Jista` il-Ministru jinforma lill-Kamra:-
(a) jekk dawk l-i
stewardesses
(
flying
) mal-AirMalta li għal dawn l-aħħar 4 snin ilhom fuq bażi temporanju (
A
pri
l to Oct basis
) humiex ser isiru tal-post jew le?
(b) Jekk hux minnu li tnejn minn dawn li isimhom qed jintbagħat separatament sarux tal-post u iffirmaw kuntratt ta’ impjieg permanenti b’effett mill-12/09/2002?
(c) Jekk hu minnu, huwa possibli li l-istewardesses (air-hostesses) irġiel u nisa l-oħra jsiru wkoll tal-post (impjieg permanenti).
(d) Fuq liema bażi intagħżlu dawn iż-żewġ persuni biss u għaliex huma?
(e) Huwa minnu li ground-hostesses li s-sena li għaddiet ħadmu l-ewwel darba ukoll ġew tal-post b’effett mill-12/09/2002 u li issa se ssir internal applications jew transfer biex jibdew itiru (air hostesses)?
Jista' il-Ministru jgħid x’inhi r-raġuni li kontijiet tad-dawl u l-ilma li tħallsu b’cheque fl-ewwel ġimgħa ta’ Lulju għadhom ma ntbagħtux irċevuti għalihom? Possibli hemm bżonn xahrejn biex il-klijenti jirċievu irċevuta?
Jista' il-Ministru jara li arbli tad-dawl kollha sadid li jinsabu fi Triq il-Vittmi tax-Xogħol ġewwa Raħal Ġdid u qiegħdin ikerrhu l-ambjent jinbidlu jew jitneħħew?
Response (BONNICI, JOSEF)
It-talba ta' l-Onorevoli Interpellant ġiet riferuta lill-Korporazzjoni Enemalt sabiex issir l-investigazzjoni relattiva u jekk ikun il-każ tittieħed l-azzjoni meħtieġa.
Jista` il-Ministru jieħu l-passi sabiex il-bozza li twaħħlet quddiem il-gallerija (mal-faċċata) tal-post ‘Nid D’Amour’ Sir Harry Luke Street, Mġarr, Malta kontra x-xewqa tas-sidien ta’ l-istess dar, titressaq minn hemm u teħel ma’ arblu diġa` eżistenti madwar 40 pied 'il bogħod fid-direzzjoni tal-knisja fl-istess triq, kif tidher fil-pjanta li qed tintbagħat separatament?
Response (BONNICI, JOSEF)
It-talba ta' l-Onorevoli Interpellant ġiet riferuta lill-Korporazzjoni Enemalta sabiex tiġi kkunsidrata.
Jista' il-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra r-rapport ta' l-action plan u l-business plan u l-practices designs li sar għax-shipbuilding mill-Gvern fl-2001?
Response (BONNICI, JOSEF)
Ninforma lill-Onorevoli Membru li l-pjan ta' ristrutturazzjoni tat-tarznari kien ġie ippreżentat lit-Task Force tat-Tarznari lejn l-aħħar tas-sena li għaddiet.
Peress li l-business plan tat-tarznari fih informazzjoni sensittiva kummerċjali, ma narax li jkun fl-interess ta' l-istess tarznari li dan isir pubbliku.
Jista' il-Ministru jwieġeb mistoqsija W352 li oriġinarjament saret lill-Ministru għat-Trasport: B'riferenza għas-sejħa għall-applikazzjonijiet biex jimtlew il-postijiet vakanti ta' kontrolluri ta' l-ajru mal-Malta Air Traffic Services Ltd, li ħarġu fl-10 ta' Mejju 2002, jista' l-Ministru jgħid: kemm applikaw? Kemm minnhom kienu eliġibli u sarilhom l-interview/eżami? Kemm minnhom ma għaddewx mill-board ta' l-għażla? X'kienu r-raġunijiet għala ma għaddewx mill-interview/eżami?
Response (BONNICI, JOSEF)
Ninsab infurmat li kien hemm erba' applikazzjonijiet għall-vakanza li qed issir riferenza għaliha. L-erba' applikanti kienu eliġibbli u saritilhom l-intervista. Wara li saru l-intervisti irriżulta li ħadd mill-erba' applikanti ma' ikkwalifika biex jibda t-taħriġ li jwassal għal Air Traffic Control Officer.
Jista' l-Ministru jinfurmani x'benefiċċji, kumpens finanzjarju, kundizzjonijiet, mobile phones, karozzi eċċ għandhom il-membri tal-bordijiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tal-Ministeru ?
Response (BONNICI, JOSEF)
L-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.
Jista' il-Ministru jara li jitneħħew wires tad-dawl li hemm quddiem ir-residenza li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament?
