Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 9 PQ #28391 Sitting 609 2001-10-02 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru ta' l-Intern

Pulizija

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hawn persuni li għandhom permess biex iġorru pistola fuqhom 'to carry'? Kemm minn dawn huma membri ta' xi servizz tas-sigurta?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi fil-preżent m`hawn l-ebda persuna li għandha t-tip ta` liċenzja li rrefera għaliha l-Onorevoli Interpellant.
Leg 9 PQ #28392 Sitting 609 2001-10-02 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru ta' l-Intern

Pulizija

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk il-Kummissarju tal-Pulizija qiegħed iżommok aġġornat bil-passi li qiegħed jieħu inkonnessjoni ma' l-inkjesta maġisterjali li qiegħda ssir? Bħala Ministru tlabtu rapport dwar l-allegazzjonijiet li saru kontrih? Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra dan ir-rapport, jekk jeżisti?

Response (BORG, TONIO)

L-azzjonijiet li jieħu l-Kummissarju tal-Pulizija fil-kapaċita` personali tiegħu huma responsabbilita` tiegħu li fihom jiena ma ndħaltx; huwa informani bħala fatt bil-passi li ħa; f`laqgħa li kelli miegħu, huwa spjega b`dettal il-pożizzjoni u verżjoni tiegħu tal-fatti, u ċaħad kategorikament l-allegazzjonijiet kontra tiegħu li hu kien wettaq xi reat u ċaħad kull forma ta` abbuż tal-uffiċċju u kariga tiegħu.
Leg 9 PQ #28393 Sitting 609 2001-10-02 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru ta' l-Intern

Pulizija

Question

Jista' l-Ministru jgħid x' passi kien diskuss fil-laqgħa li saret fid-Depot tal-Pulizija u li fiha attendew kemm il-Kummissarju, l-Prim Ministru u hu stess, liema laqgħa derhu rapporti dwarha fl-Orizzont u fit-Times? Kienet konnessa ma' l-investigazzjoni li għaddejja fil-konfront tal-Kummissarju tal-Pulizija?

Response (BORG, TONIO)

Ma hix prattika li laqgħat bħal dawn wieħed jikxef is-suġġett tagħhom; iżda il-laqgħa ma kellhiex x`taqsam mas-suġġett imsemmi fid-domanda.
Leg 9 PQ #28394 Sitting 609 2001-10-02 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru ta' l-Intern

Pulizija

Question

Jista' l-Ministru jikkonferma li l-Kummissarju tal-Pulizija Ġorġ Grech għadda xogħol konness mas-Servizz Sigriet lil mara Pollakka b' ċittadinanza Maltija u ngħatat l-ordni biex parti minn dan ix-xogħol tiddepożitah f' kaxxa tal-posta ta' post fin-naħa ta' fuq ta' Malta? X' kien dan ix-xogħol u xi ħlas ingħata għal dan is-servizz?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi dan m`hu minnu xejn.
Leg 9 PQ #28321 Sitting 608 2001-10-02 Oral · Final From: SILVIO PARNIS To: Ministeru ta' l-Intern

Qrati

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' tfal taħt is-16-il sena li tressqu l-qorti minn Jannar 2001 sallum? Għaliex tressqu?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi matul din is-sena, sal-25 ta` Settembru 2001, tressqu 72 persuna taħt is-16-il sena l-Qorti. It-tipi ta` reati li dwarhom kienu akkużati kienu kif jidher fit-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Leg 9 PQ #28323 Sitting 608 2001-10-02 Oral · Final From: SILVIO PARNIS To: Ministeru ta' l-Intern

Enforcement Notices

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm ħarġu enforcement notices din is-sena mill-Awtorita' tal-Ippjanar?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi n-numru ta` Enforcement Notices maħruġa mill-Awtorita` ta` l-Ippjanar din is-sena, sa l-aħħar ta` Awissu, kien ta` 922.
Leg 9 PQ #28324 Sitting 608 2001-10-02 Oral · Final From: SILVIO PARNIS To: Ministeru ta' l-Intern

Inċidenti tat-Traffiku

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm saru inċidenti tat-traffiku fejn il-vettura kienet misjuqa minn persuni taħt l-eta' s-sena l-oħra u din is-sena?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi t-tagħrif mitlub għadu qed jinġabar u tweġiba tingħata f`Seduta oħra.
Leg 9 PQ #28387 Sitting 608 2001-10-02 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru ta' l-Intern

Pulizija

Question

Jista' l-Ministru għid jekk ingħatax permess speċjali lill-Kummissarju tal-Pulizija Ġorġ Grech biex waqt il-ħin tax-xogħol juża apparat tad-Depot bħat-telephone u l-mobile biex jiġġieled l-allegazzjonijiet li saru kontrih u li għaddejja inkjesta' dwarhom? Qiegħed jingħata time off biex ikun jista' jattendi l-qorti waqt il-ħin tax-xogħol?

