Legislature:
Category:
Reset
Active:

Awtorità tad-Djar – ftehim ġdid ta’ kirja

Question

Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-ftehim il-ġdid ta' kirja li sar mill-Awtorità tad-Djar fuq il-fond li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament? Jista' jgħid kemm huwa l-ħlas annwali ta' kera għal dan il-fond u jgħid ukoll għal kemm żmien sar dan il-ftehim?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-informazzjoni mitluba hija waħda ta’ natura kummerċjali u sensittiva u għaldaqstant ma tistax titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Awtorità tad-Djar – post alternattiv

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk l-Awtorità tad-Djar għadhiex bil-ħsieb li ssib post alternattiv minn fejn topera? Jekk iva, jista' jgħid jekk inbedix il-proċess ta' procurement f'dan il-każ?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi, l-Awtorita’ tad-Djar għaddejja bi studju sabiex jinstab post alternattiv għall-uffiċini tagħha. Għalhekk, il-proċess ta’ procurement għadu ma bediex.

Ammont ta’ ikel — skema

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 28510, jista' l-Ministru jgħid jekk is-27,000 familja li se jibbenefikaw mit-tqassim tal-ikel, jammontawx għall-41,000 persuna eleġibbli għal dan l-ikel u dan skont l-istqarrija ministerjali tal-11 ta' Ottubru 2016?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi n-numru preċiz ta’ familji u konsegwenza ta’ hekk in-numru ta’ persuni li jaqgħu fil-kriterji stabbiliti huwa wieħed fluwidu u għaldaqstant mhux possibbli li jingħata n-numru eżatt għaliex dawn jinbidlu minn żmien għall-ieħor.

Servizz ta’ Home Help – każ ta’ individwu

Question

Jista’ l-Ministru jara l-każ ta’ individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament rigward każ ta’ home help?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi, il-każ imsemmi minnu qiegħed jingħata l-attenzjoni meħtieġa.

Sussidju fuq id-dawl — każ ta' individwu

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 28734 li oriġinajrament saret lill-Prim Ministru u li issa ġiet riferuta lilu u jara l-każ tal-individwu li d-dettajli dwaru qed jingħataw separatament rigward sussidju fuq id-dawl?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-każ imsemmi minnu qiegħed jingħata l-attenzjoni meħtieġa wara li d-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali rċieva d-dokumenti meħtieġa sabiex ikun jista’ jikkonsidra l-applikazzjoni msemmija.

