Filwaqt illi nifraħ lill-Ministru għax-xogħol ta' manutenzjoni u immodernizzar li qed isir fl-iskejjel ta' Malta u Għawdex biex dawn ikunu jixirqu lil uliedna, jista' jagħti indikazzjoni ta' meta id-Dipartiment ta' l-Edukazzjoni jew il-Fondazzjoni għall-iskejjel ta' għada għandhom il-ħsieb jagħmlu r-refurbishment tant meħtieġ fit-toilets ta' l-iskola Sir Anthony Mamo (Primarja B) f'Birkirkara, liema toilets il-ġenituri ilhom jilmentaw dwar l-istat ħażin u perikoluż tagħhom is-snin?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li offerti pubbliċi għal dan ix-xogħol qed jitħejjew u ser jinħarġu fi żmien qasir.
Jista' il-Ministru jagħti indikazzjoni ta' jekk id-Dipartiment ta' l-Edukazzjoni jew il-Fondazzjoni għall-iskejjel ta' għada hux qed jikkonsidraw li fi żmien qasir jiġi nstallat lift komuni fl-iskejjel primarji ta' Anthony Valletta u dik ta' Sir Anthony mamo f'Birkirkara, liema lifts huma meħtieġa minn tfal li għandhom bżonnijiet speċjali u li preżentement jattendu ż-żewġ skejjel?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li il-Fondazzjoni għall-Iskejjel ta' Għada ħejjiet l-accessibility audits neċessarji u qablet li jiġu stallati żewġ lifts fl-iskejjel Anthony Valletta u Sir Anthony Mamo f'Birkirkara.
Informat ukoll li l-offerti pubbliċi għall-istallazzjoni ta' dawn il-lifts inħarġu u l-kuntratti ngħataw.
Informat ukoll li offerta pubblika għall-bini tal-lift shafts rispettivi inħarġet, ġiet aġġudikata mill-Fondazzjoni u ntbagħtet lid-Dipartiment tal-Kuntratti għad-deċiżjoni finali.
Ħal Qormi — Skola ta' San Ġorġ - cameras tas-sigurta'
Question
Jista' il-Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb li jitwaħħlu xi cameras tas-sigurta' ma' l-iskola ta' San Ġorġ Ħal Qormi sabiex jipprovdu aktar sigurta' fil-viċinanzi ta' din l-iskola?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li fl-entratura ta' l-iskola diġa' hemm cameras tas-sigurta' stallati.
Fondazzjoni għall-iskejjel ta' għada — Direct orders
Question
Jista' il-Ministru jgħid lil min ingħataw id-direct orders li ħarġu mill-Fondazzjoni għall-iskejjel ta' għada għall-perjodu Jannar sa Diċembru 2002 u Jannar sa April 2003? Jista' jelenka waħda waħda d-direct orders li nħarġu f'dan iż-żmien, liema kienu l-kumpanniji statali, parastatali u privati li ġew mogħtija dawn id-direct orders u kemm kienu l-ammonti ta' kull direct order?
Response (GALEA, LOUIS)
Id-dettalji mitluba b'riferenza għad-Direct Orders mogħtija mill-FTS qed jitpoġġew fuq il-Mejda tal-Kamra.
Kif jista' jinnota l-Onor. Membru il-biċċa l-kbira ta' dawn id-Direct Orders ingħataw lil kumpaniji tal-Gvern bl-approvazzjoni tal-Finanzi. Infatti għas-sena 2002 ammont ta' Lm 906,920 ingħataw lill-Kalaxlokk, Kooperattiva Aluminium, Kooperattiva Mastrudaxxi u Malta Shipbuilding filwaqt li Lm 278,147.69 ingħataw Direct Orders lis-settur privat. Fir-rigward tas-sena 2003 kif mitlub fil-mistoqsija wieħed isib li lis-settur privat ingħataw b'Lm 123,739.09 Direct Orders, filwaqt li lill-kumpaniji tal-Gvern ingħataw b'kemm jiswew Lm 308,694.12 f'Direct Orders taħt l-arranġamenti imsemmija.
Bis-saħħa tar-regolamenti finanzjarji l-FTS kellha id-delega li tawtorizza xogħolijiet u ħlasijiet sa Lm 2500 kull ordni. Numru ta' Direct Orders li jaqbżu dan il-limitu ġew approvati mill-Finanzi.
Informat ukoll li l-ħlasijiet f'numru ta' Direct Orders għadhom qed jiġu kontestati mill-FTS innifisha filwaqt li oħrajn għadhom ma ġewx approvati mill-Finanzi.
Ġejt assigurat li l-ebda ħlas ma sar mill-FTS jekk ix-xogħol, il-kwantita' u l-kwalita' ma ġewx ċertifikati mill-Quantity Surveyor li iddikjara ukoll il-ħlas bħala ġust u raġjonevoli kif jitolbu ir-regolamenti.