Response (BORG, TONIO)

Kif jaf l-Onor. Interpellant il-Kummissarju tal-Pulizija m`għandux ħinijiet fissi tax-xogħol peress li l-kariga tiegħu titlob li jaqdi dmiru f`kull ħin tal-ġurnata; bħal kull ċittadin ieħor għandu dritt li jiddefendi ruħu u ta` dan jaħseb hu personalment; bl-ebda mod is-servizz tal-Korp tal-Pulizija ma intuża għal skop privat. L-użu tat-telefon u mobile hu użat taħt l-istess kondizzjonijiet applikabbli għal persuni li għandhom dan l-użu.
Leg 9 PQ #28388 Sitting 608 2001-10-02 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru ta' l-Intern

Pulizija

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta sar jaf bl-allegazzjonijiet li kienu qegħdin isiru mill-koppja Azzopardi? X' passi ħa?

Response (BORG, TONIO)

Għalkemm id-dettalji speċifiċi, inkluża l-akkuża - li ma ġietx konfermata - ta` tentattiv ta` stupru, sar jaf biha minn rapporti li dehru fil-gazzetti, huwa ġie informat mill-Prim Ministru xi żmien qabel li dehru ir-rapporti fil-gazzetti, b`allegazzjonijiet magħmula mis-Sur John Azzopardi; dawn bl-ebda mod ma kienu jinkludu l-akkuża fuq imsemmija; huwa ġie wkoll informat biċ-ċaħda tal-Kummissarju ta` kull aġir bi ksur tal-liġi.
Leg 9 PQ #28402 Sitting 608 2001-10-02 Oral · Final From: JOSEPH CUSCHIERI To: Ministeru ta' l-Intern

Xatt is-Sajjieda — Żvillup

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk żvillup li qiegħed issir f'Xatt is-Sajjieda, San Ġiljan biswit Neptune Court fuq art pubblika għandux il-permessi tal-Awtorita' tal-Ippjanar? Jista' jgħid wkoll jekk l-iżvillup imsemmi, li qed isir fuq art pubblika huwiex qiegħed isir bl-approvazzjoni tad-Dipartiment tal-Artijiet?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi l-iżvilupp li qed isir fuq żewġ siti separati biswit il-bini magħruf bħala 'Neptune Court' huwa kopert bil-permessi meħtieġa ta l-Awtorita` ta` l-Ippjanar PA 4161/98 rispettivament. Irid jiġi ċċarat illi x-xogħol li qed isir preżentament huwa konness mas-sit indikat fil-permess PA 2265/00. Dan jikkonsisti fi twaqqiegħ ta` bini eżistenti b`entratura minn Triq Spinola u tqattiegħ ta` blat u skavar fuq l-istess art fejn qed isir aċċess temporanju minn naħa tax-xatt. Rigward is-sit l-ieħor li huwa kopert bil-permess PA 4161/98 u fejn huwa propost li jinbdew 'fishermen`s stores' irid jingħad illi xogħol ta` kostruzzjoni fuq dan il-proġett s`issa għadu ma nbediex. Jekk l-iżvilupp propost fuq din l-art huwiex ser isir bl-approvazzjoni tad-Dipartiment ta` l-Artijiet jew le, tajjeb li jiġi nfurmat illi l-Awtorita` ħarġet il-permess b`kundizzjoni illi l-iżviluppatur għandu jottjeni l-'clearances' u l-ftehim speċifiku minn dak id-dipartiment (kund. Nru. 12). Minn naħa tad-Dipartiment għat-Tmexxija tal-Proprjeta`, ninsab infurmat illi l-uniku żvilupp li preżentament qiegħed isir fil-bajja ta` Spinola u li jista` jkun jirfes fuq art pubblika huwa dak approvat mill-Awtorita` tal-Ippjanar bil-permess Nru. PA 04161/98. Dwar dan l-iżvilupp kien sar Protest Legali mill-Kunsill Lokali ta` San Ġiljan li għalih kienet ingħatat risposta mill-Kummissarju tal-Artijiet kopja ta` liema qiegħda tiġi mpoġġija fuq il-Mejda tal-Kamra.
Leg 9 PQ #28249 Sitting 607 2001-10-01 Oral · Final From: JOSEPH CUSCHIERI To: Ministeru ta' l-Intern

