Legislature:
Category:
Reset
Active:

Animal Welfare ta’ Għawdex — Ambulanza

Question

Jista’ l-Ministru jikkonferma jekk hux minnu li għalkemm il-gżira Għawdxija ngħatat ambulanza għall-użu tal-Animal Welfare, din tant hi qadima u mingħajr tagħmir neċessarju li spiċċat ma tintużax? Jista’ jgħid meta hemm il-ħsieb li għas-sezzjoni tal-Animal Welfare ta' Għawdex tinxtara ambulanza ġdida li tkun tista’ tilqa’ għall-bżonnijiet tal-Għawdxin?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi skont l-informazzjoni mogħtija lili mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari ninsab infurmat li l-ambulanza li l-Ministeru għadda lil Ministeru għal Għawdex ingħatat fi stat tajjeb ta’ manutenzjoni u b’tagħmir bażiku marbut mal-ħidma tal-Animal Welfare. Ninsab infurmat ukoll li għalkemm din ma kinitx ġdida, kienet tintuża fuq bażi regolari fil-ħidma tad-Direttorat. Għat-tieni parti tal-Mistoqsija Parlamentari nitlob lill-Onor Interpellant jirreferi d-domanda lill-Ministru kkonċernat

Direttorat tal-Agrikoltura – għalf għall-bhejjem

Question

Peress li minħabba n-nuqqas ta’ xita matul dawn l-aħħar xhur huwa evidenti li se jkun hawn nuqqas kbir ta’ mgħalef għall-bhejjem fl-irziezet Maltin, jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb li d-Direttorat tal-Agrikoltura jew xi istituzzjoni oħra tagħmel studju fuq mezzi alternattivi ta’ produzzjoni u/jew ħażna ta’ qmuħ u ċereali li jintużaw bħala għalf tal-bhejjem?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li skont l-informazzjoni mogħtija lili mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari ninsab infurmat illi, filwaqt li qed jiġu eżaminati miżuri ta’ appoġġ lill-bdiewa u r-raħħala milqutin min-nixfa, sabiex jittaffa l-impatt fuqhom, m’hemmx il-ħsieb li jsiru studji tat-tip li qed isemmi minħabba li n-nuqqas kbir ta’ mgħalef kien ikkawżat minn kundizzjonijiet klimatiċi ta’ nixfa rekord f’dawn il-gżejjer u mhux marbut ma’ xi nuqqasijiet fil-metodi ta’ produzzjoni jew ħażna tal-qmuħ u ċereali.

Pjan ta’ Azzjoni fuq in-Nitrati — riċerka

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hijiex qegħda issir xi forma ta’ riċerka fuq l-influss reali tan-Nitrati fl-ilma tal-pjan? Fuq liema bażi xjentifika Malta qiegħda tirraporta lill-Kummisjoni Ewropea fir-rigward tal-Pjan ta’ Azzjoni fuq in-Nitrati?

Response (BRINCAT, LEO)

Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jagħmel din id-domanda lill-Ministru konċernat.

Il-Pitkalija u l-Farmers’ Markets — statistika

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk teżistiex statistika fuq kemm jiġu mibjugħa frott u ħxejjex mill-Pitkalija u mill-Farmers’ Markets? Qiegħda tinżamm statistika fuq il-produzzjoni ta’ inbid, żejt taż-żebbuġa u għasel fil-Gżejjer Maltin?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi skont informazzjoni mogħtija lili mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari, ninsab infurmat li għar-rigward ta’ bejgħ ta’ frott u ħxejjex mill-Pitkalija tinżamm statistika filwaqt li ghall-bejgħ ta’ ħxejjex u frott mill- Farmers Market ma tinżammx. Għar-rigward tat-tieni parti tad-domanda, nitlob lill-Onor. Interpellant jagħmel il-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.

Għelieqi – pjan ta’ fertilazzjoni

Question

Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk il-pjan ta’ fertilazzjoni tal-għelieqi f’Malta u f’Għawdex humiex kollha kompluti? Hemm sistema li tgħin lill-bdiewa biex jingħataw għajnuna fuq il-pjan ta’ fertilazzjoni fl-għelieqi tagħhom?