Jista' il-Ministru jispjega kif ġara li numru mhux ħażin ta' riżultati tar-Reliġjon inħarġu ħażin u wara ilmenti ġew mibdula? Kemm kien hemm riżultati li ħarġu ħżiena minħabba xi żball tal-computer? Minbarra r-Reliġjon kien hemm suġġetti li fihom inbidlu r-riżultati? Liema kienu dawn is-suġġetti u kemm kienu l-każi?
Response (GALEA, LOUIS)
Nitlob l-Onor. Membru jispeċifika għall-liema eżami tar-Reliġjon qed jirreferi.
Eżamijiet SEC/MATSEC — Reviżjoni tal-karti ta' l-eżamijiet
Question
Jista' il-Ministru jgħid kemm kien hemm talbiet biex isiru reviżjoni tal-karti ta' l-eżamijiet tas-SEC u tal-MATSEC, kemm Intermedjarju kif ukoll Avvanzat, separatament fl-eżamijiet li saru f'Mejju/Ġunju? F'liema suġġetti? Kemm inbidlu riżultati?
Response (GALEA, LOUIS)
Qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.
Jista' il-Ministru jgħid kemm kien hemm studenti li qagħdu għar-resits ta' l-eżamijiet fil-livell tas-SEC u MATSEC, kemm Intermedjarju u Avvanzat, li saru fil-bidu ta' dan ix-xahar? Kemm qagħdu għal kull suġġett? Kemm għaddew minn kull suġġett?
Response (GALEA, LOUIS)
Qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra it-tagħrif mitlub.
Ministeru ta' l-Edukazzjoni — Ħatra ta' bordijiet u kummissjonijiet
Question
Jista' il-Ministru jgħid kemm inħatru bordijiet u kummissjonijiet li jaqgħu taħt id-dikasteru tiegħu minn April 2003 sal-lum? Minn min huma magħmula? Jista' jgħid jekk għandhomx xi honoraria u benefiċċji oħra u jgħid x'inhuma?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li minn April 2003 ġew maħtura dawn il-Bordijiet -
Kunsill Malti għax-Xjenza u t-Teknoloġija
Chairman
Is-Sur Peter Diacono
Membri
Prof. Joseph Micallef
Prof. Alex Felice
Prof. Peter Serracino Inglott
Prof. Juanito Camilleri
Dr. Janet Mifsud
Dr. Jonathan Borg
Is-Sur Brian St. John
Is-Sinjorina Claudine Cassar
Is-Sinjur Jacques Sciberras
Is-Sinjur Gordon Cordina
Is-Sinjur Antoine Riolo
Is-Sinjur Joe Zammit Tabona
L-Ing. Ray Muscat
Iċ-Chairman jieħu Lm1500 bħala ħlas fis-sena filwaqt li l-membri l-oħra ma jieħdu l-ebda ħlas.
Commonwealth Scholarships and Fellowship Board
Chairman
Is-Sur John Camilleri
Membri
Prof. Kenneth Wain
Dr. Ray Xerri
Dr. Simone Borg
Is-Sinjorina Yvonne Pulis
Is-Sinjorina Micheline Sciberras
Is-Sinjur Joseph Sammut
Is-Sinjorina Annabel Vassallo
Il-membri kollha ta' dan il-bord inkluż iċ-Chairman ma jieħdu l-ebda tip ta' honoraria u/jew benefiċċji.
Fondazzjoni għas-Servizzi Edukattivi
Chairman
Prof. Kenneth Wain
Membri
Is-Sinjorina Mary Rose Mifsud
Is-Sinjur Frans Borg
Is-Sinjura Salvina Muscat
Is-Sinjur Frank Mifsud
Is-Sinjur Ray Camilleri
Iċ-Chairman jirċievi ħlas ta' Lm1000 filwaqt li l-membri jieħdu Lm600 fis-sena.
Jista' il-Ministru jgħid jekk etiku li pesuna/i li huma uffiċjlai fl-istrutturi tal-Matsec (bħal Dr Charles Briffa) joħorġu kotba u pubblikazzjonijiet?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li skond il-kodiċi ta' l-imġieba professjonali akkademiċi (Ara: Code of Professional Academic Conduct, Universita' ta' Malta, 2002, p. 6) il-membri regolari ta' l-istaff akkademiku ta' l-Universita' ta' Malta għandhom, bħala parti integrali mid-dmirijiet tagħhom, jagħmlu ricerka. Barra minn hekk, kull membru akkademiku jrid kull sena jissottometti rapport għall-Performance Bonus li fih irid jgħid x'pubblikazzjonijiet ikun ħareg. Għaldaqstant, l-impjegati akkademiċi tal-Matsec għandhom dan id-dmir bħala parti integrali minn xogħolhom u allura m'hemm ebda nuqqas ta' etika.
