Legislature:
Category:
Reset
Active:

Rotta 72 – l-aħħar vjaġġ

Question

Jista’ l-Ministru jgħid sarx l-aħħar vjaġġ tal-karozza tal-linja numru 72 għall-Qrendi li suppost kellha titlaq mill-Belt għall-ħabta tal-10.25pm, il-Ħadd 25 ta’ Settembru 2016?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-vjaġġ li kien skedat li jsir fl-10:25 ta’ filgħaxija fuq ir-rotta 72 nhar il-25 ta’ Settembru 2016 ma sarx. Transport Malta qed tinvestiga r-raġuni għalfejn dan il-vjaġġ ma sarx.

Rotta 72 – ħinijiet tal-vjaġġi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’ħin effettivament telqu l-vjaġġi tal-karozza tal-linja numru 72 mill-Qrendi matul in-nofstanhar ta’ filgħodu tal-Ħamis 29 ta’ Settembru 2016?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba hija hekk kif ġej: Data Rotta Numru tal-Vettura Numru tal-Bus Stop Skeda Hin ta' Tluq 29/09/2016 72 163 Qrendi 05:22 05:23 29/09/2016 72 637 Qrendi 05:42 05:42 29/09/2016 72 173 Qrendi 06:02 06:01 29/09/2016 72 86 Qrendi 06:22 06:23 29/09/2016 72 163 Qrendi 06:42 06:44 29/09/2016 72 180 Qrendi 07:02 07:10 29/09/2016 72 173 Qrendi 07:22 07:22 29/09/2016 72 86 Qrendi 07:42 07:57 29/09/2016 72 135 Qrendi 08:02 08:07 29/09/2016 72 163 Qrendi 08:22 08:47 29/09/2016 72 133 Qrendi 08:42 09:14 29/09/2016 72 637 Qrendi 09:02 09:10 29/09/2016 72 135 Qrendi 09:22 09:27 29/09/2016 72 138 Qrendi 09:42 09:58 29/09/2016 72 163 Qrendi 10:02 29/09/2016 72 637 Qrendi 10:22 10:24 29/09/2016 72 173 Qrendi 10:42 10:51 29/09/2016 72 138 Qrendi 11:02 11:10 29/09/2016 72 135 Qrendi 11:22 29/09/2016 72 163 Qrendi 11:42 11:43 29/09/2016 72 637 Qrendi 12:02 12:02 Il-vjaġġ li kien skedat li jsir bil-karozza tal-linja bin-numru BUS163, fl-10:02 ta filgħodu ma bediex mill-Qrendi iżda beda mill-Imqabba. Dan ġara minħabba li l-karozza tal-linja li kellha tagħmel dan il-vjaġġ kienet tard bejn ħmistax u għoxrin minuta. Il-vjaġġ ta warajha, jiġifieri tal-10:22 kien fil-ħin. Minħabba dan kien sejjer inkun hemm żewġ karozzi tal-linja fuq l-istess rotta fl-istess ħin ġewwa l-Qrendi. Il-karozza tal-linja bin-numru BUS135 fi triqitha biex tibda il-vjaġġ tagħha mill-Qrendi kienet involuta f’inċident tat-traffiku u għaldaqstant il-vjagg li kien skedat li jibda fil-11:22 ta’ filgħodu ma sarx.

Rotta 72 – ħinijiet tal-vjaġġi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’ħin effettivament telqu l-vjaġġi tal-karozza tal-linja numru 72 mill-Qrendi matul in-nofstanhar ta’ filgħodu tal-Erbgħa 28 ta’ Settembru 2016?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba tinstab fit-tabella t’hawn taħt: Data Rotta Numru tal-Vettura Numru tal-Bus Stop Skeda Hin tat-Tluq 28/09/2016 72 174 Qrendi 05:22 05:22 28/09/2016 72 142 Qrendi 05:42 05:43 28/09/2016 72 152 Qrendi 06:02 06:02 28/09/2016 72 104 Qrendi 06:22 06:24 28/09/2016 72 174 Qrendi 06:42 06:52 28/09/2016 72 110 Qrendi 07:02 07:02 28/09/2016 72 152 Qrendi 07:22 07:28 28/09/2016 72 104 Qrendi 07:42 08:12 28/09/2016 72 151 Qrendi 08:02 08:09 28/09/2016 72 104 Qrendi 08:22 08:13 28/09/2016 72 84 Qrendi 08:42 28/09/2016 72 142 Qrendi 09:02 09:27 28/09/2016 72 151 Qrendi 09:22 09:31 28/09/2016 72 104 Qrendi 09:42 09:50 28/09/2016 72 178 Qrendi 10:02 10:04 28/09/2016 72 142 Qrendi 10:22 10:32 28/09/2016 72 84 Qrendi 10:42 10:53 28/09/2016 72 104 Qrendi 11:02 11:07 28/09/2016 72 151 Qrendi 11:22 12:45 28/09/2016 72 178 Qrendi 11:42 12:31 28/09/2016 72 142 Qrendi 12:02 12:06 Ta’ min wieħed jinnota li l-vjaġġ li kien skedat li jsir fl-08:42 ta’ filgħodu ma bediex mill-Qrendi kif ippjanat iżda beda minn lokalita’ oħra. Qiegħed jiġi nvestigat x’wassal għal dan kemm mill-operatur tat-Trasport Publiku kif ukoll minn Transport Malta.