Response (BRINCAT, LEO)

Nitlob lill-Onor Interpellant ikun aktar speċifiku fil-mistoqsija tiegħu u jgħid xi jrid ifisser bil-kliem “pjan ta’ fertilizzazzjoni komplut”. Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li skont informazzjoni mogħtija lili mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari, ninsab infurmat li bdiewa li jridu jagħmlu pjan ta’ fertilizzazzjoni, jistgħu jirrikorru għand nies kwalifikati u approvati mill-Awtorita kompetenti għal dan il-għan jew mingħand farm advisory service providers rikonoxxuti.

Proġett PIM Energhetica

Question

Apparti s-sehem tal-Wasteserv, jista’ l-Ministru jindika liema entitajiet governattivi oħra flimkien ma’ kunsilli lokali u organizzazzjonijiet oħra Maltin li kienu / għadhom parteċipi f’dan il-proġett iffinanzjat b’fondi Ewropej imsejjaħ PIM Energhetica?

Response (BRINCAT, LEO)

B’żieda mat-tweġiba li ngħatat għall-Mistoqsija Parlamentari numru 13842, nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.

Proġett PIM Energhetica

Question

Jista’ l-Ministru jikkonferma jekk l-Unjoni Ewropea hijiex se tkun qed timponi multi / ħlasijiet lill- / mill-partijiet involuti fil-proġett PIM Energhetica? Jekk iva, jista’ jagħti raġunijiet li waslu għal dawn il-multi / ħlasijiet imposti?

Response (BRINCAT, LEO)

B’żieda mat-tweġiba li ngħatat għal Mistoqsija Parlamentari numru 13842 u 24559, ngħarraf lill-Onor. Interpellant li skont l-informazzjoni mogħtija lili mill-Uffiċċju tas-Segretarju Permanenti ninsab infurmat li l-Ministeru m’għandu l-ebda informazzjoni dwar il-materja.

Bdiewa u raħħala Maltin – permessi biex jagħmlu l-mazzit u l-kirxa

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb li jibdew jinħarġu l-permessi neċessarji biex bdiewa u raħħala Maltin ikunu jistgħu jibdew jagħmlu l-mazzit u l-kirxa ta' Malta bħalma qiegħed isir f'diversi pajjiżi oħra Ewropej?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi skont l-informazzjoni mogħtija lili mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari, ninsab infurmat li d-Direttorat għar-Regolazzjoni Veterinarja ma rċieva ebda applikazzjoni minn raħħala jew bdiewa biex jagħmlu mazzit jew trippa minn materja prima lokali. Ninsab infurmat ukoll li jekk, fil-futur, jintwera interess minn entità jew entitajiet biex jagħmlu din l-attività, permessi neċessarji jkunu jistgħu jinħarġu minn dan id-Direttorat wara li jiġi aċċertat li l-investiment u l-proċeduri jkunu konformi mal-ħtiġijiet tar-Regolamenti tal-Pakkett Iġjeniku tal-UE.

Animal Welfare ta’ Għawdex – complement ta’ uffiċjali

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-complement ta' uffiċjali mħaddma mas-sezzjoni tal-Animal Welfare ta' Għawdex hux biżżejjed biex ilaħħaq mat-talbiet tal-pubbliku? Jista’ jgħid kemm hu attwalment il-complement ta' uffiċjali f'Għawdex u kemm fil-fatt irid ikun il-complement biex ilaħħaq mal-esiġenzi tal-poplu Għawdxi? Kemm kien hemm uffiċjali assenjati mas-sezzjoni ta' Għawdex, sena b'sena, għal dawn l-aħħar ħames snin, u ċjoè: fl-2011, 2012, 2013, 2014 u 2015?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi skont l-informazzjoni mogħtija lili mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlmentari, ninsab infurmat li fi sforz sabiex l-Animal Welfare f'Għawdex jingħata attenzjoni iktar speċifika ġie deċiż li l-Ministeru għal Għawdex ikollu tim ta’ nies għal dan il-għan. Ninsab infurmat ukoll li bħala parti min dan il-proċess il-Ministeru tiegħi għadda waħda mill-ambulanzi tiegħu lill-Ministeru għal Għawdex filwaqt li għall-ewwel darba ngħata budget ad hoc lill- Ministeru għal Għawdex. Ninsab infurmat li matul is-snin preċedenti ma kienx hemm nies mill- Animal Welfare f'Malta li kienu speċifikament dedikati għal Għawdex iżda l-istaff kien jitla hemm skont il-ħtieġa u l-prijoritajiet. Fil-konfront tal-pjani għall-futur nitlob lill-Onor. Interpelant jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Ministru għal Għawdex.