Response (BONNICI, JOSEF)
Jiena nfurmat li minn investigazzjoni li saret mill-ħaddiema tal-Korporazzjoni Enemalta jirriżulta li l-wires li qed issir riferenza għalihom mhumiex proprjeta' ta' l-istess Korporazzjoni.
Jista' il-Ministru jgħid minn huma l-membri tal-kumitat tal-Malta film facilities? Jista' jgħid ukoll x'esperjenza għandhom dawn il-membri fil-qasam tal-films?
Response (BONNICI, JOSEF)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Malta Film Facilities Limited ma hijiex kumpanija tal-Gvern. Fil-fatt din il-kumpanija ġiet privatizzata fl-1995 u l-isem kien inbidel għal Mediterranean Film Studios Ċompangħ Limited. Għaldaqstant l-informazzjoni mitluba ma tistax tingħata.
Jista' il-Ministru jgħid x'kienet ir-raġuni li l-film 'Tripoli' li kellu jinħadem Malta issa mhux se jinħadem hawn u se jinħadem post ieħor barra minn pajjiżna?
Response (BONNICI, JOSEF)
Tajjeb jingħad li d-direttur u t-tim tal-produzzjoni tal-feature film "Tripoli", li huwa finanzjat minn Fox Film Entertainment, kienu u għadhom qed jikkunsidraw lil pajjiżna bħala post fejn jiġbdu partijiet mix-xogħol tagħhom. Huwa minnu li sar tibdil fl-iscript tal-film li jista' jwassal biex xeni li kellhom jinġibdu f'Malta ma jinġibdux hawn. Din hija sitwazzjoni komuni fl-iżvilupp ta' proġett awdjoviżiv u li pajjiżna ma għandux kontroll fuqha.
Tajjeb jingħad ukoll li l-Malta Film Commission ilha tassisti lill-produzzjoni fuq dan il-proġett partikulari għal numru ta' xhur u għadha għaddejja b'ħidma biex tara li l-partijiet minn dan il-film li jistgħu jinġibdu f'Malta, fil-fatt jinġibdu hawn.
Jista' il-Ministru jgħid meta twaqqfet il-kumpannija Maltanet, x'konnessjoni għandha, jekk għandha, mal-Maltacom, u min qed iħaddimha?
Response (BONNICI, JOSEF)
Minn informazzjoni li għandi jirriżulta li l-kumpanija Maltanet ġiet reġistrata bħala kumpanija fis-16 ta' April 2001. Din il-kumpanija hija sussidjarja tal-Maltacom.
Jista' il-Ministru jgħid x'kienet ir-reazzjoni tal-Maltapost għat-talba formali li saritilha minn għadd ta' ħaddiema dwar bdil ta' ħinijiet tax-xogħol bid-data tas-26.07.2002?
Response (BONNICI, JOSEF)
Ninsab infurmat li t-tibdil tal-ħinijiet tax-xogħol fil-Maltapost qed ikun diskuss ma' l-unions ikkonċernati.
Jista' l-Ministru jgħid x'informazzjoni ta' s-Sur Marin Hili lil sħabu tal-bord li jmexxi l-korporazzjoni tal-Freeport li abbażi tagħha waslu għall-konklużjoni li m'hemmx konflitt ta' interess bejn is-sehem privat tiegħu fil-port ta' Venezja u l-ħatra pubblika tiegħu fil-Freeport? Jista' jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tad-dokumenti bl-informazzjoni li tahom?
Response (BONNICI, JOSEF)
Kif diġa' għidt fit-tweġiba tiegħi għall-mistoqsija numru 35023 waqt is-Seduta numru 782, li kienet titratta l-istess suġġett, huma l-istess karatteristiċi tal-port ta' Venezja, speċjalment il-pożizzjoni ġeografika tiegħu fil-parti magħluqa tal-baħar Adrijatiku madwar seba' mitt mil il-bogħod mir-rotta ewlenija tat-trasbord ta' containers fil-Mediterran, li jwasslu għall-konklużjoni li l-istess port ta' Venezja ma jikkompetix mal-Malta Freeport.
Jista' il-Ministru jgħid jistgħax jagħti d-dettalji tal-kuntratt tac-CEO il-ġdid tal-Air Malta? Jista' jqiegħed kopja tal-kuntratt fuq il-Mejda tal-Kamra?
Response (BONNICI, JOSEF)
Is-salarju mħallas mill-Air Malta liċ-Chief Executive Officer huwa ta' sittin elf lira fis-sena, li prattikament huwa l-istess bħal dak taċ-Chief Executive tat-Tarzna ta' Bormla kif intqal fit-tweġiba għall-mistoqsija numru 25901. Tajjeb jingħad li l-Gvern preċedenti kien impjega żewġ Chief Executives barranin fit-Tarzna ta' Bormla. Bħal ma sar fil-każ taż-żewġ Chief Executives barranin tat-Tarzna, f'dan il-każ hemm performance allowance kif ukoll xi allowances li għandhom x'jaqsmu ma' rilokazzjoni u abitazzjoni. Dawn it-tip ta' allowances huma normali li jkunu inklużi fil-pakkett tar-remunerazzjoni meta l-ingaġġ isir mis-suq internazzjonali.
