Jista' il-Ministru jgħid kemm qed titħallas kera għal proprjeta' f'Kordin li jagħmlu użu minnha d-dipartimenti fi ħdan dan il-ministeru?
Response (ZAMMIT, NINU)
Jien infurmat li d-Dipartiment tal-Manifattura u Servizzi qed iħallas is-somma ta' Lm21,535 kera fis-sena f'Kordin. Fir-rigward tal-proprjeta' li għandu d-Dipartiment għas-Servizzi ta' l-Indafa f'Kordin, il-kera hija ta' Lm2,600 fis-sena.
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 15668 u r-risposta mogħtija, nitlob lill-Ministru jispjega x'assigurazzjoni għandhom il-ħaddiema tat-taqsima tax-xogħlijiet u l-ħaddiema tal-kuntratturi li qed jaħdmu b'kuntratt mal-gvern?
Response (ZAMMIT, NINU)
Jien infurmat li la l-ħaddiema tal-Gvern u lanqas dawk tal-kuntratturi m'huma suġġetti jew obbligati li jħallsu xi penali. Il-Ggern u/jew il-kuntrattur privat li jkunu qed jagħmlu x-xogħlijiet huma l-partijiet responsabbli f'dawn il-każi ta' din in-natura.
Jista' il-Ministru jgħid fiex jikkonsisti l-proġett tal-ġnien ta' Hastings? Meta nbeda x-xogħol? Kemm hu stmat li se jiġi jqum dan il-proġett? Meta hu maħsub li jitlesta?
Response (ZAMMIT, NINU)
Jien infurmat li x-xogħol fuq il-proġett tal-ġnien ta' Hastings jikkonsisti f'dan li ġej:-
pavimentar ta' passaġġi bil-granit u ġebel tal-franka b'kurduni tal-granit;
xogħol ta' restawr fl-
area
tal-monument;
bini tal-gladjola;
garden furniture
bħal bankijiet ġodda ta' l-injam;
sistema ġdida ta' dawl għall-ġnien kollu;
sistema ta' irrigazzjoni ġdida.
Ix-xogħol beda f'Jannar ta' l-2005 u ser jiswa Lm220,000 li Lm109,000 huma salarji tal-ħaddiema tal-Gvern. Ix-xogħol ser jitlesta' għan-nofs is-sena d-dieħla.
Jista' il-Ministru jgħid fiex jikkonsisti l-proġett tar-restawr ta' Akwadott? Meta nbeda x-xogħol? X'inhi l-istima tax-xogħol li jrid isir? Meta hu ppjanat li jitlesta x-xogħol?
Response (ZAMMIT, NINU)
Jien infurmat li l-proġett tar-restawr ta’ l-Akwadott jikkonsisti f’żewġ fażijiet.
L-ewwel fażi kienet tikkonsisti fir-restawr tal-monument innifsu li beda f'Mejju 2004 u tlesta' fi Frar ta' din is-sena. Dan ġie jiswa madwar Lm 80,000 bejn labour cost, materjal neċessarju u spejjeż biex jitneħħew is-servizzi tad-dawl li kienu qegħdin ma' l-akwadott, u biex jingħaddu minn postijiet ohra.
It-tieni fażi tikkonsisti f'tisbiħ, jiġifieri li jsir il-pavimentar u d-dawl. Mix-xogħlijiet ta' preparament għat-tpoġġija tal-madum u tad-dawl, s'issa tlestiet parti minn B'Kara. F'Jannar għandu jibda jitpoġġa l-madum u d-dawl f'din il-parti, kif ukoll jissoktaw ix-xogħlijiet ta' preparazzjoni fil-parti l-oħra ta' B'Kara, kif ukoll f'Hal Balzan u Santa Venera. L-istima ta' dawn ix-xogħlijiet ta' tisbiħ f'dawn it-tlett lokalitajiet jammontaw għal madwar Lm215,000 bejn labour costs u materjal, u hu pproġettat li jitlesta' kollox sa l-aħħar ta' l-2006. Mill-ispiża globali ta' Lm295,000, il-kunsilli nvoluti se jħallsu b'kollox Lm 40,000.
Jista' il-Ministru jgħid x'garanzija jew insurance għandhom il-ħaddiema li jesegwixxu xogħlijiet pubbliċi meta minħabba dewmien fix-xogħlijiet terzi persuni jbatu ħsara? Kif jiġu kkompensati dawn it-terzi persuni li jkunu intlaqtu ħażin u sofrew danni?