Dipartiment għas-Servizzi Veterinarji – annimali li ddaħħlu f’Malta

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk annimali li ddaħħlu f’Malta mingħajr id-dokumentazzjoni neċessarja u mingħajr approvazzjoni tad-Dipartiment għas-Servizzi Veterinarji u kif ukoll dawk mingħajr notifikazzjoni fis-sistema tat-Trade Control and Expert System (TRACES) humiex se jitqiesu konformi mar-regolamenti tal-Unjoni Ewropea dwar il-movimenti tal-annimali meta dawn jiġu rreġistrati taħt ir-Regolamenti tal-2016 dwar il-Pussess u ż-Żamma ta’ Annimali Perikolużi?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi skont l-informazzjoni mogħtija lili mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari, ninsab infurmat illi r-Regolamenti tal-2016 dwar il-Pussess u ż-żamma ta’ Annimali Perikolużi ġew ippublikati taħt is-setgħat tal-Att dwar it-Trattament Xieraq tal-Annimali u jirregolaw il-mod kif l-annimali għandhom jiġu mħarsa, mitmugħa, misqijin, imdewwa u mgħallma u l-kwalifiki tal-persuni li jkunu responsabbli għal dan. Ninsab infurmat ukoll li bħalma huwa msemmi fl-istess Avviż Legali r-reġistrazzjoni taħt dawn ir-regolamenti ma jillimitawx, jissostitwixxu jew jeskludu l-applikabbiltà ta’ kwalunkwe liġijiet jew regolamenti oħra inklużi dawk relatati mal-kummerċ, il-moviment jew l-importazzjoni ta’ annimali inkluz KE338/97 u KE865/2006.

Annimali li ddaħħlu f’Malta mingħajr dokumenti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk annimali li ddaħħlu f’Malta mingħajr id-dokumenti neċessarji tas-CITES (Convention on International Trade in Endangered Species of Wild Fauna and Flora) humiex se jitqiesu konformi mar-Regolamenti (KE) Nru 338/97 u Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 865/2006 mill-uffiċċju CITES fi ħdan l-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) meta dawn jiġu reġistrati taħt ir-Regolamenti tal-2016 dwar il-Pussess u ż-Żamma ta’ Annimali Perikolużi?

Response (BRINCAT, LEO)

Nitlob lill-Onor Interpellant jirreferi għat-tweġiba li ngħatat għal-Mistoqsija Parlamentari 24540.

Dipartiment għas-Servizzi Veterinarji – nagħaġ, mogħoż u bovini mhux identifikati

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm instabu nagħaġ, mogħoż, u bovini mhux identifikati u rreġistrati mad-Dipartiment għas-Servizzi Veterinarji matul il-perijodu li jkopri Marzu 2013 sal-ġurnata tal-lum?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li skont l-informazzjoni mogħtija lili mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari, qed inpoġġi Tabella fuq il-Mejda tal-Kamra bl-informazzjoni mitluba.

Servizz tal-1717 – qtugħ fl-operat

Question

Jista’ l-Ministru jikkonferma jekk is-sistema tas-servizz 1717 kenitx operattiva nhar is-Sibt 20 ta’ Frar, bejn is-7 ta’ filgħodu u s-1 ta’ wara nofsinhar? Jekk is-sistema ma kenitx operattiva, inħarġet notifika uffiċjali lill-pubbliku, kif inhu mifhum fir-risposta għall-mistoqsija parlamentari 22956?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li skont l-informazzjoni mogħtija lili mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari ninsab infurmat li l-qtugħ tal-linja 1717 fid-data msemmija ġiet imħabbra lill-pubbliku permezz tal-mezzi tax-xandir u l-mezzi tal-midja soċjali. Ninsab infurmat ukoll li s-servizz tal-ambulanza baqa’ għaddej b’mod normali billi minflok 1717 il-pubbliku beda jċempel fuq in-numru alternattiv li għalih diġà saret referenza fit-tweġiba għall-Mistoqsija Parlamentari 22956.

Covenant of Mayors

Question

Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra dettalji/riżultati aġġornati dwar riżultati li kisbu sa issa l-24 lokalità Maltija firmatarji fl-inizjattiva Covenant of Mayors b’rabta ma’ miri ċari għal tnaqqis ta’ emissjonijiet CO2 sas-sena 2020 (lokalità b’lokalità separatament)?

