Legislature:
Category:
Reset
Active:

Għar Barka — Trasport Pubbliku

Question

Jista' l-Ministru jinfurmani għaliex is-servizz tat-trasport pubbliku baqa' ma ġiex estiż għall-Għar Barka? X'problemi fil-fatt jeżistu fil-mument u li qed jinblokkaw dan l-aċċess bżonnjuż għall-komunita` ta' Għar Barka?

Response (GALEA, ĊENSU)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 28915.

Direttorat tat-Toroq

Question

Jista' l-Ministru jagħti d-dettalji dwar akkwist ta' art li sar mid-direttorat (ex dipartiment) tat-toroq għal xogħol konness mal-bini ta' toroq matul is-snin 1999, 2000, 2001 u 2002 kull sena separatament. 1) lokalita` tal-proprjeta` akkwistata 2) d-data tal-kuntratt 3) l-valur tal-kuntratt 4) l-isem tan-nutar li ppubblika l-kuntratt

Response (GALEA, ĊENSU)

Jiena nfurmat illi l-informazzjoni mitluba għall-Mistoqsia Parlamentari numru 36708 għadha qed tinġabar u għalhekk l-eżerċizzju ser jiġi estiż biex ikopri l-perjodu indikat f'din il-mistoqsija wkoll.

Toroq

Question

Jista' l-Ministru, b'mod spedit, jordna li quddiem l-istage tal-Bombi (Portes des Bombes) isir xi ħaġa biex ma tibqax dik l-għadira ta' l-ilma li takkumula bir-riżultat li vetturi jtajru l-ilma proprju fuq in-nies li jkunu qed jistennew ix-xarabank?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jiena nfurmat illi d-Direttorat tat-Toroq għadu kif ħareġ sejħa għall-offerti biex isir xogħol fil- junctions tal-lokalita' inkonnessjoni mal-proġett tal- Park and Ride tal-Bombi u x-xogħol indikat mill-Onor. Interpellant ser isisr bħala parti minn dan ix-xogħol.

Ħtir ta' managers — Roads directorate

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm inħatru managers fi ħdan ir-Roads Directorate? Min huma dawn il-persuni u xi kwalifiki għandhom sabiex jimlew dawn il-postijiet?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li fuq parir ta' Boards ta' l-għażla l-Awtorita' dwar it-Trasport ħatret, lis-Sur Felix Gauci, lill-Perit John Demicoli u lill-Perit Robert Zerafa bħala Managers fid-Direttorat għat-Toroq. Dawn il-ħatriet saru wara sejħiet interni fl-Awtorita' biex jintlew dawn il-postijiet.
Leg 9 PQ #37485 Sitting 830 2002-12-09 Oral · Final From: RITA LAW To: Ministeru għat-Trasport u Komunikazzjoni

Fgura — Żebgħa ta' zebra crossing

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni għall-dewmien biex jinżebgħu l-linji bojod fiż-zebra crossing ta' quddiem il-knisja tal-Fgura meta skond kif ġie mwiegħed dan ix-xogħol kollu jsir ġimgħat ilu?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jiena nfurmat illi fil-lokalita' indikata mill-Onor. Interpellant hu ppjanat li ssir pelican crossing u għalhekk ma jistgħux jinżebgħu l-linji bojod taż- zebra crossing . Ix-xogħol biex jitwaħħlu l-arbli tlesta l-ġimgħa l-oħra u kellu jibda' x-xogħol tad-dawl din il-ġimgħa. Dan ix-xogħol hu ppjanat li jibda' hekk kif jieqaf il-maltemp.

Gudja — Asfaltar tat-toroq

Question

Jogħġbu l-Ministru jaġġornani fuq l-aħħar żviluppi sabiex jiġu asfaltati t-toroq fl-area Ta' Xlejli fil-Gudja?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jiena nfurmat illi l-Kunsill Lokali tal-Gudja ħareġ sejħa biex jitqabbad Project Manager għat-twettieq tax-xogħlijiet fl-area tax-Xlejli, li qed isiru taħt il- Pilot Agreement li ser jiġi ffirmat bejn l-Awtorita' Dwar it-Trasport u l-Kunsill Lokali. Jiena nfurmat ukoll li malli dan il-Project Manager jipprepara l-istejjem neċessarji il-ftehim ikun jista' jiġi ffirmat u x-xogħol ikun jista jitwettaq.

Toroq — Xogħlijiet

Question

Issa li jingħad li tlestew ix-xogħlijiet, jista' l-Ministru jgħid kemm ġew jiswew fi flus: 1) Mdina Road, Ħal Qormi, 2) Ħal Far Road; 3) Psaila Street, Santa Venera/Birkirkara, 4) il-junction ta' quddiem l-isptar Monte Carmeli f'Ħ'Attard; u 5) il-junction ta' fejn it-tankijiet tal-gass (Regional Road)?

Response (GALEA, ĊENSU)

L-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant qed tinġabar u risposta tingħata f'seduta oħra.

