Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 10 PQ #9871 Sitting 219 2005-01-12 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru ta' l-Affarijiet Barranin

Federazzjoni Russa — Ambaxxatur għal Malta

Question

Jista' il-Ministru jgħid min se jinħatar bħala Ambaxxatur għal Malta fil-Federazzjoni Russa wara li Dr. J. Cassar ġie maħtur ambaxxatur fil-Libja?

Response (FRENDO, MICHAEL)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jirreferi għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari numru 9870.
Leg 10 PQ #9872 Sitting 219 2005-01-12 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru ta' l-Affarijiet Barranin

Presidenti/Prim Ministri barranin — Żjarat f'Malta

Question

S'issa kemm hemm żjarat fostna konfermati ta' Presidenti u Prim Ministri barranin għal matul is-sena l-ġdida? Liema huma u meta mistennija jsiru? Dan apparti mis-summit tac-CHOGM.

Response (FRENDO, MICHAEL)

Sa' issa ż-żjarat konfermati ta' Presidenti u/jew Prim Ministri huma tnejn: il-President ta' Ċipru u l-President ta' l-Italja. Iż-żewġ żjarat mistennija jsiru fl-ewwel nofs ta' din is-sena. Dawn apparti mis-Summit taċ-CHOGM.
Leg 10 PQ #9886 Sitting 219 2005-01-12 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru ta' l-Affarijiet Barranin

President tar-Repubblika — Żjarat barra l-pajjiż

Question

Jista' il-Ministru jgħid xi żjarat formali/uffiċjali għandu ppjanati barra l-pajjiż il-President tar-Repubblika matul din is-sena l-ġdida?

Response (FRENDO, MICHAEL)

Sa issa, l-President ta' Malta għandu żjara uffiċċjali waħda ppjanata għal matul l-2005.
Leg 10 PQ #9868 Sitting 218 2005-01-11 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru ta' l-Affarijiet Barranin

Ambaxxati

Question

Matul is-sena 2005, jista' il-Ministru jgħid xi pjani għandu l-gvern dwar ftuħ u/jew għeluq ta' ambaxxati apparti mill-għeluq ta' dik ġewwa l-Ungerija?

Response (FRENDO, MICHAEL)

Nirreferi l-Onorevoli Interpellant għall-Mistoqsija Parlamentari 8699.
Leg 10 PQ #9869 Sitting 218 2005-01-11 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru ta' l-Affarijiet Barranin

CHOGM — Commonwealth summit

Question

S'issa l-kumitat bi tħejjija għas-CHOGM summit ta' Malta tal-Commonwealth li ġie maħtur mill-Gvern Malti kemm-il darba ltaqa'? Kemm saru liaison meetings ma' l-uffiċjali tal-Commonwealth?

Response (FRENDO, MICHAEL)

Dan il-Kumitat iltaqa' erba' darbiet fuq livell plenarju. Saru diversi laqgħat oħra fuq livell ta' Working Groups fuq suġġetti speċifiċi. Sa' issa saru sitt laqgħat ma' uffiċċjali tal-Commonwealth.
Leg 10 PQ #9870 Sitting 218 2005-01-11 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru ta' l-Affarijiet Barranin

Ambaxxatur Malti għall-Ingilterra

Question

Jista' il-Ministru jgħid meta mistennija titħabbar il-ħatra ta' l-ambaxxatur ġdid ta' Malta għall-Ingilterra? Min se tkun il-persuna nominata mill-Gvern Malti?

Response (FRENDO, MICHAEL)

Din id-deċiżjoni ser titħabbar flimkien ma' ħatriet ta' ambaxxaturi oħrajn.
Leg 10 PQ #9714 Sitting 213 2004-12-16 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru ta' l-Affarijiet Barranin

Tradutturi Maltin impjegati ma' l-Unjoni Ewropea

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm tradutturi Maltin li bħalissa huma impjegati ma’ l-Unjoni Ewropeja? Kif inhuma mqassma fit-taqsimiet differenti ta’ l-UE? Jista' jgħid min huma dawn it-tradutturi u meta ġew impjegati kull wieħed u waħda minnhom?