Problema tal-faqar

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’miżuri qed jittieħdu sabiex il-Gvern jiġġieled il-problema tal-faqar li wiret min-nuqqas ta’ inizjattivi tal-Gvern preċedenti?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi, konxji tal-fatt li l-problema tal-faqar f’pajjiżna m’hijiex perċezzjoni iżda realta’, il-Ministeru li tiegħu jiena responsabbli ħadem u għadu qiegħed jaħdem fuq diversi proġetti, strateġiċi, skemi, programmi u miżuri li permezz tagħhom qegħdin u ser inkomplu ngħinu lil dawk il-familji li qegħdin jgħixu fil-faqar; ewlenin fosthom iżda mhux biss: Għajnuna lill-Familji: - Benefiċċju tal-inwork lill-koppji miżżewġa, anke jekk wieħed mill-konjugi biss jaħdem, kif ukoll lis-single parents li għandhom tfal sa 23 sena, liema benefiċċji se jkomplu jiżdiedu s-sena d-dieħla u mħallsa lill-benefiċjarji ġodda minħabba li twessa’ il-capping; - Riforma fl-Għajnuna Supplimentari li se tagħti żidiet lill-ħaddiema miżżewġin sa massimu ta’ €4.41 fil-ġimgħa lil dawk bi dħul anqas minn €13,000 fis-sena, u żidiet lill-ħaddiema single sa massimu ta’ €2.43 fil-ġimgħa lil dawk bi dħul taħt id-€9,012 fis-sena; - B’dawn iż-żewġ miżuri li semmejt issa se nassiguraw li kull min jaħdem u qiegħed bil-paga minima se jieħu żieda ta’ mill-anqas €4 netti fil-ġimgħa, liema żieda tikber skont in-numru ta’ tfal fil-familja; - Persuni bil-paga minima ma baqgħux iħallsu taxxa; - Roħs fit-taxxa wkoll lil dawk bi dħul ogħla mill-paga minima u li ma bbenefikawx mir-rohs tat-taxxa minn 35% għal 25%; - Sistema ta’ tapering fuq il-benefiċċji soċjali sabiex ninċentivaw lil dawk li mhux f’impjieg, inkluż lil ġenituri single li jirċievu l-għajnuna soċjali, sabiex jidħlu fid-dinja tax-xogħol; - Ma baqax jittieħed inkonsiderazzjoni d-dħul mill-impjieg tal-ulied, inkluż minn impjieg, meta familja tibbenefika mill-għajnuna soċjali; - Il-leave tal-maternita’ estiż b’ġimgħatejn għal total ta’ 18-il ġimgħa kif ukoll l-għoti tal-leave tal-maternita għal dawk l-ommijiet li jaddottaw. Ukoll żieda fir-rata tal-benefiċċju tal-maternita’, ekwivalenti għall-paga minima nazzjonali; liema benefiċċju ser ikun qiegħed jingħata wkoll lill-ommijiet li jaħdmu għal rashom għall-ewwel 14-il ġimgħa tal-leave tal-maternita’ tagħhom; - Il-proġett ta’ €50 miljun li permezz tiegħu ser inkunu qegħdin ninvestu f’binjiet ġodda għas-Social Housing f’pajjiżna; - Ir-reviżjoni fis-sussidju tal-kera mħabbra f’dan il-baġit – liema sussidju massimu ser jiżdied minn €1,000 għal €2,000 fis-sena, dejjem skont kemm hemm membri fil-familja u wkoll skont id-dħul tal-familja, u barra minn hekk se jitwessa wkoll il-capping tat-test tal-mezzi biex jibbenefikaw aktar nies; - Proġett pilota, imħabbar f’dan il-baġit li ser ikun qiegħed jagħti serħan il-moħħ lil familji bi dħul baxx filwaqt li jorbot lil sid il-kera b’kuntratt ta’ 7 snin imma wkoll jagħti l-vantaġġ lil dan tal-aħħar li ser ikun qiegħed jibbenifika minn rata baxxa ta’ taxxa; - Iż-żidiet b’rabta mal-kirijiet baxxi li mhux ħa jibqgħu ikunu applikabbli għal residenzi tal-Gvern jew tal-Awtorita’ tad-Djar. Iż-żidiet fil-kera li kienu affetwati fl-2013 u fl-2016 b’mod rispettiv, lil dawn l-inkwilini, ser ikunu mreġġa’ lura u mogħtija lura lill-individwi milquta; - Il-proġett