Żabbar — Pedestrians

Question

Jista' l-Ministru jivverifika s-sitwazzjoni tal-pedestrians li ma jistgħux jaqsmu t-triq ta' Ħaż Żabbar bil-mod kif qegħdin jiġu mħaddmin it-traffic lights fil-junction tat-triq ta' Ħaż Żabbar li tagħti għal Wied il-Għajn?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li l-junction upgrading sar biex jiġi kkontrollat aħjar it-traffiku. Il-pedestrians għandhom faċilitajiet biex jaqsmu t-triq permezz ta' pedestrian u pelican crossings li qedgħin allokati kif gej: Bejn il-Junction msemmija u l-Mina ta' Hompesch. Lejn Ħaż-Żabbar bejn Triq Bajada u Triq Vitorja. Fil-by pass ta' Wied il-Għajn.

Raħal Ġdid — Għoti ta' tenders

Question

Jogħġbu l-Ministru jaġġornani dwar f'hiex wasal il-proċess ta' għoti ta' tenders għall-asfaltar tat-toroq wara l-Carters Supermarket f'Raħal Ġdid?

Response (GALEA, ĊENSU)

M'għandi xejn aktar xi nżid mar-risposta mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari numru 35302.

Xogħol fuq proġetti — Ħlas Miżmum

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 36951 u cioe`, b'referenza għal mistoqsija parlamentari 35832, Jista' il-Ministru jgħid kemm inżammu ħlasijiet lill-kuntratturi għal-xogħol ħażin u/jew nuqqasijiet oħra li saru fit-toroq f'Malta u Għawdex u dan fl-ewwel għaxar xhur tas-sena? Jista' jindika liema huma t-toroq? Min kienu l-kuntratturi u kemm kien kull ħlas?

Response (GALEA, ĊENSU)

M'għandi xejn xi nżid mar-risposta mogħtija għal-Mistoqsija Parlamentari Numru 36951.

Mosta — Triq Rużinjol

Question

Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra, kopja tal-pjanta kif se tiġi żviluppata Triq Rużinjol, il-Mosta? Jista' jara li tiġi rranġata din it-triq? Jista' jara li jinħarġu t-tenders neċessarji? Jekk fl-affermattiv, meta?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li l-pjanti għall-iżvilupp ta' din it-triq jinħarġu mill-Awtorita' ta' l-Ambjent u l-Ippjanar u għalhekk għal aktar informazzjoni l-Onor. Interpellant hu mitlub jirreferi l-Mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat. Rigward it-tieni u t-tielet parti tal-Mistoqsija tajt struzzjonijiet lill-Awtorita' dwar it-Trasport biex issir spezzjoni fit-triq u jiġi stabilit x' l-aħjar li jsir.

Baħrija — Triq Raddet ir-Roti/asfalt

Question

Jista’ il-Ministru jgħid x'inhu jżomm milli jsiru x-xogħlijiet neċessarji biex Triq Raddet ir-Roti fil-Baħrija tiġi asfaltata u ta' l-inqas tingħata wiċċ meta hemm residenti li diġa' ilhom joqogħdu hemm snin twal u ħallsu l-kontribuzzjonijiet kollha?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jiena nfurmat illi f'din l-aħħar sena saru diversi toroq ġodda fil-lokalita' tal-Baħrija fosthom Triq Girna, Triq Patri Tumas Xerri, Triq Ġdida Fi' Triq Patri Tumas Xerri u Triq il-Lewż filwaqt li għaddej xogħol fi Triq il-Qastan u fit-Triq li mir-Rabat twassal sal-Baħrija. Jiena nfurmat ukoll li d-Direttorat tat-Toroq fil-preżent għamel programm biex ikomplu bl-asfalt ta' Triq ir-Rabat u toroq oħra fil-Baħrija. Ix-xogħol imsemmi mill-Onor. Interpellant għalhekk, isir skond l-esiġenzi ta' dan il-programm.

Baħrija — Triq l-Iskola/asfaltar

Question

Jista’ il-Ministru jgħid meta se jsir ix-xogħol ta' asfaltar u ta' l-inqas il-wiċċ tat-triq l-Iskola, l-Baħrija peress li din ukoll ilha snin twal bir-residenti, uhud minnhom ilhom joqogħdu hemm 20 sena ta' l-inqas?

Response (GALEA, ĊENSU)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għar-risposta mogħtija għal Mistoqsija Parlamentari Numru 37340.