Buġibba Qawra – traffic lights

Question

Billi jidher li t-traffic lights li kien hemm fid-daħla ta' Buġibba Qawra ser ikomplu jistennew biex jerġgħu jiġu mwaħħla f'posthom, bl-iskuża li issa minflok it-traffic lights hemm stop sign, jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar meta, u minn min ittieħdet id-deċiżjoni li dawn l-istess lights jinqalgħu minn posthom? X'kienet ir-raġuni li għaliha dawn il-lights inqalgħu?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi din il-materja ġiet diskussa fil-Kumitat tal- Immaniġġjar tat-Traffiku u ġie maqbul li l-Stop Sign huwa s-sinjal ideali fiċ-ċirkustanza. Bl-installazzjoni ta’ traffic lights f’din il-junction se jiġi mponut dewmien iktar għal dawk li jridu joħorġu mill-Coast Road, kif ukoll ta’ dawk li ġejjin mir-roundabout tal-Erba’ Mwieżeb, b’konsegwenza ta’ konġestjoni f’din it-triq arterjali.

Coast Road — dwal

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar meta hu mistenni li jiġu stallati d-dwal li suppost twaħħlu fit-Triq il-Kosta (fuq wara tal-ground tas-Sirens), fejn hemm triq prinċipali, u żewġ bus stops li minnhom jirkbu u jinżlu numru kbir ta' persuni, u li biex dawn il-persuni jaslu sal-bus stop iridu jaqsmu triq prinċipali bil-perikli kollha li dan iġib miegħu?

Response (MIZZI, JOE)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jispeċifika għal xhiex qed jirreferi, cioe’ jekk hux għal dwal fit-triq jew pelican lights.

Fondi tal-Unjoni Ewropea — Finanzjament għall-bini jew rranġar ta’ toroq li jgħaqqdu rħula ma’ xulxin

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk Transport Malta hux mistennija li titlob finanzjament għall-bini jew irranġar ta' toroq minn fondi tal-Unjoni Ewropea, għal dak li jirrigwarda toroq li jgħaqqdu rħula ma' xulxin, minkejja li dawn mhumiex toroq arterjali jew distributorji? Jekk iva, liema talbiet saru sa issa għal tali finanzjament?

Response (MIZZI, JOE)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi l-Mistoqsija Parlamentari lill-Ministru kkonċernat.

Baħrija – Triq Gwiedi — xogħlijiet

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 27966, jista’ l-Ministru jgħid jekk Triq Gwiedi fil-Baħrija taqax taħt ir-responsabiltà ta' Transport Malta jew tal-Kunsill Lokali?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li din it-triq ma taqax taħt ir-responsabbilta’ ta’ Transport Malta.

Kumpanija – permess għal carwash

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk kumpanija li għandha permess għal kiri ta' karozzi jinkludix fih awtomatikament permess għal carwash fl-istess proprjeta?

Response (MIZZI, JOE)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi l-Mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.

Kennedy Grove – triq imħarbta – tarmak — xogħlijiet

Question

B'referenza għar-risposta ta' mistoqsija parlamentari 28154, jista' l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tar-rapporti tal-analiżi dettaljata li hemm riferenza għalihom fir-risposta għal dik l-istess domanda? Jista' jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-perimetri msemmija fl-istess risposta?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba hija wisq voluminuża sabiex tiġi ppreżentata għax tkopri l-informazzjoni kollha fl-istadju ta’ ppjanar tal-proġett. Madanakollu, qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-pjanta bażika li turi l-perimitri tal-proġett.

Transport Malta — Direttorat tal-Avjazzjoni Ċivili u Direttorat tal-Portijiet u Yachting – safar fuq xogħol uffiċjali

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm sar safar fuq xogħol minn uffiċjali fi ħdan id-Direttorat tal-Avjazzjoni Ċivili u d-Direttorat tal-Portijiet u Yachting fi ħdan Transport Malta, f’dawn l-aħħar 12-il xahar u sa meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Fir-risposta li se jagħti, jista’ jagħti l-isem u l-kunjom tal-uffiċjal li jkun siefer, il-grad, id-Direttorat li jaħdmu fih, id-destinazzjoni tas-safra, id-dati tat-tluq u tar-ritorn, l-ispiża totali inklużi l-biljetti tal-ajru, l-allowances u r-raġuni għal tali safra?

