Legislature:
Category:
Reset
Active:

Saħħa, Anzjani u Kura fil-Komunita' — Safar

Question

Jista' l-Ministru jgħid matul is-sena 2006, kemm kienet in-nefqa globali għas-safar tal-Ministeru, dipartimenti, dekasteri, enti eċċ li jaqgħu taħt il-ministeru?

Response (DEGUARA, LOUIS)

In-nefqa globali għas-safar matul is-sena 2006 kienet ta' Lm75,130.81c. Minn din is-somma, Lm20,886.90c għandhom jinġabru lura minn istituzzjonijiet li provdew sponsorships.

Saħħa Anzjani u Kura fil-Komunita' — Fuel

Question

Jista' l-Ministru jgħid matul is-sena 2006, kemm kienet in-nefqa globali tal-fuel tal-Ministeru, dipartimenti, dekasteri, enti eċċ li jaqgħu taħt il-ministeru?

Response (DEGUARA, LOUIS)

L-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant għadha qed tinġabar. Risposta tingħata f'xi seduta oħra.

Ħaddiema tas-Servizz Pubbliku — Użu ta' vettura

Question

Jista' il-Ministru jgħid liema huma dawk il-ħaddiema (il-grad) taċ-ċivil li huma ntitolati għal karozza? Kemm spiċċaw ħaddiema f'dan il-grad tul dawn l-aħħar ħames snin u kemm minnhom baqgħu jgawdu minn din il-karozza anke meta spiċċa? X'tip ta' karozza kienet f'kull każ u s-sena ta' reġistrazzjoni għal kull karozza?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Il-ħaddiema taċ-ċivil li huma ntitolati għal karozza huma dawk li għandhom Grad 4 jew ogħla, jiġifieri minn Direttur 'il fuq. F'dawn l-aħħar ħames snin irtiraw tnejn b'dawn il-Gradi u it-tnejn li huma xtraw il-karozza meta rtiraw għax hekk huma intitolati. Dawn il-karozzi kienu: Uffiċjal (Grad) Tip ta' Karozza Sena ta' Reġistrazzjoni Segretaju Permanenti Mazda 626 2000 Direttur Mazda 323 1999

Infermiera

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' infermiera impjegati mal-gvern fl-1987 u kemm hu fil-preżent? Jista' jgħid ukoll x'kien l-ammont globali ta' pagi/salarji, kif ukoll ta' sahra, imħallsa lill-infermiera fl-1987 u fl-2006 rispettivament?

Response (DEGUARA, LOUIS)

L-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant għadha qed tinġabar. Risposta tingħata f'xi seduta oħra.

Pilloli ADALAT LA

Question

Jista' il-Ministru jara li jinħarġu l-pilloli ADALAT LA fit-tqassim tal-mediċini tal-gvern? Dan peress li hemm persuna li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, li ilha teħodhom tliet snin u għandha marda kronika.

Response (DEGUARA, LOUIS)

Il-Gvern qed jipprovdi l-mediċina Nifedipine li hija 'normali', modified release jew slow release. Il-persuna li tixtieq tingħata Nifedipine long acting tista' tgħid lill-konsulent tagħha japplika għall-permess speċjali. Din l-applikazzjoni tiġi evalwata u jekk tinsab valida tkun approvata biex b'hekk din il-persuna tingħata Nifedipine long acting b'xejn. Iżda il-policy hi li ma jiġux approvati mediċini ta' ditta speċifika.

Sptar Zammit Clapp — Ħaddiema fuq xogħol part-time

Question

Matul is-sena 2006 u Jannar 2007, jista' il-Ministru jgħid jekk ħarġux sejħiet għal xogħol part-time fl-isptar Zammit Clapp biex isiru minn ħaddiema full timers ma' l-istess sptar? Jista' jagħti d-dettalji tad-dati ta dawn is-sejħiet u jgħid liema minnhom ġew irtirati u għaliex?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Ninsab infurmat li matul 2006 u Jannar 2007, fl-Isptar Zammit Clapp ma kien hemm ebda sejħa għal xogħol part time biex isir minn ħaddiema full-timers mal-istess sptar.