Response (FRENDO, MICHAEL)

Ir-reklutaġġ ta' l-impġjegati ta' l-Unjoni Ewropea hija r-responsabbilita' tal-European Communities Personnel Selection Office (EPSO) fi ħdan l-Unjoni Ewropea u mhux tal-Gvern Malti. Jiena nfurmat li fl-14 ta' Diċembru 2004 kien hemm 52 traduttur Malti mpjegat ma xi Istituzzjoni Ewopea: Kunsill - 6 tradutturi u l-Head of Unit tagħhom 3 Avukati-Lingwisti Kummissjoni - 21 tradutturi assistenti (7 minnhom impjegati fil-field office Malta) 1 Avukat-Lingwist Parlament - 6 tradutturi assistenti 2 Avukati-Lingwisti Qorti tal-Ġustizzja - 7 Avukati-Lingwisti u l-Head of Unit tagħhom Qorti ta' l-Awdituri - 4 tradutturi

Emigranti Maltin — Awstralja

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'passi ttieħdu u x'laqgħat u inizjattivi ta' tagħrif biex l-emigranti Maltin fl-Awstralja jingħataw spjegazzjoni dettaljata ta' kif se jintlaqtu mill-aħħar ftehim iffirmat bejn il-gvernijiet ta' Malta u l-Awstralja fil-qasam tal-ħarsien soċjali?

Response (FRENDO, MICHAEL)

Ninsab infurmat li fis-16 ta' Ġunju ta' din is-sena ġie ffirmat Ftehim Reċiproku rivedut dwar is-Sigurta' Soċjali bejn Malta u l-Awstralja. Dan l-iffirmar huwa biss pass ieħor fil-proċeduri meħtieġa biex dan il-Ftehim Reċiproku Rivedut jieħu s-sura legali tiegħu u effettivament jibda jseħħ. Infatti, wara l-iffirmar tal-Ftehim bejn iż-żewġ pajjiżi jibqa' pass ieħor importanti, dak li dan il-Ftehim Rivedut jiġi ratifikat mill-Parlament taż-żewġ pajjiżi kkonċernati. Huwa biss meta jiġi ratifikat mill-Parlament taż-żewġ pajjiżi li dan il-Ftehim Reċiproku Rivedut jista' jibda jitħaddem. Fil-jum ta' l-iffirmar tal-Ftehim Reċiproku Rivedut msemmi, kienet ħarġet stqarrija għall-istampa f'Malta li tagħti stampa tajba tal-kontenut tal-Ftehim Reċiproku rivedut kif ukoll ir-reazzjoni taż-żewġ Gvernijiet. Ta' min jgħid li ħarġet stqarrija oħra mill-Kummissjoni Għolja Maltija f'Kanberra fit-2 ta' Settembru 2004 li kienet tinkludi ukoll l-istqarrija maħruġa f'Malta. Irid jingħad li fil-proċess li wassal għal Ftehim Reċiproku Rivedut, il-Gvern Malti sema' l-fehmiet u s-suġġerimenti ta' dawk il-persuni jew għaqdiet kemm f'Malta kif ukoll fl-Awstralja li wasslu dawn il-fehmiet u suġġerimenti, jew direttament, jew permezz ta' xi Għaqda li tirrapreżenta lill-Maltin ta' l-Awstralja jew permezz tal-Kummissjoni Għolja Maltija fl-Awstralja. Dwar il-pubblikazzjoni uffiċċjali tal-Ftehim tajjeb li wieħed jgħid li peress li l-Ftehim għad irid ikun ratifikat mill-Parlamenti taż-Żewġ pajjiżi, id-Dipartiment tas-Sigurta Soċjali f'Malta mhux f'qagħda li jippublika dan il-Ftehim. Appena jintemmu l-proċeduri kollha meħtieġa dan il-Ftehim jiġi ppublikat uffiċċjalment, jiġifieri jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra u sussegwentament jiġi ppubblikat fil-Gazzetta tal-Gvern. Jiena nfurmat ukoll li l-Gvern Awstraljan qed jittama li l-proċeduri Parlamentari meħtieġa minn naħa tiegħu jitlestew sa Lulju tas-sena d-dieħla. F'dan l-istadju ssir ukoll kampanja ta' tagħrif għall-emigranti Maltin.