LEAP li l-iskop tiegħu huwa li permezz ta’ sħubija bejn l-Istat, numru ta’ NGO’s u għaqdiet oħrajn, inkunu f’qagħda li nidentifikaw każijiet li lanqas jirrikorru għall-għajnuna. - Tibdil fil-kalkolu tat-test tal-mezzi fl-Assistenza Medika, fejn l-ammont ta’ manteniment mgħoddi mill-applikant lill-ex-konjuġi tiegħu/tagħha beda jitneħħa meta jsir it-test tal-mezzi. - Miżura ta’ każijiet ta’ żagħżagħ li b’effett mill-1 ta’ Jannar 2015 beda jkollhom l-obbligu li jipparteċipaw fil- Youth Guarantee . - S ingle parents taħt it-23 sena li jkollhom it-tfal li laħqu l-età ta’ sena beda jkollhom l-obbligu illi jipparteċipaw fil- Youth Guarantee sabiex l-opportunitajiet tagħhom vis-as-vis id-dinja tax-xogħol jiżdiedu. Għajnuna lill-anzjani u pensjonanti (inkluż tal-futur): - Żidiet lill-pensjonanti single jew romol fuq pensjoni minima li din is-sena raw il-pensjoni tagħhom inkluż il-bonus għall-ogħli tal-ħajja titla’ għal €7,280 fis-sena jew €140 fil-ġimgħa. Dawk il-pensjonanti li ma kellhomx il-bolol kollha mħallsa u li kienu fuq pensjoni minima, il-pensjoni tagħhom żdiedet pro-rata; - Fl-istess waqt pensjonanti fuq pensjoni minima mħallsa bir-rata ta’ miżżewweġ se tkun żdiedet €514.80 fis-sena jew €9.90 fil-ġimgħa bejn dis-sena u s-sena d-dieħla; - Żieda ta’ €4 fil-ġimgħa (€208 fis-sena) minbarra ż-żieda tal-għoli tal-ħajja, li minbarra li se tkun qed tingħata lill-pensjonanti u anzjani miżżewġin b’pensjoni minima, se tingħata wkoll lill-pensjonanti miżżewġin tal-eta’ non-kontributorja; - Ir-riforma li semmejt fl-Għajnuna Supplimentari li se tagħti żidiet fil-ġimgħa lill-pensjonanti u anzjani miżżewġin bi dħul taħt it-€13,000 li jistgħu jitilgħu sa’ €4.41 fil-ġimgħa u dan minbarra ż-żidiet fil-pensjoni; - Emenda fil-liġi sabiex l-irġiel u n-nisa ma jibqgħux ikunu diskriminati minħabba l-ġeneru, li wasslet biex in-nisa u l-irġiel bdew jitħallsu l-istess rata ta’ pensjoni fejn applikabbli; - Bonus annwali lil dawk il-persuni li ma kellhomx biżżejjed kontribuzzjonijiet sabiex ikunu intitolati għall-pensjoni f’isimhom. Min ħadem bejn sena u ħames snin jirċievi bonus ta’ €100, filwaqt li dawk li ħadmu aktar minn ħames snin huma intitolati għal bonus ta’ €200. Dan il-bonus ser ikun qiegħed jiżdied b’€50 fis-sena 2017, sabiex fiż-żewġ każijiet l-individwi intitolati jibdew jirċievu bonus ta’ €150 jew €250 fis-sena skont il-każ; - Ġew irduppjati l-krediti tal-kontribuzzjonijiet lill-ġenituri li twieldu mill-1952 ‘il quddiem għaż-żmien li għamlu wieqfa mix-xogħol biex irabbu l-ulied; - Krediti ta’ kontribuzzjonijiet lill-ġenituri single meta jidħlu f’kors vokazzjonali jew f’kors f’edukazzjoni terzjarja skont il-livell ta’ studju; - Top-Up fil-pensjoni lil dawk li jagħżlu li jibqgħu jaħdmu wara l-eta’ tal-pensjoni u ma jieħdux pensjoni matul dan il-perijodu li jvarja bejn 5% u 23% tal-ewwel pensjoni mħallsa skont kemm-il sena tkun posposta l-pensjoni; - Tneħħija tat-taxxa fuq dħul mill-pensjoni sa massimu ta’ €13,000 sal-2018; - L-ammont ta’ pensjoni tas-servizz li jiġi injorat għall-fini tal-ħdim tal-pensjoni tas-sigurta’ soċjali żdied b’€1,000 f’din il-leġislatura u huwa iggarantit li jibqa’ jiżdied b’€200 oħra fis-sena fil-futur; - Pensjoni sħiħa minflok pensjoni mnaqqsa lir-romol li jkunu ħadmu u allura