Response (ZAMMIT, NINU)
Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jispeċifika għall-liema ħaddiema qed jirreferi, jekk hux għall-ħaddiema tat-Taqsima tax-Xogħlijiet jew ħaddiema tal-kuntratti li qed jaħdmu b'kuntratt mal-Gvern.
Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 14457 u cioe': billi qiegħed jiġi restawrat l-akkwadott f'Santa Venera u Birkirkara, Balzan, Attard, jista' il-Ministru jikkonsidra li terġa' tinbena replika tal-bieb ta' Fleur-de-lys li kien distrutt fil-gwerra? Dan jista' isir flimkien mal-kunsill lokali ta' Birkirkara.
Response (ZAMMIT, NINU)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi fil-preżent m’hemm l-ebda pjanijiet sabiex terga’ tinbena replika tal-bieb ta’ Fleur-de-lys.
Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 15377 li oriġinarjament saret lill-Ministru għat-Turiżmu u Kultura u jara jistax jinxtegħel il-monument ta' Dun Karm fil-Furjana?
Response (ZAMMIT, NINU)
Diġa' nkarigajt lid-Dipartiment konċernat biex iwettaq ix-xogħol imsemmi.
Jista' il-Ministru jgħid minn fejn ikun ġej l-ilma li joskula fi Triq il-Wied, Ħal Qormi - anke skond kif jidher mir-ritratti li qed jintbagħtu separatament - f'temp bla xita? Jista' jgħid x'ilma hu dan? X'qed jagħmel il-gvern biex dan l-ilma ma jibqax joskula f'din it-triq?
Response (ZAMMIT, NINU)
Jien infurmat li meta uffiċjal tad-Dipartiment tax-Xogħlijiet mar fil-post indikat biex jagħmel spezzjoni, ma kienx hemm ilma joskula fit-triq.
Jista’ il-Ministru jgħid liema kienu dawk l-enti jew dipartimenti fid-dekasteru tiegħu li applikaw għal xi forma ta' fondi mill-Unjoni Ewropea din is-sena, għal liema fondi applikaw u x'kien l-eżitu?
Response (ZAMMIT, NINU)
Jien infurmat li dawk l-entitajiet li jaqgħu taħt il-Ministeru tiegħi li għamlu applikazzjoni formali għall-fondi mill-UE matul din is-sena huma:-
id-Diviżjoni tax-Xogħlijiet (Taqsima tar-Restawr);
l-Awtorita' ta' Malta dwar ir-Riżorsi;
il-Programm għar-Riabilitazzjoni tal-belt Valletta.
L-applikazzjonijiet saru fil-kuntest tal-programmi Interreg u Twinning Light. L-eżitu ta' dawn l-applikazzjonijiet għadu mhux magħruf.
Jista' il-Ministru jpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra kopja tal-pjanta tax-xogħlijiet li qegħdin isiru fix-Xemxija? Hemm il-permessi tal-MEPA meħtieġa għal dawn ix-xogħlijiet?
Response (ZAMMIT, NINU)
Ninsab infurmat li dawn ix-xogħlijiet qed isiru mit-Taqsima tax-Xogħlijiet bħala joint venture u l-pjanti relatati saru minn perit privat ingaġġat mill-Kunsill Lokali.
Qiegħed inpoġġi fuq il-mejda tal-kamra kopja tal-pjanta tax-xogħlijiet li qegħdin isiru fix-Xemxija kif ukoll kopja tal-permess tal-MEPA għall-istess xogħlijiet maħrug lill-Kunsill Lokali ta' San Pawl il-Bahar.
Jista’ il-Ministru jgħid fiex wasal ix-xogħol fil-Marsa li kellu jieqaf minħabba s-sejba ta' fdalijiet importanti ta' port Ruman?
Response (ZAMMIT, NINU)
Jiena nfurmat illi wara li saru l-investigazzjonijiet arkeoloġiċi mis-Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali, id-Dipartiment tax-Xogħlijiet ħejja pjanti ġodda għall-proġett sabiex dan jista’ jsir mingħajr ma jkollu impatt negattiv fuq il-wirt arkeoloġiku misjub fil-post.
Ix-xogħol fuq il-proġett reġa' nbeda skond il-pjanti ġodda taħt is-superviżjoni ta' esperti fil-qasam ta' l-arkeoloġija.
Ix-xoghol kumplessivament huwa ta’ 280 metru tul ta’ twessigħ, inkluż fergħa ġdida bi 12-il metru wisa’ bi sfog addizzjonali f’Xatt il-Mollijiet. Minn dan ix-xogħol diġa nbeda x-xogħol fuq tul ta’ 110 metri .