PBS — Programmi ta' aħbarijiet

Question

Meta se jittieħdu l-passi meħtieġa biex il-programmi ta' l-aħbarijiet mill-PBS jintbagħtu fil-ħin biex jintwerew fuq SBS television għax mhux l-ewwel darba li fil-ħin li suppost jintwerew ma jixxandar xejn għax il-programm ma jkunx wasal u b'hekk il-Maltin minbarra nuqqas ta' tagħrif dwar pajjiżhom iħossuhom ridikolati ħdejn gruppi etniċi oħra li jkollhom regolarment il-programmi tagħhom fuq SBS television?

Response (FRENDO, MICHAEL)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jagħmel il-Mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.
Leg 10 PQ #9703 Sitting 212 2004-12-15 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru ta' l-Affarijiet Barranin

Konvenzjonijiet tal-Kunsill ta' l-Ewropa

Question

X'inhi r-raġuni li Malta għandha għadd kbir ta' protokolli u konvenzjonijiet tal-Kunsill ta' l-Ewropa x'tirratifika? Meta beħsiebha tagħmel dan?

Response (FRENDO, MICHAEL)

Qabel tiġi ratifikata Konvenzjoni, għandhom jittieħdu dawn il-miżuri, fosthom: 1. Studju ta' l-obbligi li jinsabu taħt il-Konvenzjonijiet jew Protokolli; 2. Dan l-istudju jinkludi fih eżami tal-liġijiet nazzjonali li huma neċessarji sabiex jiġu implimentati u infurzati l-obbligi msemmija hawn fuq; 3. Dan l-eżerċizzju isir mill-Ministeru ta' l-Affarijiet Barranin, flimkien mal-Ministeri, b'mod partikolari ma' l-uffiċċju ta' l-Avukat Ġenerali, li huma responsabbli għall-implimentazzjoni ta' l-obbligi li jinsabu taħt il-Konvenzjonijiet u l-Protokolli; 4. Iridu jiġu studjati wkoll l-obbligi finanzjarji li jidħlu fis-seħħ għal Malta meta tirratifika Konvenzjonijiet u Protokolli. Għaldqastant jidher ċar illi il-proċess sabiex Malta tirratifika u ssir Membru ta' dawn il-Konvenzjonijiet u Protokolli huwa wieħed intensiv u li għalih hemm bżonn ċertu żmien. Barra min hekk bħalissa diversi Ministeri kkonċernati qegħdin jadottaw il-proċess hawn fuq imsemmi fuq ħdax-il Konvenzjoni u Protokolli. Malta irratifikat 72 protokoll u/jew konvenzjoni tal-Kunsill ta' l-Ewropa mill-Indipendenza l'hawn. Fis-snin bejn l-1998 u l-2003, Malta ratifikat 16-il konvenzjoni u/jew protokoll. Fis-snin bejn 1996 u 1998, Malta ratifikat protokoll/konvenzjoni waħda.
Leg 10 PQ #9704 Sitting 212 2004-12-15 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru ta' l-Affarijiet Barranin

Working Group — Israeli/Palestinian Conflict

Question

Jista' i-Ministru jikkonferma li l-Ministeru waqqaf working group on the Israeli/Palestinian conflict? Jekk iva min huma l-membri tiegħu u min huwa c-chairman tal-grupp? Dawn il-laqgħat ġieli jinkludu teleconferencing?

Response (FRENDO, MICHAEL)