Ta' min jinnota li huma l-panels tas-sillabi li jagħżlu x-xogħolijiet li jigu studjati għall-ezami u mhux l-uffiċjali tal-Matsec. Wara, dawn is-sillabi jgħaddu mill-Bord tal-Matsec u jmorru għall-approvazzjoni tas-Senat.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm kienu l-iskejjel indipendenti li nfurmaw lid-diviżjoni ta’ l-Edukazzjoni li se jgħollu l-miżati għas-sena skolastika li jmiss? Kemm kienu l-miżati s-sena li għaddiet għal kull skola separatament?
Response (GALEA, LOUIS)
Qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra it-tagħrif mitlub.
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 1001, jista' il-Ministru jgħid fiex waslet l-investigazzjoni dwar ħaddiema barranin li kienu qed jaħdmu ilegalment kif spjegat fl-istess mistoqsija?
Response (GALEA, LOUIS)
It-tagħrif mitlub għadu qed jinġabar, tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.
Jista' il-Ministru jgħid wara ċertu dikjarazzjonijiet li saru, x'inhi l-politika jew il-mira tal-gvern dwar il-cluster schools? Saru xi studji dwar dan?
Response (GALEA, LOUIS)
Fil-Programm Elettorali tal-Gvern, fil-qosor imma b'mod ċar, infissru l-miri ta' l-iżviluppi li qed naħdmu fuqhom biex intejjbu l-kwalita' ta' l-esperjenza edukattiva tal-poplu tagħna. Hemm ukoll ħjiel ċar tal-ħsieb tal-Gvern fid-Diskors tal-President fl-okkażjoni tal-ftuħ ta' dan il-Parlament.
F'dawn l-aħħar ġimgħat jiena mexxejt djalogu intern ma' l-ogħla awtoritajiet fil-Ministeru ta' l-Edukazzjoni bl-iskop li nevalwaw b'mod kritiku il-proposti tal-Gvern f'dan il-qasam. Dan id-djalogu tefa' dawl aktar ċar fuq id-diversi kwestjonijiet li jiġu analizzati biex jitfassal dokument li jservi ta' bażi għal djalogu nazzjonali li jkun jista b'mod jsir kemm jista' jkun informat.
F'dan il-proċess iridu jiġu eżaminati, fost kwestjonijiet ohra:-
1) X'mizuri jistgħu jittieħdu biex tigi eliminata l-frammentazzjoni fil-proċess edukattiv mill-eta' bikrija sat-temm ta' l-iskola sekondarja biex dan ikun wieħed progressivament kontinwu?
2) X'jista' jsir biex ikun hemm sens ta' ownership ta' dan il-proċess sħiħ u min ser ikun responsabbli għalih fil-livell ta' l-iskejjel?
3) X'tifsira ser nagħtu lill-awtonomija ta' l-iskejjel, x'timplika, u kif ser tiġi implimentata b'mod kontabbli u verifikabbli?
4) Xi skala ta' ekonomija hi meħtieġa biex jigi faċilitat dan l-iżvilupp? S'issa inħaseb il-kunċett ta' Schools Cluster. X'ifisser dan, u fil-prattika u loġistikament kif jista' jigi implimentat fil-kuntest tan-nisġa ta' skejjel pubbliċi li diga' għandna?
5) X'mizuri oħra jeħtieġ ikomplu jittieħdu biex il-miri tal-Kurrikulu Nazzjonali jintlaħqu bi kwalita aħjar fost l-usa firxa ta' tfal possibbli?
Bħalissa qed jigu riċerkati dawn u kwestjonijiet oħra. Il-ħsieb tiegħi hu li nsieħeb lil dawk kollha nvoluti w interessati, inkluż naturalment l-Oppożizzjoni, sa mill-bidu tal-proċess ta' djalogu biex dak li jiġi żviluppat ikun kemm jista' xogħol żviluppat kollettivament bl-aktar firxa ta' kunsens possibbli.
Edukazzjoni — Seniority ta' instructors u teachers
Question
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 1087 li saret lill-Prim Ministru u cioe' kif qed tinħadem is-seniority bejn l-instructors bil-permanent warrant u t-teachers fid-dipartiment ta' l-edukazzjoni billi issa ħafna minnhom qed jgħallmu fl-istess skejjel u l-istess suġġetti, jista' il-Ministru jgħid x'ħidma qed jagħmel il-ministeru tiegħu fir-rigward ta' l-instructors?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-prassi sal-lum hija li l-uffiċjali fil-grad ta' 'Teacher' huma senior għall-uffiċjali pubbliċi fil-grad ta' 'Instructor', irrispettivament minn jekk min hu instructor għandux warrant permanenti jew temporanju.
Huwa maħsub li jsiru diskussjonijiet mal-Unions konċernati sabiex jintlaħaq ftehim sodisfaċenti għal partijiet kollha.