jkollhom dritt għall-pensjoni tagħhom; - Miżura ġdida li biha studenti full time li għadhom ma għalqux l-24 sena u li jagħmlu xi xogħol self-employed, jistgħu jħallsu l-kontribuzzjoni tas-sigurta’ soċjali pro-rata, b’rata ta’ 15% tad-dħul nett tagħhom; - Sosten lill-anzjani tagħna u l-qraba tagħhom kif ħabbarna, permezz ta’ żieda sostanzjali fil-Pensjoni tal-Wens u fl-Allowance tal-Carer, sabiex l-anzjani jiqgħu jgħixu fi djarhom u nagħtu sens ta’ aktar dinjita’ lill-anzjani tagħna; - L-għotja annwali ta’ €300 lill-anzjani li jibqgħu jgħixu fil-komunita’ li mhux biss bdiet tingħata lil min jagħlaq 75 sena imma baqgħet u se tibqa tingħata kull sena; - Twessa’ l-capping tat-test tal-mezzi sabiex persuna titqies eleġibbli għall-karta r-Roża; - L-iSkema Carer at Home li permezz tagħha qed jiġu mgħejjuna, permezz ta’ sussidju, dawk l-anzjani, li jgħixu f’darhom sabiex ikunu jistgħu jimpjegaw carer magħhom - Tneħħliet anomalija fil-mod ta’ kif jiġu riveduti il-pensjonijiet ta’ dawk il-pensjonanti – fosthom ħaddiem tat-tarznari – fejn il-kumpanija li rtiraw minn magħha għalqet u għalhekk ma għadhiex tiffunzjona, sabiex meta ssir ir-reviżjoni annwali jiġu mqabbla mal-istruttura tas-salarji tal-ħaddiema tal-Gvern fis-sena li fiha tkun għalqet il-kumpanija. - Persuni li laħqu l-età ta’ 59 sena u għadhom ma laħqux l-età ta’ 65 sena u fl-istess waqt ikunu qegħdin f’impjieg jew jagħmlu xogħol għal rashom jistgħu issa jħallsu sa massimu ta’ ħames snin kontribuzzjonijiet tas-Sigurtà Soċjali b’lura sabiex itejbu l-pensjoni kontributorja tagħhom jew ikunu eliġibbli għal pensjoni kontributorja. Għajuna lill-Persuni B’Diżabilita’: - Pensjoni tad-diżabilita’ ogħla lil dawk il-persuni li d-diżabilita’ tagħhom tant hi severa li timpedihom milli jkunu f’impjieg. Lil dawn il-persuni li se jkunu qed jirċievu l-ogħla livell ta’ pensjoni, il-pensjoni tad-diżabilita’ ser tkun qegħda togħla fuq perjodu ta’ 3 snin sa ma tlaħħaq ir-rata tal-paga minima netta. Il-pensjoni tad-diżabilita’ kif inhi llum se tkun fit-tieni livell u ser tibqa’ titħallas bħal lum anke lil min ikun f’impjieg kif tħabbar fil-Baġit tal-2015. Madanakollu, kif kien imħabbar fl-aħħar baġit, l-amputees issa ser ikunu wkoll intitolati għat-tielet livell tal-pensjoni tad-diżabilita’; - Pensjoni lill-persuni b’diżabilita’ li tkun ekwivalenti għal pensjoni tal-irtirar non-kontributorja malli jagħlqu l-eta’ tal-pensjoni; - Żieda fl-Allowance għal Tfal b’Diżabilita’ ta’ kważi €5 fil-ġimgħa; - Inċentivi fiskali lil min jimpjega persuni b’diżabilita’ u wkoll multi lil min ma jimpjegax persuni b’diżabilita’ fuq il-post tax-xogħol tiegħu. Dan kollu qed nagħmluh sabiex il-persuni b’diżabilita’ noffrulhom l-opportunitajiet li jixirqilhom. Minbarra l-miżuri msemmija aktar ‘l fuq kien hemm ukoll il-miżura ewlenija tar-roħs tat-tariffi tad-dawl u l-ilma għall-familji u n-negozji li tefgħu fil-bwiet tan-nies €80 miljun fis-sena. Dan minbarra numru ta’ miżuri oħra fil-qasam edukattiv u fil-qasam tas-saħħa li wkoll jgħinu persuni f’risjku ta’ faqar. Il-ħidma ser tkompli sabiex nassiguraw li ntejbu l-ħajja tal-familji kollha Maltin u Għawdxin u nkomplu nnaqqsu l-faqar f’pajjiżna u eventwalment noffru d-dinjita’ li tixirqilhom lil dawk il-familji l-aktar fil-bżonn.