Commission for Fair Trading — Prodotti tad-Demm

Question

Jista' l-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 22041 u jgħid: Fid-dawl tal-fatt li dan l-aħħar il-commission for fair trading ikkonkludiet li l-bejgħ tal-prodotti tad-demm lill-kliniċi u sptarijiet privati kienu diskriminatorji u għalhekk kien qed ipoġġi lill-istess kliniċi u sptarijiet privati fi żvantaġġ finanzjarju, jista' il-Ministru jinformana bejn is-snin 2003 u 2006 kemm ġew mibjugħa boroż tad-demm u prodotti tad-demm lil dawn il-kliniċi u sptarijiet privati, kull sena u x'kienu l-ammonti ta' flus miġbura f'dan ir-rigward kull sena? Hemm il-ħsieb li l-flus li tħallsu minn dawn il-kliniċi u sptarijiet jiġu mrodda lura u għalhekk jerġgħu jingħataw lura dawn il-flus lill-pazjenti? Fid-dawl ta' din id-deċiżjoni, għandux jintalab ħlas għal dawn il-prodotti mid-dipartiment tas-saħħa?

Response (DEGUARA, LOUIS)

1. Niċċaraw l-ewwelnett li dan mhux każ ta' bejgħ ta' demm. Din kienet talba mid-Diviżjoni tas-Saħħa lill-kliniċi u sptarijiet privati għal rifużjoni ta' spejjeż amministrattivi li tidħol fihom id-Diviżjoni biex tiżgura li demm u prodotti tad-demm isirulhom it-testijiet meħtieġa li jiżguraw li jkunu ta' l-aqwa kwalita'. 2. Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant.. 3. Ma hemm l-ebda ħsieb li flus li diġa' tħallsu jiġu mrodda lura. 4. Id-Dipartiment tas-Saħħa qed jevalwa is-sitwazzjoni sabiex jara x'policy jista' jaddotta dwar ħlas għall-ipproċessar ta' dawn il-prodotti.

Operazzjonijiet għal hip replacement

Question

Jista' l-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 22836 u jgħid kemm tmur lura fiż-żmien l-aktar applikazzjoni qadima għall-operazzjoni ta' hip replacement?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Id-dewmien fuq waiting list għal hip replacement tvarja minn kunsulent għall-ieħor. L-itwal stennija hija ta' ħames snin pero hemm raġunijiet mediċi għal dan id-dewmien.

Saħħa, Anzjani u Kura fil-Komunita' — Kiri ta' Karozzi

Question

Jista l-Ministru jgħid matul is-sena 2006, kemm kienet in-nefqa globali għall-kiri ta' karozzi u vetturi fil-Ministeru, dipartimenti, dekasteri, enti eċċ. li jaqgħu taħt il-ministeru?

Response (DEGUARA, LOUIS)

L-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant għadha qed tinġabar. Risposta ser titpoġġa fuq il-mejda tal-Kamra meta tkun lesta.

Ċentri tas-Saħħa — Servizz ta' Security

Question

Jista' il-Ministru jikkonferma jekk is-servizz ta' Security mal-polikliniċi ngħatax lill-privat? Jista' jgħid kemm qiegħed jiswa lid-dipartiment dan is-servizz?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Ninsab infurmat illi mhux minnu li s-servizz ta' Security fiċ-Ċentri tas-Saħħa ngħata lill-privat. Minħabba ċertu inflessibilta' fil-prattiċi tax-xogħol minn naħa tal-HSOs li jaħdmu fid-Dipartiment tas-Saħħa, sar arranġament temporanju ma' kumpanija li toffri dan is-servizz sabiex Security privat ikun jista' jidħol u jaqdi l-bżonnijiet tal-pubbliku meta jkun hemm assenza ta' HSO tad-dipartiment. Dan qed isir sabiex ikun jista jkompli jingħata servizz lill-ispiżeriji tal-Gvern minħabba li fuq direttiva tal-Unions dan is-servizz jieqaf fl-assenza ta' HSO. Dan is-servizz qed jiswa Lm1.77 is-siegħa + VAT.