Il-Ministeru tiegħi dan l-aħħar waqqaf diversi working groups u fosthom hemm working group on the Israeli/Palestinian Conflict. Iċ-Chairman ta’ dan il- working group huwa s-Sur Victor Camilleri, Ambaxxatur u Rappreżentant Permanenti għall-Gnus Magħquda filwaqt li l-membri huma l-Professur Henry Frendo, Dr Abraham Borg, is-Sur John Inguanez u s-Sur Pierre Mallia. Iċ-Chairman u l-membri kollha tal-Working Group qegħdin jagħtu s-servizz tagħhom bla ebda remunerazzjoni. Dan japplika partikolarment għal Professur Henry Frendo billi ċ-Chairman u l-membri l-oħra huma ngaġġati fulltime mal-Ministeru. Dan il-Working Group twaqqaf fl-20 ta' Settembru 2004. Twaqqaf ukoll WTO working group u working group on International Candidatures. Il-Working Group dwar WTO twaqqaf fl-1 ta' Ottubru 2004 u qed jitmexxa miċ-Chairman u Ambaxxatur Saviour Borg. Bħala membri u rapprezentanti tal- Ministeru ta' l-Affarijiet Barranin hemm Charles Galea u Vannessa Camilleri, mill-Ministeru tal-Finanzi, is-Sur Joe Rapa, mill-MFSA, Dr David Fabri, mill-Ministeru għall-Kompetittivita' u l-Komunikazzjoni, is-Sur Godwin Warr, u mill-Ministeru għall-Ambjent u l-Affarijiet Rurali, is-Sur Martin Bugelli. Il-Working Group on International Candidatures twaqqaf fit-28 ta' Settembru 2004 u għandu bħala Chairman lill- Ambaxxatur Walter Balzan. Il-membri huma, id-Direttur tad-Dipartiment ta' l-Affarijiet Multilaterali fil-Ministeru ta' l-Affarijiet Barranin jew Rapprezentant tiegħu, id-Direttur ta' Relazzjonijiet Bilaterali fil-Ministeru ta' l-Affarijiet Barranin jew Rapprezentant tiegħu, l-Ambaxxatur Salvinu Busuttil, l-Ambaxxatur John Lowell, l-Ambaxxatur Victor Camilleri, u lis-Sur Paul Radmilli bħala segretarju. It-terms of reference tad-WTO Working Group huma: i. discuss and resolve WTO issues, particularly those impinging on Maltese interests; ii. assume responsibility for inter-Ministerial coordination; iii. prepare briefs and working documents for policy decisions required for, inter alia , COREPER and GAERC meetings (policy decisions would obviously still require endorsement at a political level); iv. report on matters that require line-Ministry technical expertise; v. liaise with other officials in other Ministries and arrive at one consolidated decision. vi. monitor all proceedings and decisions taken within WTO and the EU, and highlight those issues of direct relevance to Malta It-terms of reference tal-working group on International Candidatures huma: i. identify which posts are available in each organisation (other than European Union), including those that are to become available twelve months in the future ii. liaise with MFA officials and in particular the MFA secretariat with a view to identifying Maltese individuals who are suitable for, and interested in these positions iii. co-ordinate its work systematically, regularly and effectively with other parties interested in candidatures for the international organisations while keeping a central role in managing this important sector iv. lobby effectively, in conjunction with Malta’s missions abroad, the states, organisations, individuals and/or other entities who have influence and/or voting rights in connection with each position as and when it becomes available v. recommend to the Minister which of those candidates promoted by other states Malta should support both as a quid pro quo or for other unrelated reasons vi. maintain an up-to-date and user friendly database that monitors and tracks accurately and comprehensively both the progress of each individual Maltese candidate and which foreign candidates Malta has supported in return vii. establish a computerised catalogue of the vacancy notices issued by the main International Organisations that records some of the mains eligibility requirements for each vacancy notice, profession, previous experience, languages, academic qualifications etc viii. suggest and, where necessary, implement new and innovative strategies designed to increase Malta’s effectiveness in promoting our candidates in International Organisations other than the European Union Dawn il-Working Groups jintegraw aktar uffiċjali li qed iservu barra minn Malta fix-xogħol tal-Ministeru u wkoll jieħdu benefiċċju minn expertise ta’ persuni li ma jiffurmawx parti mill-Ministeru. Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li fil-fatt saret laqgħa li inkludiet teleconferencing
Leg 10 PQ #9708 Sitting 212 2004-12-15 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru ta' l-Affarijiet Barranin

Riformi tal-Ġnus Magħquda

Question

X'kienet ir-rejazzjoni tal-Gvern Malti għall-proposti ta' riformi tal-Ġnus Magħquda li tħejjew dan l-aħħar mill-working group maħtur minn Kannan?