Proġetti biex titjib jew tittaffa l-qagħda ta’ dawk l-aktar fil-bżonn

Question

Jista’ l-Ministru jgħid xi proġetti saru jew huma fil-ħsieb li jsiru sabiex titjib jew tittaffa l-qagħda ta’ dawk l-aktar fil-bżonn, l-aktar meta jiġu temporanjament mingħajr saqaf fejn jorqdu?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi, il-Ministeru tal-Familja u Solidarjetá Soċjali qed jaħdem bis-sħiħ biex jindirizza l-bżonnijiet ta’ persuni ġejjin minn sitwazzjonijiet diffiċli. B’żieda mat-tweġiba li tajt għal mistoqsija parlamentari numru 27102, minbarra programmi indirizzati lejn ġenerazzjonijiet u problemi soċjali differenti li l-klijenti tal-Aġenzija Appoġġ u Sedqa jiffrekwentaw, il-Fondazzjoni għas-Servizzi ta’ Ħarsien Soċjali, toffri l-għajnuna tagħha wkoll f’każijiet meta jkun hemm persuni li jispiċċaw temporanjament mingħajr saqaf fejn jorqdu, billi tirreferi l-każ lil entitajiet governattivi oħra u/jew għaqdiet Non-Governattivi li jipprovdu shelter. Dan huwa possibli bis-saħħa ta’ ftehim kuntrattwali li l-Ministeru li tiegħu jiena responsabbli għandu ma’ numru ta’ għaqdiet u komunitajiet. Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi, l-Awtorita’ tad-Djar tirreferi l-każijiet ta’ persuni li jispiċċaw temporanjament bla saqaf fuq rashom lill-istituzzjonijiet li joffru “Temporary Sheltering”. Madankollu, l-Awtorita’ tad-Djar, fil-preżent, xorta qed tagħmel l-investigazzjonijiet neċessarji billi tara l-fatti u tittieħed azzjoni fiċ-ċirkostanzi tal-każ billi timxi fuq case by case basis. Barra minn hekk, infakkar lill-Onorevoli Interpellant illi, matul is-sena d-dieħla, l-Awtorita’ tad-Djar ser tkun qegħda tibni l-ewwel units bħala parti mill-proġett kbir ta’ €50 miljun, li fuq medda ta’ tliet snin se jkun qed jirriżulta f’numru konsiderevoli ta’ units disponibbli għall-akkomodazzjoni soċjali, inkluż każijiet imsemmija f’din il-mistoqsija.