Tajjeb jingħad li ċ-Chief Executive Officer ta' l-Air Malta għandu wkoll responsabbilta' fil-kumpanija Azzurrair. Infatti huwa ser jokkupa l-kariga ta' Deputat Chairman. Għal din il-kariga huwa ser jirċievi remunerazzjoni li hija sinifikament anqas minn dik li ser jirċievi mingħand l-Air Malta. Peress li l-Azzurrair topera mis-suq Taljan għal swieq kemm fl-Ewropa kif ukoll barra, kif ukoll peress li għandha shareholders privati, ma naħsibx li jkun fl-interess kummerċjali ta' l-istess kumpanija li nagħti aktar dettalji.
Jista' il-Ministru jara li jitneħħew wires tal-Maltacom li hemm quddiem ir-residenza li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament?
Response (BONNICI, JOSEF)
Jiena nfurmat li l-cable li hemm quddiem ir-residenza li qed issir riferenza għaliha hija miżura temporanja u hekk kif jitlesta l-bini mill-ġdid tal-proprjeta' li magħha kien imwaħħal dan il-cable, jerġa' jitqiegħed pulit fuq il-bini l-ġdid.
Jista' il-Ministru jgħid kemm hemm konsulenti mal-MDC? Min huma? Kemm qed jitħallas kull wieħed minnhom?
Response (BONNICI, JOSEF)
Jiena nfurmat li fil-preżent il-Korporazzjoni Maltija ta' l-Iżvilupp għandha erba' konsulenti f'malta u tnejn barra minn Malta. L-informazzjoni mitluba dwar dawn il-konsulenti hija kif tidher hawn taħt:
KONSULENTI LOKALI
KONSULENT PERJODU TA' KONSULENZA AMMONT
Oliver Ellul 1.7.2002 - 30.6.2003 Lm 5,940
Victor J Bugeja P.L. 1.4.2001 - 31.3.2004 Lm 3,795
Dr. Mario Vella 1.5.2001 - 30.4.2003 Lm19,224
FHRD Ltd. 1.2.2002 - 31.1.2003 Lm10,356
KONSULENTI BARRA MINN MALTA
Sean D. Mifsud (fil-Ġappun) 1.1.2002 - 31.12.2002 Lm 7,500
S. Mompalao de Piro (fil-Ġermanja) 1.1.2001 - 31.12.2002 Lm11,040
Il-Korporazzjoni Maltija ta' l-Iżvilupp għandha wkoll ħmistax-il konsulent, bejn lokali u barranin, li jitħallsu success fee għal kull proġett li jirnexxielhom jattiraw lejn Malta u li jkun ġie approvat mill-Korporazzjoni.
Jista' il-Ministru jieħu azzjoni biex bozza fi Triq il-Wied f'Ħal Qormi li qiegħda fil-kantuniera ma' Sqaq 7 tiġi mdawwra b'mod li taqdi dan l-isqaq mudlam ukoll?
Response (BONNICI, JOSEF)
Jiena nfurmat li minn investigazzjoni li saret mill-ħaddiema tal-Korporazzjoni Enemalta jirriżulta, li jekk il-lampa imsemmija tiċċaqlaq mill-pożizzjoni li tinsab fiha bħalissa, il-livell ta' illuminazzjoni ma jkunx l-aħjar. Tajjeb jingħad li l-isqaq li qed issir riferenza għalih diġa' huwa mdawwal permezz ta' lampa li kienet twaħħlet mill-Kunsill Lokali.
Jista' l-Ministru jgħid skond ir-rekords kemm huwa n-numru ta' ġibjuni ta' reservoirs ta' l-ilma tax-xorb li għandna f'Malta u kemm huwa n-numru tal-ġibjuni li jintużaw għall-ħażna ta' l-ilma tat-tisqija? Kemm minn dawn jeħtieġu manutenzjoni u kemm minnhom għadhom jintużaw u jinsabu f'kundizzjoni tajba li jirċievu u jżommu l-ilma?
Response (BONNICI, JOSEF)
Jiena nfurmat li l-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma għandha għoxrin ġibjun li jintużaw għall-ħażna ta' l-ilma tax-xorb u dawn il-ġibjuni huma miżmuma fi stat tajjeb ta' manutenzjoni.
Skond l-arkivji tal-Korporazzjoni, in-numru ta' ġibjuni li jintużaw għall-ilma tat-tisqija jew għal użu sekondarju huwa ta' mija u ħdax. Il-kundizzjoni ta' dawn il-ġibjuni tvarja minn wieħed għall-ieħor. Naturalment ġibjun ta' l-ilma dejjem ikollu bżonn ta' manutenzjoni.