Response (FRENDO, MICHAEL)

Ir-Rapport tal-working group li qed jirreferi għalih l-Onorevoli Interpellant, fih 101 rakkomandazzjonijiet dwar proposti ta' riformi li jolqtu diversi aspetti fis-sistema tal-Ġnus Magħquda, fosthom sigurta', d-drittijiet tal-bniedem, l-iżvilupp, s-saħħa u għajnuna umanitarja. Ir-rapport jinkludi wkoll rakkomandazzjonijiet għal tibdil f'organi prinċipali tal-Ġnus Magħquda, inkluż riformi fil-Kunsill tas-Sigurta'. Is-Segretarju Ġenerali Annan bi ħsiebu juża r-rakkomandazzjonijiet li hemm, kemm f'dan ir-rapport, kif ukoll f'rapporti oħra li ħerġin dalwaqt, biex f'Marzu tal-2005 iressaq proposti għall-aġenda għas-Summit li ser isir f'Settembru 2005, f'għeluq il-ħames sena mill-adozzjoni tal-Millenium Declaration tal-Ġnus Magħquda. Il-Gvern Malti jilqa b'sodisfazzjon din l-inizjattiva tas-Segretarju Ġenerali li għandha l-għan li l-Ġnus Magħquda tissaħħaħ fil-ħidma tagħha. Fil-prinċipju il-Gvern jaqbel ħafna mal-mod kif ir-rapport tal-High Level Panel jemfasizza l-importanza tal-multilateraliżmu fir-relazzjonijiet internazzjonali, u jinsisti fuq ir-rabta intima li hemm bejn aspetti ta' sigurta' u aspetti ta' żvilupp. Fl-istess ħin il-Gvern iħoss li għadu kmieni sabiex jirreaġixxi b'mod speċifiku għad-diversi rakkomandazzjonijiet importanti u interessanti magħmula f'dan ir-Rapport. Għaldaqstant il-Gvern Malti qed jeżamina dawn ir-rakkomandazzjonijiet u qed isegwi mill-qrib u jieħu sehem fil-laqgħat u diskussjonijiet li qegħdin jinżammu fl-ibliet kapitali fejn hemm preżenti l-Ġnus Magħquda fosthom fi New York, f'Ġinevra u Vjenna. Tajjeb li jingħad ukoll li r-Rappreżentanti Maltin qegħdin wkoll jieħdu sehem fid-diskussjonijiet li qegħdin isiru fi ħdan l-Unjoni Ewropea.
Leg 10 PQ #9325 Sitting 204 2004-12-09 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru ta' l-Affarijiet Barranin

Ministeru ta' l-Affarijiet Barranin — Pagamenti

Question

Jista' il-Ministru jagħtini breakdown ta' kemm hi ċ-ċifra ta' flus globali f'pagamenti li l-Ministeru u d-dekasteri li jaqgħu taħtu għandhom iħallsu fil-preżent? Kemm hi l-parti li trid titħallas mill-voti ta' l-estimi tas-sena d-dieħla minħabba li vot allokat għal din is-sena diġa' spiċċa?

Response (FRENDO, MICHAEL)

Il-ħlas ta' pagamenti huwa proċess kontinwu fejn t-Teżor jipproċessa pagamenti mgħoddija lilu mid-diversi Ministeri u Dipartimenti u għaldaqstant biex wieħed ikollu stampa korretta ta' l-ammonti pendenti irid isir il-proċess ta' l-estimi supplimentari ta' kull Ministeru u Dipartimenti f'nofs Diċembru. Wara li tagħlaq is-sena ikun magħruf jekk u kemm kontijiet ma tħallsux sa l-aħħar ta' Diċembru u li għaldaqstant ikunu ser jitħallsu fis-sena l-ġdida. Il-politika tal-Gvern hi li ma jiġux eċċeduti il-fondi pprovduti fl-estimi u qed isir kull sforz ma' kull Dipartiment biex ma jitħallewx pagamenti pendenti ta' xogħol magħmul jew servizzi mogħtija.
Leg 10 PQ #9549 Sitting 203 2004-12-07 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru ta' l-Affarijiet Barranin

Konvenzjonijiet u protokolli tal-Kunsill ta' l-Ewropa

Question

Kemm hemm u liema huma dawk il-konvenzjonijiet u protokolli tal-Kunsill ta' -Ewropa li għadhom ma ġewx ratifikati mill-Parlament Malti?