Saret ukoll trinka ta’ madwar 60 metru fejn għadu qed isir recording arkeoloġiku bl-iskop li jintlaħaq ftehim fuq ix-xogħol tal-kumplament tal-kanal, jiġifieri l-170 metri l-oħra.
Jista’ il-Minsitru jgħid fiex jikkonsisti l-arranġament milħuq sabiex il-fdalijiet importanti ta' port Ruman misjuba fil-Marsa jiġu priservati?
Response (ZAMMIT, NINU)
Jien infurmat li s-Supretendenza tal-Wirt Kulturali u d-Diviżjoni tax-Xogħlijiet għamlu arranġamenti sabiex il-Koperattiva Arkeoloġika tingħata xogħol biex jitpinġew sezzjonijiet li jirrapreżentaw l-iskavi u fejn jinstabu l-fdalijiet arkeoloġiċi. Saru wkoll arranġamenti sabiex il-fond ta' dan il-kanal il-ġdid ma jinżilx l-isfel iktar mill-wiċċ ta' dak fejn instabu l-fdalijiet arkeoloġiċi u l-istruttura ta' l-istess kanal tkun tista' tiżżarma biex ma tipprekludix li jitkomplu studji fil-futur fuq dan is-sit arkeoloġiku.
Jista' il-Ministru jara x'jista' isir sabiex numru ta' familji li joqogħdu fix-Xatt tal-Kalkara ma jibqgħux jgħerqu fl-ilma ma' kull ħalba xita li tagħmel u dan qed isir issa li beda xogħol ta' kostruzzjoni fil-Wied tal-Kalkara?
Response (ZAMMIT, NINU)
Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 14834, li tirrigwarda l-istess suġġett.
Peress li l-fortizza Sant'Anglu (mhux l-upper fort) tinsab fi stat tal-mistħija, jista' il-Ministru jgħid x'xogħlijiet ser isiru matul is-sena 2006 fuq din l-istess fortizza?
Response (ZAMMIT, NINU)
Ninsab infurmat li t-Taqsima tax-Xogħlijiet qed tieħu passi sabiex tirrijabilta u tnaddaf il-partijiet pubbliċi ta’ Forti Sant’ Anġlu. Ix-xogħlijiet jikkonsistu f’tindif ta’ skart u materjal ieħor li kien ġie mitfuħ fil-fortizza, twaqqiegħ ta’ strutturi relattivament moderni li ġew ivvandaliżżati u li jinsabu fi stat ħażin u anke perikolużi għal min iżur il-post. Hu maħsub li bit-twaqqiegħ ta’ dawn l-istrutturi, li jikkonsistu f’żewgt ikmamar (barracks), jagħti spazju sabiex ikunu jistgħu isiru attivitajiet kulturali fi pjazza ġdida li tkun pavimentata adekwatament.
Wara li titlesta' r-rijabilitazzjoni f’partijiet ohra (stores) mill-fortizza, dawn l-istess stores ikunu jistgħu jintużaw għal skopijiet aktar utli.
Fil-konfront tax-xogħlijiet li qed isiru fuq l-Akkwadott fi Triq Notabile, Fleur-de-Lys, Birkirkara, peress li hemm kanal ta' l-ilma mikxuf quddiem id-dar "Edrose", jista' dan il-kanal jingħalaq kollu bil-kaptelli għaliex huwa perikoluż għar-residenti u għall-pedestrians?
Response (ZAMMIT, NINU)
Jien infurmat li ħafna nies li joqgħodu f’din iż-żona infurmaw lit-tekniċi tal-Ministeru biex dan il-kanal ma jintmesx peress li meta tagħmel ħafna xita, dan jilqa’ l-ilma ta’ ħafna toroq tal-viċinat. Jekk sempliċiment jiġi mgħotti bil-kaptelli mtaqqba jista' jkun li l-ammont ta’ ilma jkun wisq u jispiċċaw biex jegħrqu l-basements kif ġieli ġara qabel.
Jista' il-Ministru jgħid x'passi se jieħu dwar it-talba tal-kunsill lokali ta' Pembroke biex isir culvert minn Triq Madre Margherita debrincat għal parti minn Triq il-Kurunell Cocks għal Triq Gabriele Henin u għal Triq il-Mediterran biex residenti fil-lokalita' ma jibqgħux ibatu minn għargħar b'ilmijiet tax-xita?
Response (ZAMMIT, NINU)
Jien infurmat li l-Ministeru għadu kemm irċieva l-ittra mingħand il-Kunsill Lokali ta' Pembroke dwar din il-kwistjoni ta' għargħar b'ilmijiet ta' xita f'Pembroke.