Rabat — Ġnien Pubbliku

Question

Jista' il-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari nru. 36792 u cioe` jinformana x'ġara mill-ġnien pubbliku li kellu jsir fil-qasam tad-djar ta' Għajn Qajjed ir-Rabat fejn il-parti tal-housing kienu lestew il-pjanti matul l-1997 u l-1998? Hemm ħsieb li jsir fix-xhur li ġejjin u għaliex ma kien hemm ebda żviluppi matul dawn l-aħħar erba' snin?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jiena nfurmat illi l-Awtorita' dwar it-Trasport għaddejja bil-proġetti ta' bini mill-ġdid tal- bypass ta' l-Imtarfa li tibda' minn ħdejn ir-roundabout ta' ħdejn il-Qasam tad-Djar ta' Għajn Qajjet. Peress illi t-tibdil fit-tqassim tat-toroq irid issir meta x-xogħol fil- bypass jitlesta u tkun qed taħdem sew is-sistema tat-traffiku ġor-Rabat u dik li tagħti għal dak li jiġi u jmur Ħad-Dingli, it-tqassim tat-toroq fl-inħawi u l-użu ta' l-ispazju li jibqa', ikun jista' jsir wara li x-xogħol fil- bypass jitlesta.

Persuni b'Diżabilita' — Reserved Parking Bays

Question

Jista il-Ministru jgħid kemm ġew irtirati reserved parking bays għal persuni b'diżabilita', sena b'sena, lokalita' b' lokalita', fis-snin li għaddew?

Response (GALEA, ĊENSU)

Ir-reserved parking bays għal persuni b'diżabilita' li ġew irtirati fuq parir tar-Review Panel huma li ġejjin: Isla 1(2001) Siggiewi 1(2002) Zejtun 1(2002) Fgura 1(2002) Gzira 1(2002) Hamrun 1(2002) Marsaskala 1(2002) Pieta' 1(2002) Sliema 2(wieħed fl-2001 u l-ieħor fl-2002) Ir-reserved parking bays għall-persuni b'diżabilita' li ġew irtirati fuq parir tal-Kunsilli Lokali jew tal-Kummissjoni Nazzjonali Persuni b'Diżabilita' kienu għal raġunijiet ta' mewt ta' individwi jew change of address.

Toroq — Manutenzjoni

Question

Jista' il-Minsitru jgħid x'possibilita' hemm li Triq Giovanni Scicluna, Triq is-Settembrina, Triq l-Isparvier, Triq Patri G Grima, Triq M Zammit, Triq Sebestjan Saliba, Triq San Ġorġ, parti minn Triq it-Tumbarellu , Triq Sagra Familja, Triq Indri Magrin, Triq it-Telleritu, Triq ta' Loretu, Triq ir-Raħħal, Triq il-Ġibjun, Triq it-Tilliera, Triq il-Ħobbejża, Triq tal-Millieri, Triq il-Lellux, u Triq in-Niġem f'Ħal Għaxaq jiġu mogħtija wiċċ?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li l-Awtorita' dwar it-Trasport flimkien mal-Kunsill Lokali qegħda tħejji programm biex jiġu mibnija diversi toroq madwar Malta kollha u għalhekk ix-xogħol imsemmi mill-Onor. Interpellant isir skond l-esiġenzi ta' dan il-programm.

Ħal tarxien — Toroq One Ways

Question

Jogħġbu il-Ministru jixtarr il-possibilita li Triq Xintill ġewwa Ħal Tarxien issir one way fis-sens li jidħlu l-vetturi minn fejn ir-roundabout iżda ma joħorġux il-barra, peress li numru sostanzjali ta' residenti qed ibatu minn ħafna dħaħen ta' vetturi weqfin fit-traffic jams ta' kull filgħodu, vetturi li lkoll ikunu ġejjin minn fejn il-knisja ta' Ħal Tarxien ħerġin il-barra?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li minħabba t-Traffic Management Scheme eżistenti fiż-żona, il-proposta msemmija, ta' one way fi Triq Xintill mir-roundabout il ġewwa, mhix sostenibbli.

Ħal Tarxien — Triq id-Dejma

Question

Jogħġbu il-Ministru jixtarr il-possibilita' li fi Triq id-Dejma, Tarxien isiru numru ta' sleeping policemen sabiex titnaqqas il-veloċita' tal-vetturi, speċjalment ta' dawk li jkunu sejrin lejn l-industrial estate.

Response (GALEA, ĊENSU)

Minn riċerka li saret mid-Direttorat għall-Maniġġ tat-Traffiku jirriżulta li l-Kunsill Lokali ma għamel l-ebda talba għal-sleeping policeman fi Triq id-Dejma. Madankollu t-tallba ta' l-Onor. Interpellant ser tiġi mixtarra għat-tul neċessarju biex tittieħed id-deċiżjoni meħtieġa.

Żurrieq — Tiswija ta' toroq

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'possibbilita' hemm li fit-toroq: Dun G Muscat, F. Dalli, K. Buġeja, Dun N Mallia, Filfla, San Bastjan, Hompesch, Rettur u S. Magri, f'Bubaqra fiż-Żurrieq jiġu mogħtija wiċċ?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li l-Awtorita' dwar it-Trasport flimkien mal-Kunsilli Lokali qiegħda tħejji programm biex jiġu mibnija diversi toroq madwar Malta kollha u għalhekk ix-xogħol imsemmi mill-Onor. Interpellant isir skond l-esiġenzi ta' dan il-programm.