Response (MIZZI, JOE)

L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra. Dan is-safar sar kollu skont l-eżiġenzi tax-xogħol tad-Direttorati nvoluti kif ukoll skont budgets approvati u policies stabbiliti.

Transport Malta – moviment ta’ ħaddiema

Question

Jista’ l-Ministru jelenka l-moviment ta' ħaddiema ta' Transport Malta, mill-1 ta' Marzu 2014 sat-30 ta' Settembru 2016? Fl-informazzjoni mitluba, jista’ jinkludi l-isem u l-kunjom tal-ħaddiem involut, il-grad u d-direttorat fejn kien qabel l-1 ta' Marzu 2014, il-grad u direttorat fit-30 ta' Settembru 2016, ir-raġuni għall-ingaġġ ġdid (jekk hux promozzjoni, trasferiment orizzontali, irtirar bl-età jew riżenja)?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li mid-data msemmija kien hemm dawn il-movimenti ta’ ħaddiema fi ħdan Transport Malta: - 103 promozzjoni li fosthom imtlew pożizzjonijiet li kienu vakanti minħabba riżenji jew irtirar; - 41 ċaqlieq laterali minn direttorat għall-ieħor skont l-esiġenzi tax-xogħol jew fuq talba tal-istess impjegat; - 26 terminazzjoni t’impjieg (riżenji u rtirar)

Persuni parti mill-1718 – tindif f’inħawi privati

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk il-persuni li huma parti mill-1718, fil-fatt jintbagħtux inaddfu proprjetajiet li huma fil-privat? Jekk iva, liema inħawi fil-privat ġew imnaddfa matul dawn l-aħħar ġimgħat? X’tindif sar?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li mhux il-prassi li jsir tindif f’żoni ta’ sidien privati. Qed isiru arranġamenti mal-Awtorita’ tal-Ippjanar sabiex ikun hemm delega lid-Direttorat għat-Tindif fejn ikun jista’ jsir infurzar fuq żoni li s-sidien tagħhom huwa l-privat. Rigward tindif fil-privat, preżentament, id-Direttorat għat-Tindif jagħmel pressjoni sabiex jiġi identifikat is-sid, u jagħmel dak kollu possibli sabiex isir it-tindif mis-sid stess.

Rotta tat-trasport pubbliku mill-Marsa Park and Ride għall-MCAST

Question

Jista' l-Ministru jikkonsidra r-rotta tat-trasport pubbliku li titlaq mill-Marsa Park and Ride għall-MCAST mingħajr ma tieqaf fuq il-bus stops , biex tagħti servizz iktar veloċi lill-istudenti minn Ħal Qormi u s-Siġġiewi, fost oħrajn, li jinġabru l-Marsa Park and Ride?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ttieħdet nota ta’ dan is-suġġeriment filwaqt li ser jiġi evalwat għal tibdil possibli hekk kif mitlub.

Santa Luċija – Triq il-Peprin u Trejqet Garnaw — resurfacing

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk u meta Transport Malta se tagħmel resurfacing ta' Triq il-Peprin u Trejqet Garnaw f'Santa Luċija, wara d-diversi talbiet magħmula mill-Kunsill Lokali ta’ Santa Luċija?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li Triq il-Peprin tinsab fuq il-lista ta’ toroq li jridu jingħataw asfalt minn Transport Malta. Ix-xogħlijiet fuq din it-triq għandhom isiru skont il-prioritajiet, fondi pubbliċi u l-proċess tal-akwist. Rigward Trejqet Garnaw, nitlob lill-Onor. Interpellant jagħmel il-Mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.

Kunsill Lokali ta’ Santa Luċija – Traffic light junction fi Triq Luqa

Question

Jista' l-Ministru jgħid x’għamel Transport Malta dwar id-diversi talbiet magħmula mill-Kunsill Lokali ta’ Santa Luċija għal traffic light junction fi Triq Luqa, wara li r-residenti qed ibatu mill-għeluq tal-ħruġ għal fuq Xintill Roundabout kull filgħodu?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li dawn ix-xogħlijiet jinsabu fuq il-programm ta’ xogħlijiet li jridu jitlestew sal-aħħar tas-sena.

Parkeġġi b’parkers b’donazzjoni

Question

Jista’ l-Ministru jgħid xi pjan għandu l-Gvern dwar il-parkeġġi bil-parkers li jitħallsu biss b’donazzjoni?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fil-preżent il-Gvern m’għandu l-ebda pjan għal xi tibdil dwar il-parkeġġi bil-parkers.