Infakkar lill-Onor Membru li t-toroq imsemmija kif ukoll il-culverts fit-toroq imsemmija huma responsabilta' tal-Kunsill Lokali u mhux ta' dan il-Ministeru.
Jista' il-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni għala l-iskontri (dams) li qegħdin jinbnew ġodda fil-widien bħalma sar fil-wied Ta' Rmiedi f'Ħ'Attard mhux qegħdin jinbnew b'tali mod li jġorru l-ilma, peress li l-ilma qiegħed jgħaddi kemm minn taħthom kif ukoll minn ġo fihom?
Response (ZAMMIT, NINU)
Jien infurmat li fil-Wied ta’ Rmiedi, H’Attard ma nbnewx dams ġodda iżda ssewwew dawk qodma li kienu tkissru fuq medda twila ta' żmien. Dawn inbnew fil-biċċa l-kbira bl-istess ġebel qadim.
Dan il-Wied huwa kważi kollu fil-ħamrija u terrapien, għalhekk il-ġnub ta’ l-istess ilqugħ irid bilfors jagħlaq ma’ embankments ta’ ħamrija u terrapien.
L-iskop ta’ dawn l-ilqugħ kif mibnija m'huwiex li jinħoloq ħażna ta’ ilma li jinżamm mija fil-mija minħabba l-kostruzzjoni tagħhom, iżda li jżommu n-naqal u t-terrapien u sabiex l-ilma jitwaqqaf u ma jibqax nieżel jiġri b’saħħa kbira.
Wara li l-ilqugħ intelgħa bl-ilma fl-aħħar maltempata kbira, ġew identifikati xi postijiet fejn sar u ser jibqa’ jsir xi xogħol ta’ lqugħ biex l-ilma, sa fejn possibbli, jinżamm għall-livelli ogħla mingħajr ħsara lir-raba privat.
Jista' il-Ministru jikkonsidra li jiġi mnaddaf Wied is-Sewda u Sqaq il-Ħofor limiti ta' Ħal Qormi miż-żibel li hemm mitfugħ?
Response (ZAMMIT, NINU)
Jien infurmat li Wied is-Sewda ġie mnaddaf matul is-sajf li għadda u ser jittieħdu passi fil-futur qarib sabiex jerġa’ jsir tindif jekk ikun neċessarju.
Dwar il-parti tal-mistoqsija li tirrigwarda tindif ta’ Sqaq il-Ħofor li jinsab fil-limiti ta’ H’Attard, nitlob lill-Onorevoli Interpellant jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Ministru responsabbli mill-Kunsilli Lokali.
Awtorita' Maltija għar-Riżorsi — Enerġija alternattiva
Question
Jista' il-Ministru jgħid x'miżuri qiegħda tieħu l-awtorita' Maltija għar-riżorsi sabiex tippromwovi l-użu ta' enerġija alternattiva kemm mill-pubbliku kif ukoll minn azjendi governattivi, speċjalment fis-sitwazzjoni fejn il-prezz taż-żejt qiegħed dejjem jogħla?
Response (ZAMMIT, NINU)
Ninsab infurmat li l-Awtorita’ ta’ Malta dwar ir-Riżorsi qiegħda taħdem bis-sħieħ fuq aspetti differenti ta’ enerġija alternattiva. Tajjeb li nfakkar li f’numru ta’ każijiet l-enerġija alternattiva, anke dik hekk imsejħa “rinovabbli” (renewable), tiġi bi prezz aktar għoli minn enerġija ġġenerata minn fuels fossili, anke fil-livell ta’ prezz taż-żejt kif inhu llum. Mill-perspettiva ambjentali għandha il-vantaġġi u l-iżvantaġġi tagħha.
Jien infurmat ukoll li sal-bidu tas-sena d-dieħla, mistennija jiġu ppubblikati skemi, proċeduri u regolamenti għall-użu tal-biofuels u gass fil-vetturi.
“Energy from Waste” jidher li għandha potenzjal tajjeb u fuq dan l-Awtorita’ ta’ Malta dwar ir-Riżorsi qiegħda taħdem mal-WasteServ. Jidher li l-potenzjal sħiħ ta’ dan ir-riżors irid iż-żmien sabiex jitwettaq.
Fuq photovoltaics u enerġija mir-riħ, saru l-kalkoli meħtieġa. Dawn ta’ l-ewwel jiġu bi prezz għoli waqt li fil-każ ta' enerġij mir-riħ hemm kunsiderazzjonijiet ambjentali serji marbutin ma’ windfarms fuq skala kbira li qegħdin jiġu kkunsidrati. Id-deċizjonijiet ma jdumux ma jitħabbru.