PA

Question

B'referenza għall-applikazzjoni PA 03941/01 li hemm quddiem l-Awtorita' tal-Ippjanar, jista' l-Ministru jgħid jekk id-Dipartiment tal-Artijiet jew il-Gvern għandux il-ħsieb li jċedi art li tinsab fi Triq Angelo Portelli kantuniera ma' Triq Luiġi Billion f'Pembroke?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi t-Taqsima Proprjeta` tal-Gvern irċeviet talba mingħand terza persuna għall-iżvilupp ta` l-art li qed jagħmel referenza għaliha l-Onorevoli Interpellant, liema art tinsab bejn Triq l-Isqof Angelo Portelli u Triq Luigi Billion, f`Pembroke, u li fuqha saret applikazzjoni għand l-Awtorita` ta` l-Ippjanar bin-Nru. PA 03941/01. Kif isir f`każijiet bħal dawn, l-applikant intalab iġib permess mingħand l-Awtorita` ta` l-Ippjanar biex imbagħad it-Taqsima tkun tista` tikkunsidra din it-talba fid-dawl tad-deċiżjoni li tieħu l-Awtorita` ta` l-Ippjanar li bħalissa qed tipproċessa l-applikazzjoni. Sal-lum it-Taqsima għadha ma rċeviet xejn u għalhekk m`hix f`pożizzjoni li tagħmel il-kunsiderazzjonijiet neċessarji.
Leg 9 PQ #28252 Sitting 607 2001-10-01 Oral · Final From: JOSEPH CUSCHIERI To: Ministeru ta' l-Intern

PA — Golf Course

Question

B'referenza għall-applikazzjoni li hemm pendenti quddiem l-Awtorita' tal-Ippjanar, jista' l-Ministru jgħid jekk huwiex il-ħsieb tad-dipartiment tal-artijiet jew il-Gvern li jgħaddi lill-privat xi art fl-inħawi tal-lukanda SAS Radisson u l-iskola Martin Luther King f'Pembroke għall-żvillup ta' golf course?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi ma saret l-ebda talba lit-Taqsima Proprjeta` tal-Gvern biex art tal-Gvern f`Pembroke tiġi żviluppata f`Golf Course.
Leg 9 PQ #28262 Sitting 607 2001-10-01 Oral · Final From: ANTON REFALO To: Ministeru ta' l-Intern

L-Għassa ta' Għawdex

Question

Jista' l-Ministru jispjega għaliexl-Għassa tax-Xagħra Għawdex illum tinsab magħluqa bejn il-5:00pm u t' 8:00am ta' l-għada?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi din l-għassa kienet qed tkun magħluqa minħabba li l-Pulizija assenjat f`din l-għassa kien qiegħed ikun ordnat għassa mat-Tempji tal-Ġgantija. Pero` ninsab infurmat ukoll li din is-sitwazzjoni ġiet rimedjata.
Leg 9 PQ #28272 Sitting 607 2001-10-01 Oral · Final From: JOE CILIA To: Ministeru ta' l-Intern

Reġistru Pubbliku

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni illi n-Nutara jridu jħallsu immedjatament għal riċerki ordnati fir-Reġistru Pubbliku malli jinġabu, filwaqt illi refunds ta' ħlasijiet inħallsa żejda minn Nutara għadhom ma rifonduti wara xhur sħaħ?