Pensjoni tas-Servizzi Ingliżi — żieda

Question

Jista’ l-Ministru jgħid għaliex dawk li għandhom pensjoni tas-Servizzi Ingliżi u li bdew jiżdiedu ftit, kif kien imħabbar minn amministrazzjoni preċedenti għadhom jistennew l-aġġustament ta' €200 li kienet ġiet imħabbra s-sena li għaddiet fid-diskors tal-baġit meta issa diġà dħalna fix-xahar ta’ Novembru? Jista’ jgħid x’żieda, speċifikament għalihom, se jieħdu dawn il-pensjonanti, is-sena d-dieħla u sa meta hu mistenni li jeħduha?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Infakkar lill-Onor. Interpellant li kien il-Gvern ta’ bejn l-1996 u l-1998 li daħħal l-ewwel riforma importanti għall-pensjonanti tas-servizz fl-4 ta’ Ottubru 1997 li biha eluf kbar ta’ pensjonanti tas-servizz ma baqgħux isofru qtugħ fil-pensjoni tas-sigurta’ soċjali tagħhom waqt li ħafna oħrajn gawdew minn din il-miżura snin wara u għadhom igawdu minnha sal-lum. Il-Gvern preċedenti kien ħa 11-il sena, jiġifieri sal-2008, biex kompla jibni fuq dik il-miżura u daħħal l-aġġustament tal-€200. B’dan l-aġġustament il-Gvern preċedenti ta b’kollox €800 permezz ta’ erba’ aġġustamenti waqt li sa tmiem din il-leġislatura biss il-Gvern preżenti se jkun ta sitt aġġustamenti jew €1,200. Inżid ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi ż-żieda li qiegħda issir referenza għaliha, ġiet maħduma u jirriżulta li madwar 4,500 pensjonant ibbenefikaw minn żieda li tlaħħaq sa €3.85 fil-ġimgħa. Għas-sena d-dieħla huwa ippjanat li sa Settembru ir-reviżjonijiet ikunu saru u ż-żidiet dovuti għall-2017 ikun tħallsu kollha. Ma neskludix wkoll il-possibiltà li jista’ jkun hemm ftit każijiet fejn ma jkunux ircievew iż-żieda dovuta lilhom minħabba ir-raġuni li ma jkunux nqabdu mis-sistema minħabba data li ma tkunx għad-diżpożizzjoni tad-Dipartiment tas-Sigurta’ Soċjali. Tajjeb li wieħed isemmi li l-assessjar ta’ dan l-eżerċizzju isir b’mod awtomatiku u l-intervent uman isir biss sabiex ikunu awtorizzati l-arretrati. Għaldaqshekk nitlob lill-Onor. Interpellant li, jekk jaf b’xi każ partikolari, jgħaddilna d-dettalji tal-individwu sabiex id-Dipartiment tas-Sigurta’ Soċjali jkun jista’ jiċċekkja fuq il-każ.

Dar tal-Anzjani – applikazzjoni ta’ persuna

Question

Jista’ l-Ministru jgħid f’liema stadju waslet l-applikazzjoni għal Dar tal-Anzjani tal-persuna lid-dettalji dwarha qed jingħataw separatament?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi, il-każ imsemmi minnu qiegħed jingħata l-attenzjoni meħtieġa.

Akkomodazzjoni soċjali – applikazzjoni ta’ persuna

Question

Jista' l-Ministru jgħid fiex waslet l-applikazzjoni għall-akkomodazzjoni soċjali tal-persuna li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament? Jista' jara li dan il-każ jingħata preċedenza, peress li din il-persuna se tkun qed tispiċċa barra wara Diċembru 2016 għaliex il-kuntratt tal-kiri tal-post li fih qed tgħix preżentement se jiskadi u peress kull kirja ġdida taċċedi l-mezzi tagħha?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li, l-każ imsemmi minnha qiegħed jingħata l-attenzjoni meħtieġa.

Ministeru għall-Familja u Solidarjetà Soċjali — konsulenzi

Question

B'referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 28506, jista' l-Ministru jgħid min huma l-persuni, il-kumpaniji jew il-partnerships li ngħataw il-kuntratti u x-xogħlijiet imsemmija fir-risposta li ngħatat għal din il-mistoqsija parlamentari?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi m'għandix aktar xi nżid mat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 28506.

Fondazzjoni Dar il-Hena — għajnuna

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’għajnuna qed tingħata lill-Fondazzjoni Dar il-Hena?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi, il-Ministeru għall-Familja u Solidarjeta’ Soċjali flimkien mal-Caritas Malta u Alfred Mizzi Foundation, daħal f’att notarili fejn ġiet ffurmata l-Fondazzjoni Dar il-Hena. Permezz ta’ dan il-kuntratt, il-Ministeru jkopri l-ispejjeż operattivi, li jinkludu wkoll il-pagi, ta’ din il-Fondazzjoni biex tkun tista’ toffri għajnuna soċjali lil individwi u familji li qed jesperjenzaw esklużjoni soċjali u faqar materjali.