Jista' il-Ministru jgħid jekk sarux it-tracer studies simili għal dak li kien sar fl-1999 dwar il-gradwati u n-nuqqas ta' xogħol fost il-gradwati? Jekk saru dawn it-tip ta' studji, jista' ipoġġi kopja fuq il-mejda tal-Kamra għas-snin 2001 u 2002?
Response (GALEA, LOUIS)
L-Istudents Advisory Service Unit fl-Universita' ta' Malta kien għamel studju estensiv dwar il-gradwati tas-sena 2000.
Ir-rapport 'A Study of the Outcome of Graduates 2000 in the Job Market' tlesta fl-Lulju 2001. Ir-rapport dettaljat ħafna kien ilaħħaq madwar 450 pagna. Ser ngħaddi kopja ta' l-Executive Summary lill-Onor. Membru għall-informazzjoni tiegħu.
Studju ieħor dwar il-gradwati tas-sena 2002 qiegħed fi stadju avvanzat qabel il-pubblikazzjoni fil-ġejjieni qrib.
Minħabba li numru ta' ġenituri semgħu li mhux se jiġi offrut is-suġġett tal-Home Economics fil-form 1 bħala option subject minkejja li uliedhom li jinsabu fil-year 6 għażluh, jista' il-Ministru jgħid jekk dan hux minnu jew le?
Jista' jgħid x'inhu l-ħsieb fuq il-Home Economics fil-livell sekondarju u jekk hemmx il-ħsieb li dan isir xi care subject?
Response (GALEA, LOUIS)
Ma hux minnu li l-Home Economics mhux ser jiġi offrut bħala option subject għal dawk li għażluh fil-Year 6 tal-Primarja.
F'dan l-istadju fil-livell sekondarju, il-ħsieb huwa li l-Home Economics jibqa' jiġi mgħallem kif kien matul dawn l-aħħar snin.
Jista' il-Ministru jgħid kemm daħlu studenti/adulti ġodda fl-MCAST f'din is-sena skolastika? B'kollox kemm hemm studenti/adulti jsegwu xi kors fl-MCAST?
Response (GALEA, LOUIS)
Peress li t-tagħrif mitlub għadu ma wasalx, nagħti tweġiba f'xi Seduta oħra.
San Pawl il-Baħar — Persuna li applikat biex tattendi kors ta' gwardjan privat
Question
Jista' il-Ministru jgħid għaliex il-persuna - isimha qed jintbagħat separatament - li applikat biex tattendi għall-kors ta' gwardjan privat organizzat mill-ETC ma ġietx aċċettata meta dan huwa persuna li kellu school leaving certificate ta' Furtu Selavtico school, Naxxar, 1987, u Żebbuġ secondary school sa mill-1990 wara li kien daħal hemmhekk fl-1988 u ċertifikat ieħor bħala school leaving certificate meta attenda fid-Danny Cremona school of agriculture, ta' Ħal Qormi bejn l-1991 u l-1992? Għaliex persuna bħal din ma ngħatatx iċ-ċans li ta' l-inqas tattendi l-kors?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li din il-persuna li dwarha qed issir din il-Mistoqsija Parlamentari, ma ġietx aċċettatha biex tattendi il-kors ta' Gwardjan Privat organizzat mill-Korporazzjoni tax-Xogħol u Taħriġ għaliex ma kelliex iċ-ċertifikati kif preskritt mill-Liġi. Dan kien ikkonfermat mill-istess persuna meta avviċina lill-uffiċjali tal-Korporazzjoni. F'ċirkostanzi bħal dawn ikun inutli li l-persuna tattendi għat-taħriġ la darba l-istess persuna ma tistax tieħu dan l-impjieg.
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari numru 224, jista' il-Ministru jgħid jekk ingħatax l-award tat-tender? Meta se jibda x-xogħol? Kemm se jiġi jiswa dan ix-xogħol? Jista' l-Ministru jipprovdi kopja tal-pjanti ta' kif ġej il-kumpless sportiv? Min se jkun responsabbli mix-xogħlijiet u meta hu maħsub li x-xogħol jitlesta?
Response (GALEA, LOUIS)
F'dan l-istadju m'għandi xejn x'inżid mat-tweġiba oriġinali.
Peress li bħalissa t-trasport għall-iskejjel sekondarji wara l-iskola mhux qed jopera, u allura qed jikkawża ħafna nkonvenjenti kemm għall-istudenti li ħafna minnhom jimxuha sad-dar kif ukoll għall-ġenituri tagħhom, jista' il-Ministru jara li tinsab soluzzjoni jew alternattiva sabiex jiġi eliminat dan l-inkonvenjent?
Response (GALEA, LOUIS)
Il-Mistoqsija għandha ssir lill-Ministru għal Għawdex.