Sptar San Luqa — Food Poisoning

Question

Jista' l-Ministru jgħid fl-aħħar tliet xhur tas-sena 2006 kemm kien hemm każi ta' food poisoning f'ikel ippreparat fil-kċina ta' l-isptar San Luqa? Jista' jgħid jekk fl-istess żmien kienx hemm drabi fejn kien qed isir xogħol ta' żebgħa fil-kċina ta' l-isptar waqt il-preparazzjoni ta' l-ikel?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Kien hawn outbreak wieħed ta' Noro Virus f'Novembru 2006 li bih ġew milquta 45 persuna li kienu fl-Isptar San Luqa. Fl-aħħar tliet xhur tas-sena 2006 saru diversi xogħlijiet ta' żebgħa fl-Isptar San Luqa. Wieħed minn dawn ix-xolgħlijiet kien fil-kċina ta' l-Isptar. Dan ix-xogħol ta' żebgħa kien isir kuljum wara l-erbgħa ta' wara nofsinhar u jibqa' sejjer sa tard filgħaxija, jiġifieri wara li x-xogħol ta' preparazzjoni u tqassim ta' l-ikel fit-trollies ikun intemm.

Donazzjonijiet finanzjarji

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm ingħataw donazzjonijiet finanzjarji jew ta' xi tip ieħor lil għaqdiet jew clubs sportivi u kulturali matul is-sena 2006 mill-ministeru u enti li jaqgħu taħtu? Jista' jgħid min ibbenefika u kemm kien l-ammont għal kull każ?

Response (DEGUARA, LOUIS)

L-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant għadha qed tinġabar. Risposta tingħata f'xi seduta oħra.

Saħħa, Anzjani u Kura fil-Komunita' — Impjegati

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm għandu impjegati l-ministeru u s-segretarju parlamentari ? Kemm hemm minnhom on loan u minn liema post ġejjin? Kemm hemm bil-kuntratt? Kemm hemm li għandhom allowance u x'tip ta' allowance? Kemm hemm min għandu mobile, karozza, ħlas tat-telephone tad-dar u kemm għamlu overtime persuna b'persuna matul l-2006? X'inhuma l-gradi ta' kull impjegat?

Response (DEGUARA, LOUIS)

L-Onor. Interpellant hu riferut għall-Guidelines on the Employment of Staff for Ministers' Secretariat kif approvati.

Sptar Zammit Clapp — Impjegati

Question

Jista' l-Ministru jgħid matul l-2005 u l-2006 kemm kien hemm impjegati ma' l-isptar Zammit Clapp li kellhom impjieg full-time f'xi dipartiment u tawhom impjieg ieħor part-time f'dipartiment ieħor fl-istess sptar? F'dawn il-każi, x'parir ta l-management lill-impjegati dwar b'liema rati ta' taxxa jinqabdu għal full-time u part-time?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fl-Isptar Żammit Clapp matul l-2005 u l-2006 kellu tlett impjegati ma' l-isptar kellhom impieg full time u impjieg ieħor part time f'dipartiment ieħor fl-istess sptar. Ir-rata ta' taxxa li tiġi applikata mill-isptar hija proviżjonalment dik ir-rata li tiġi applikata fl-FS4, li tiġi ffirmata mill-impjegat stess u wara tiġi applikata r-rata li jiddetta d-dipartiment tat-taxxa wara li dan id-dipartiment jieħu f'konsiderazzjoni l-qliegħ totali tal-individwu għal kull sena taxxabli. L-isptar qatt ma jagħti parir fuq taxxa w dejjem jesiġi li l-individwu jieħu opinjoni professjonali jekk dan huwa meħtieġ. Id-deċiżjoni finali ta' liema rata ta' taxxa hi applikabbli hija bejn l-individwu u d-dipartiment tat-taxxi.

Home Help għall-anzjani

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm anzjani li qed jibbenefikaw mill-home help u b'kemm sigħat fil-ġimgħa? Kemm hemm home helpers ingaġġati sena b'sena mill-aħħar elezzjoni? Minn liema lokalitajiet huma l-anzjani li qed jibbenefikaw mill-home help (numru ta' anzjani skond il-lokalita')? Kemm hemm anzjani li qed jistennew li jingħataw il-home help għall-ewwel darba u minn liema lokalitajiet huma (numru ta' anzjani skond il-lokalita')? Kemm hemm anzjani li talbu biex jiżdidilhom il-ħin tal-home help (numru ta' anzjani skond il-lokalita')?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Qed inpoġġi l-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant fuq il-Mejda tal-Kamra.