Response (BORG, TONIO)

L-Onor. Interpellant jaf tajjeb illi għan-Nutara, hemm arranġamenti speċjali ta` kif jiġi effettwat il-pagament dovut fuq ir-riċerka. Rigward "refunds", għar-Reġistru Pubbliku dan huwa kunċett ġdid u riċentement ġiet stabbilita proċedura biex isiru dawn ir-refunds. Jista` jkun li kien hemm xi "delay" biex isiru dawn ir-refunds sakemm ġiet stabbilita` din il-proċedura.
Leg 9 PQ #28352 Sitting 607 2001-10-01 Oral · Final From: ANTON REFALO To: Ministeru ta' l-Intern

Pulizija — Karozzi

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk jaħsibx li d-deċiżjoni li ittieħdet mill-Pulizija li ma jitħallewx jipparkjaw karozzi fin-naħa ħierġa 'l barra mill-Belt fi Triq Sant' Anna, Floriana, qiegħda taffettwa ħażin ħafna il-Kummerċ, speċjalment tal-ħwienet li hemm fuq dik in-naħa, u dana meta hemm daqs ħamsin (50) metru 'l bogħod mill-Kummissjoni għolja Ingliża u meta għadhom qed jitħallew jipparkjaw karozzi ħdejn il-bank tad-demm u anke fi Triq Vilhena, ma ġemb l-Ambaxxata Ingliża?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi dan huwa arranġament temporanju minħabba l-ħtieġa ta` aktar sigurta` ma` ambaxxati barranin f`pajjiżna.
Leg 9 PQ #28404 Sitting 607 2001-10-01 Oral · Final From: JEAN PIERRE FARRUGIA To: Ministeru ta' l-Intern

PA — Reġistrazzjoni tal-Propjeta'

Question

Jista' l-Ministru jgħid f'hiex waslet ir-reġistrazzjoni tal-propjeta' fil-Belt u fil-Floriana? Kemm ġiet reġistrata propjeta a) pubblika bħala persentaġġ? b) privata bħala persentaġġ s'issa?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi ma tinżammx statistika tat-tagħrif hekk kif mitlub mill-Onor. Interpellant dwar proprjeta` pubblika u dik privata. Infurmat ukoll illi l-ammont ta` applikazzjoni sottomessi fir-Reġistru rigward il-Belt u l-Furjana huma s-segwenti : SENA VALLETTA FLORIANA 1994 1 - 1995 11 1 1996 20 1 1997 46 97 1998 111 43 1999 57 5 2000 29 3 2001 29 9
Leg 9 PQ #28005 Sitting 606 2001-09-26 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru ta' l-Intern

Kuntrabandu — Pure Alcohol

Question

B'referenza għall-aħħar każ ta' kuntrabandu fuq l-pure alcohol li l-pulizija u dwana rnexxielhom jaqbdu kosina ta' alcohol li fuqa kien se jiġu misruqa b' madwar 400,000 lira Maltin f'dażji dovuti lill-Gvern. Jista' l-Ministru jinfurmani x'passi ttieħdu s'issa mill-pulizija?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi dan il-każ għadu qed jiġi nvestigat.
Leg 9 PQ #28053 Sitting 606 2001-09-26 Oral · Final From: SILVIO PARNIS To: Ministeru ta' l-Intern

Xogħol bla Permess

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' persuni barranin li nqabdu jagħmlu xogħol bla permess fi gżiritna u kemm minnhom ġew deportati minn Jannar sallum?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi fil-perijodu msemmi mill-Onorevoli Interpellant kien hemm 18-il persuna ta` nazzjonalita` barranija li nqabdu mill-Pulizija jaħdmu bla permess. Infurmat ukoll illi dawn kollha ġew deportati.
Leg 9 PQ #28163 Sitting 606 2001-09-26 Oral · Final From: CHRIS AGIUS To: Ministeru ta' l-Intern

Impjiegi Ġodda

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hemm impjiegi ġodda mal-Ministeru u Dipartimenti/Aġenzji li jaqgħu taħtu minn Jannar 2001 sal-lum?

Response (BORG, TONIO)

Tweġiba tingħata f`xi seduta oħra.
Leg 9 PQ #28043 Sitting 605 2001-09-26 Oral · Final From: SILVIO PARNIS To: Ministeru ta' l-Intern

Traffikar ta' Drogi

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm ġew misjuba ħatja persuni fuq traffikar ta' drogi din is-sena u kemm minnhom kienu Maltin u kemm minnhom kienu barranin u x'weħlu f'kull każ individwali?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi bejn l-1 ta` Jannar u s-17 ta` Settembru 2001 kien hemm 39 persuna li ġew misjuba ħatja ta` traffikar ta` drogi. Minn dawn 8 kienu ta` nazzjonalita` barranija. Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella li turi l-piena li ngħatat lil dawn il-persuni.