Response (FRENDO, MICHAEL)

B'referenza għall-mistoqsija numru 9549, nixtieq ninforma lill-Onorevoli Interpellant li hemm 123 Trattat tal-Kunsill ta' l-Ewropa li ma ġiex irratifikat minn Malta. Kopja tal-lista ta' dawn il-123 Trattat hija hawnhekk mehmuża.
Leg 10 PQ #9019 Sitting 200 2004-12-06 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru ta' l-Affarijiet Barranin

Ambaxxati Maltin — Ħaddiema locally engaged

Question

Jista' il-Ministru jinformani kemm jimpjegaw persuni locally engaged il-missjonijiet ta' Malta f'Ruma, f'Berlin u fi Strasbourg? F'liema kariga u kemm minnhom ġew impjegati fis-snin 2003 u 2004 rispettivament?

Response (FRENDO, MICHAEL)

L-Ambaxxata ta’ Malta f’Berlin timpjega 7 locally engaged personnel (LEPs) (2 bhala clerk typist, 1 clerk typist/translator, 1 PRO/translator, 1 segretarja, 1 messaggier/xufier, u 1 messaggier/cleaner). Hadd minn dawn ma gie mpjegat fl-2003 u fl-2004. L-Ambaxxata ta’ Malta f’Ruma timpjega 6 LEPs full time (1 fil-grad ta’ Clerical Officer, 4 fil-grad ta’ clerk typist u 1 bhala xufier/messaggier). Timpjega ukoll 3 sefturi part-time. Hadd minn dawn il-locally engaged staff ma gie impjegat fis-snin 2003 u fl-2004. Ir-Rapprezentanza ta’ Malta fi Strasbourg timpjega seftura part-time. L-ebda persuna ma giet impjegata fl-2003 u fl-2004.
Leg 10 PQ #9021 Sitting 200 2004-12-06 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru ta' l-Affarijiet Barranin

Rappreżentant permanenti Malti fi Brussell

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm hu l-ammont totali ta' salarju f'liri Maltin u Euros, tad-dħul tar-rappreżentant permanenti Malti fi Brussell kull sena u x'benefiċċji oħra jitħallas?

Response (FRENDO, MICHAEL)

Nitlob lill-Onorevoli Membru jirreferi għall-Mistoqsijiet Parlamentari numri 4899, 5805 u 7107
Leg 10 PQ #9022 Sitting 200 2004-12-06 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru ta' l-Affarijiet Barranin

Ministeru ta' l-Affarijiet Barranin — Diplomatiċi

Question

Jikkonferma l-Ministru li l-gvern se jtemm il-kuntratt ta' diversi diplomatiċi li daħlu fil-ministeru qabel l-elezzjoni tas-sena 2003? Jista' jinformani min huma dawn id-diplomatiċi li se jintemmilhom il-kuntratt?

Response (FRENDO, MICHAEL)

Ma hemm l-ebda pjan li jintemmu xi kuntratti li qegħdin fis-seħħ. Jekk l-Onorevoli Interpellant jista jkun aktar speċifiku nista anke nagħtih tagħrif dwar xi każijiet speċifiċi li jista jkollu f'moħħu.
Leg 10 PQ #9023 Sitting 200 2004-12-06 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru ta' l-Affarijiet Barranin

Ambaxxata Maltija f'Pariġi — Mera

Question

Jista' il-Ministru jinformani jekk il-mera rococo mislufa mill-Mużew Malti lill-Ambaxxata ta' Pariġi hijiex inkluża fl-inventarju ta' l-ambaxxata jew tar-residenza ta' l-Ambaxxatur? Jista' jinformani x'inhu l-iskop tal-gvern li oġġetti mill-mużew Malti jittieħdu għal dan il-għan?

Response (FRENDO, MICHAEL)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għall-Mistoqsija Parlamentari numru 3977. Il-prattika li oġġetti mill-Mużew Nazzjonali ta' l-Arti jissellfu lill-Ambaxxati ilha tiġi segwita għal żmien twil minn Gvernijiet differenti bl-iskop li l-Ambaxxati u/jew ir-residenzi uffiċċjali ta' l-Ambaxxaturi ta' Malta jagħtu l-aħjar immaġini ta' pajjiżna..