Transport Malta – investigazzjoni dwar il-kwalità tax-xogħol fit-toroq

Question

Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk Transport Malta (TM) teħux inizjattivi waħidha, biex tinvestiga l-kwalità ta’ xogħol li jkunu wettqu l-kunsilli lokali, fit-toroq li jaqgħu taħt ir-responsabilità tagħhom? Jista’ jagħti tagħrif dwar kemm irċeviet ilmenti, Transport Malta dwar xogħol ħażin fit-toroq, jew nuqqas ta' xogħol, minn individwi, fil-lokalitajiet tat-12-il distrett elettorali?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li simili għat-tweġibiet mogħtija għall-Mistoqsijiet Parlamentari 26798, 28066 u 28067, id-Direttorat tat-Toroq fi ħdan Transport Malta jispezzjona xogħlijiet tal-entitaijet kollha li jkunu saru bil-permess taħt is-sistema RPS (Road Permit System), matul is-sentejn garanzija u wara li jkun ġie ikkonfermat mill-perit f’isem l-istess entita’ responabbli li tali xogħlijiet ikunu saru ta’ livell ta’ kwalita’ aċċettabli u b’hekk id-Direttorat isegwi jekk jiżviluppawx xi ħsarat matul dan il-perjodu. Fir-rigward tat-tieni parti tal-Mistoqsija, ninforma lill-Onor. Interpellant li d-Direttorat tat-Toroq rċieva talba mill-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar fejn dan ta’ l-aħħar talab lil Transport Malta sabiex tispezzjona xogħol ħażin li jidher li sar minn kuntrattur imqabbad mill-istess Kunsill u li fir-rigward tiegħu l-istess Kunsill fetaħ arbitraġġ fil-konfront tal-kuntrattur minħabba l-kwalita tax-xogħol. Din it-talba ma ġietx milqugħa għar-raġunijiet imsemmija fl-ewwel parti ta’ din it-tweġiba u primarjament għaliex ir-rwol tad-Direttorat huwa li jsegwi xogħol lest waqt il-perjodu tal-garanzija u mhux li jidħol f’merti kuntrattwali bejn partijiet waqt l-andament tax-xogħol u/jew qabel ix-xogħol ma jkunx meqjus komplut mill-entita’ li kkumissjonat l-istess xogħol.

Front ta’ Buġibba – bdil ta’ arbli tal-globi

Question

Billi fil-front ta’ Buġibba l-arbli tal-globi qed jinqalbu wieħed wara l-ieħor, jista’ l-Ministru jieħu l-passi neċessarji biex jinbidlu fejn hemm bżonn u jiġu rranġati fejn meħtieġ?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li grupp ta’ ħaddiema tad-Dipartiment tax-Xogħlijiet li jaħdmu b’mod regolari fuq il-manutenzjoni tal-promenades ta’ Bugibba, il-Qawra u x-Xemxija, regolarment jagħmlu xogħol ta’ tiswija kif ikun meħtieġ fuq l-arbli tad-dawl dekorattivi ta’ dawn il-promenades. Bħalissa fil-fatt hemm numru minn dawn l-arbli, inkluż globi mkissra, li qegħdin fil-workshop biex jissewwew.

San Pawl il-Baħar – Menqa tas-Sajjieda — xogħlijiet

Question

Billi parti mill-Menqa tas-Sajjieda San Pawl il-Baħar inqalgħet bil-maltemp ta’ dawn il-jiem, jista’ l-Ministru jieħu l-passi neċessarji biex fl-iqsar żmien possibbli, u qabel issir iktar ħsara, din l-istess menqa tiġi rranġata?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li saret spezzjoni tal-istrutttura msemmija mill-Perit tal-Marine Section tal-Ministeru għat-Trasport u l-Infrastruttura u ġie deċiż li x-xogħol ta’ tiswija meħtieġa fuq dan l-ilqugħ tal-baħar ser jiġi nkluż fil-programm ta’ xogħol tal-istess sezzjoni.

Ħal Qormi, is-Siġġiewi u Ħaż-Żebbuġ – tined fuq l-istages mill-Belt

Question

Jista’ l-Ministru jara li tittieħed azzjoni sabiex isiru tined fuq l-istages mill-Belt għal-lokalitajiet ta’ Ħal Qormi, is-Siġġiewi u Ħaż-Żebbuġ?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fil-preżent, qed jiġu ppreparati l-applikazzjonijiet sabiex jiġu sottomessi lill-Awtorita’ tal-Ippjanar bil-għan li jigu installati Bus Shelter Canopies fiż-żoni B u C tal-Bus Terminus ġewwa il-Belt Valletta. Fost oħrajn, dawn iż-żoni jinkludu l-Bus Bays wżati mir-rotot ta’ Ħal Qormi, is-Siġġiewi u Ħaż-Żebbuġ.