SVPR

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm daħlu anzjani mill-aħħar elezzjoni 'il hawn f'St Vincent de Paule residence (irġiel u nisa) sena b'sena u minn liema lokalitajiet? X'inhuma l-kriterji li permezz tagħhom jiġi deċiż li anzjan/a tidħol f'St Vincent de Paule residence? Kemm hemm anzjani rġiel u nisa jistennew biex jidħlu f'St Vincent de Paule residence u minn liema lokalitajiet?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista ta' kemm daħlu anzjani mill-aħħar elezzjoni 'il hawn fir-Residenza ta' San Vinċenz de Paule sena b'sena u lista ta' numru ta' anzjani bil-lokalitajiet jistennew biex jidħlu fir-Residenza. Il-proċedura biex anzjan jidħol fir-Residenza ta' San Vinċenz de Paule tikkonsisti filli ssir applikazzjoni fuq il-formola uffiċjali li timtela minn tabib. L-applikazzjoni hekk mimlija tiġi mgħoddija lil social worker biex tagħmel żjara f'darhom ħalli jsir ir-rapport soċjali. L-applikazzjoni tmur quddiem l-Admissions Board li mill-informazzjoni miġbura jassessja u jipprijoritiżża kull każ skond il-ħtiġijiet soċjali u ta' saħħa ta' l-individwu. Kull applikant jiġi mpoġġi fuq żewġ listi, waħda għal San Vinċenz de Paule u oħra għad-djar residenzjali fil-Komunita. Kull applikazzjoni, jekk ma tkunx miċħuda, tiġi prijoritiżżata bħala urġenti,prijorita' għolja jew prijorita' baxxa. Hi l-amministrazzjoni tad-Dipartiment ta' l-Anzjani li fil-fatt iddaħħal l-anzjani minn din il-lista skond il-prijoritajiet rakkomandati mill-Admissions Board.

Imwiet kawża tat-tipjip

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hemm imwiet direttament jew indirettament mit-tipjip matul is-sena 2006? F'din is-sena l-ġdida, x'se jagħmel id-dipartiment tas-saħħa biex ikompli jħajjar nies jaqtgħu t-tipjip? X'se jsir fl-iskejjel b'koperazzjoni mad-diviżjoni ta' l-edukazzjoni biex juru l-istudenti l-periklu tat-tipjip?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Infurmat li n-numru ta' mwiet irreġistrati fir-Reġistru Nazzjonali ta' l-Imwiet matul ix-xhur ta' Jannar sa Novembru tas-sena 2006 li huma meqjusa bħala li kienu kkaġunati minħabba t-tipjip fiż-żewġ sessi huwa ta' 339 mewt f'residenti ta' Malta u Għawdex. Minn dawn kien hemm 239 rġiel u 100 nisa. Huwa ppjanat li d-Dipartiment ħa jniedi dawn l-attivitajiet: 1. għall-Jum Nazzjonali taż-Żgħażagħ ħa ssir ġimgħa ta' attivitajiet qrib iż-żgħażagħ li ħa jinkludu fost l-oħrajn testijiet tal-carbon monoxide, 2. partiċipazzjoni attiva għall-Jum Dinji Kontra t-Tabakk, 3. programmi għal fuq il-postijiet tax-xogħol immirati biex wieħed jaqta` t-tipjip, 4. il-programm Ewropew HELP ser ikompli għaddej matul din is-sena bit-testijiet tal-CO fejn applikabbli, 5. klassijiet tas-Smoking Cessation fiċ-Ċentri tas-Saħħa u counselling fuq livelli personali meta tinħass il-ħtieġa, 6. artikli u intervisti fuq stazzjonijiet tar-radju u l-istampa biex jedukaw il-poplu fuq il-ħsara li jġib miegħu t-tabakk, ma jonqsux, 7. ktejjeb ta' informazzjoni utili dwar it-tabakk ser jiġi ppubblikat.

Xiri ta' Oqbra

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm tmur lura fiż-żmien l-aktar applikazzjoni qadima għall-akkwist ta' qabar?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Ninsab infurmat li skond ir-records li jinżammu l-aktar applikazzjoni li ilha pendenti għal qabar fiċ-ċimiterju ta' l-Addolorata, għandha d-data ta' l-għaxra ta' Diċembru 1991.