, 49 nisa u 50 tfal taħt it-tmintax-il sena.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm huma r-refuġjati li fl-aħħar ħames snin, sena b'sena, ingħataw status uffiċjali ta' refuġjati u ġew aċċettati minn pajjiżi oħra? Jista' jgħid liema kienu l-pajjiżi u kemm ġew aċċettati sal-15 Mejju, 2007?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi matul l-aħħar ħames snin ingħataw status ta' Refuġjat lil 186 persuni, li sena b'sena kienu hekk:
2002 - 22 persuni
2003 - 53 persuni
2004 - 49 persuni
2005 - 34 persuni
2006 - 28 persuni
Ninsab infurmat ukoll illi l-pajjiżi indikati hawn taħt aċċettaw refuġjati minn Malta kif ġej:
L-Olanda - 19/20 ta' Diċembru 2005
Refuġjati 20 persuna
Protezzjoni Umanitarja 16-il persuna
Il-Ġermanja - 6 ta' Ġunju 2006
Refuġjati 9 persuni
Protezzjoni Umanitarja 11-il persuna
L-iStati Uniti ta' l-Amerka - 24 ta' Jannar 2007
Protezzjoni Umanitarja 23 persuna
Il-Litwanja - 30 ta' Jannar 2007
Applikanti għall-Asil 6 persuni
L-Irlanda - 14 ta' Frar 2007
Refuġjati 10 persuni
B'kollox ġew aċċettati total ta' 95 persuna li minnhom 39 persuna kellhom status ta' Refuġjat f'Malta.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid jekk meta jseħħ inċident serju tat-traffiku hijiex regola li s-sewwieqa nvoluti jiġu eżaminati awtomatikament għall-possibilita' li kienu taħt l-effetti ta' droga u/jew alkoħol?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi bħala proċedura, meta jseħħ inċident serju tat-traffiku u l-Pulizija jkollha suspett raġonevoli li xi sewwieq jew sewwieqa jkunu taħt l-influwenza ta' l-alkoħol jew droga, isiru t-testijiet kif previst fl-artikoli 15 A sa 15 I ta' l-Ordinanza dwar ir-Regolamenti tat-Traffiku (Kap. 65).
Jista' l-Viċi Prim Ministru jara li jittieħdu passi kontra s-sidien ta' l-art żdingata li qed tintuża bħala rubbish dump faċċata ta' 184, Luqa Briffa Str., Gzira minħabba li skond il-liġi suppost ikun hemm boundary wall ħalli jirristrinġi l-aċċess tal-pubbliku għaliha?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi l-Pulizija qed tinvestiga dan l-ilment u ser tieħu l-passi kollha skond il-liġi.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid jekk it-tlett imħażen li jinsabu fi Triq Bieb is-Sultan, qrib fejn jittrenjaw it-tim ta' St Patrick's, humiex vojta jew le? Jekk fl-affermattiv, jistgħu joħorġu għall-offerti?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li l-imħażen li qed jirreferi għalihom l-Onorevoli Interpellant huma tal-Gvern u bħalissa jinsabu f'idejn it-Taqsima Proprjeta' tal-Gvern wara li sar żgumbrament tard is-sena li għaddiet. Dawn l-imħażen għad fihom ħafna materjal ta' 'scrap' li għad irid jitneħħa sabiex imbagħad wara jiġi deċiż xl-aħjar li jsir minnhom.