Response (BRINCAT, LEO)

Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jagħmel din id-domanda lill-Ministru konċernat.

Breakwater tal-Veċċia – qtugħ ta’ dawl

Question

Billi skont risposta parlamentari datata 6 ta' April 2016 (mistoqsija parlamentari 24386) id-dawl fuq il-moll tal-Veċċa reġa’ beda jaħdem, iżda meta vverifikajt fuq il-post sibt li dan ma kienx il-każ, jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar liema interventi saru, u kemm ġew jiswew dawn l-istess interventi li saru fuq il-post? Kif se jiġi assigurat li dawn id-dwal li għadhom kif twaħħlu, jibqgħu jaħdmu?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li minn informazzjoni mogħtija lili mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari, ninsab infurmat li sa meta ngħatat ir-risposta preċedenti d-dawl kien qiegħed jaħdem. Ninsab infurmat ukoll li d-dawl qiegħed jinqata minħabba fault apparenti fis-sistema elettrika, u għadhom għaddejin verifiki tekniċi biex tissolva l-problema b’mod permanenti. Ninsab infurmat ukoll illi dan l-intervent mhux ser jinvolvi l-ebda spiża.

Ministeru għall-Iżvilupp Sostenibbli, Ambjent u Tibdil fil-Klima — qasam ta' relazzjoni mal-media - impjegati

Question

Jista’ l-Ministru jgħid mid-9 ta’ Marzu 2013 sad-data li fiha qed issir din il-mistoqsija parlamentari, kemm ġew impjegati persuni fil-qasam ta’ relazzjoni mal-media, jew ta’ konsulenza fl-istess qasam, jew bħala persons of trust fl-istess qasam, inkluż xogħol ta’ kitba jew preparazzjoni ta’ materjal ieħor għall-media (inkluż laqgħat u attivitajiet ta’ konsultazzjoni pubblika), kemm full-time, kemm part-time, kif ukoll permezz ta’ ħlas ta’ għoti ta’ servizzi, fid-dekasteru kollu tiegħu? Kemm tħallsu f’dan il-perjodu? Jista’ jgħid min huma?

Response (BRINCAT, LEO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni għadha qed tinġabar u se tkun qed tingħata fl-iqsar żmien possibbli.

Programm għall-Iżvilupp Rurali 2014-2020 — miżuri

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta hu maħsub li jiftħu l-ewwel miżuri tal-Programm Għall-Iżvilupp Rurali 2014-2020? Se jsiru laqgħat informattivi mal-bdiewa qabel jinfetħu dawn il-miżuri?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li minn informazzjoni mogħtija lili mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari, ninsab infurmat li l-ewwel miżuri mill-Programm għall-Iżvilupp Rurali 2014-2020, infetħu fit-28 ta' Marzu 2016. Għat-tieni parti ta’ din id-domanda, nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi l-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.

Ġbejna Maltija – timbru ta’ kwalità Ewropew

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk għadux għaddej il-proċess sabiex il-Ġbejna Maltija tingħata t-timbru ta’ kwalità Ewropew magħruf bħala PDO (Protected Designation of Origin) jew PGI (Protected Geographical Indication)?

Response (BRINCAT, LEO)

Minn informazzjoni mogħtija lili mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex, kif diġà ġie mwieġeb f’risposta preċedenti għall-Mistoqsija Parlamentari 22926, jagħmel din id-domanda lill-Ministru kkonċernat.

Breakwater tal-Veċċia – qtugħ ta’ dawl

Question

Billi sfortunatment id-dwal il-ġodda li hemm fuq il-breakwater tal-Veċċia, minkejja li għadhom ġodda, mhux qed jixgħelu u ilhom hekk għal numru ta’ jiem, jista' l-Ministru jieħu l-passi neċessarji biex dawn il-ħsarat jissewwew, jew jekk mhux ħsara jittieħdu l-passi biex dan il-qtugħ ta’ dawl ma jibqax iseħħ?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li minn informazzjoni mogħtija lili mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari, ninsab infurmat li d-dawl ta’ dan il-moll reġa’ qed jaħdem wara intervent min-naħa tal-kuntrattur li għamel x-xogħlijiet relatati.