Għajnuna Soċjali

Question

Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra kemm kienu l-persuni li l-Għajnuna Soċjali (Sup) nqatgħatilhom għax tul din is-sena ma attendewx fl-uffiċċju distrettwali tagħhom?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi, in-numru ta’ persuni li, l-Għajnuna Soċjali (SUP) tagħhom ġiet terminata minħabba li m’attendewx fl-uffiċċju distrettwali tagħhom matul din is-sena kien ta` 36. Tajjeb wieħed jinnota li qabel jitwaqqaf il-benefiċċju, persuna tintbagħtilha ittra tlett darbiet biex tmur l-uffiċċju distrettwali, l-ewwel darbtejn bil-posta normali u t-tielet u l-aħħar waħda reġistrata fejn fiha jkun hemm it-twissija li jekk ma tmurx ikun se jinqata’ l-benefiċċju. Jekk il-benefiċċjarju jirrikorri f’wieħed mill-uffiċċji distrettwali, u jagħti raġuni valida ‘l għaliex naqas milli jattendi l-uffiċċju meta kien imsejjaħ, u din tiġi aċċettata mill-uffiċċjali tad-Dipartiment tas-Sigurta’ Soċjali, il-benefiċċju jerġa’ jibda jinħareġ. Jekk ir-raġuni li tingħata ma tiġix aċċettata, biex il-klijent jerġa’ jkun intitolat għal għajnuna soċjali, il-klijent ikun mistenni li jerga’ jissottometti applikazzjoni ġdida.

Work In Benefit

Question

Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra kemm persuni kienu qegħdin jibbenefikaw mill-hekk imsejħa Work In Benefit sal-15 ta’Novembru 2016 u jista’ jinforma lill-Kamra kemm ġew imħallsa komplessivament f’benefiċċju?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpelllant li, kien hemm 1,618-il persuna li kienu qed jibbenifikaw mill-In-Work Benefit meta sar l-aħħar pagament li kien ikopri sat-30 ta’ Settembru 2016, fejn sa issa matul l-2016 tħallas l-ammont nett ta’ €1,342,307.82.

Qtugħ ta’ pensjoni – każ ta’ individwu

Question

Jista' l-Ministru jara każ dwar qtugħ minn pensjoni ġewwa Dar tal-Anzjani tal-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li, l-persuna li d-dettalji dwarha qegħdin jingħataw b’mod separat ser tkun ikkuntatjata mid-Dipartiment tas-Sigurta’ fejn tingħatalu spjegazzjoni dwar il-każ tiegħu.

Mellieħa – Triq San Publiju – proġett – nuqqas ta’ aċċessibilità

Question

Jista' l-Ministru jgħid x’inhi l-pożizzjoni tal-Kummissjoni Nazzjonali Persuni b'Diżabilità dwar in-nuqqas serju ta' aċċessibilità li ser ikun qed jikkawża proġett ġdid li qiegħed isir mill-Kunsill Lokali Mellieħa preċiżament fi Triq San Publiju fil-Mellieħa stess? (Dan anke meta f'nofs din l-istess triq jeżisti bini ta' organizzazzjoni mhux Governattiva li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament li tipprovdi fost l-oħrajn taħriġ relatat mal-arti u artiġġjanat).

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi, wara li l-Kummissjoni għad-Drittijiet ta' Persuni b'Diżabilità (CRPD) ġiet ikkonsultata fuq il-proġett ta' Triq San Publiju fil-Mellieħa, il-Perit tal-Kummissjoni wera oġġezzjoni għal din l-applikazzjoni. L-applikant, bid-dritt li tagħtih il-Liġi Opportunitajiet Indaqs (Persuni b'Diżabilità), applika biex l-istess applikazzjoni tiġi eżentata mil-linji gwidi tal-aċċessibilità mill-Bord tal-Eżami li jiddetermina x'inhu raġonevoli. Dan il-Bord, li jiffunzjona b'mod indipendenti mis-CRPD, iddeċieda li, għandu jaċċetta t-talba tal-applikant għal eżenzjoni fuq żewġ binarji: · L-ewwel nett minħabba l-istat ta' topografija tal-art fejn tinsab din it-triq u; · It-tieni abbażi taċ-Ċirkulari tal-Awtorità tal-Ippjanar (2/14), li fost affarijiet oħra teżenta milli tali proġetti/binjiet isiru jew ikunu konformi mal-linji gwida tal-aċċessibilità. Din iċ-Ċirkulari kienet saret bi qbil bejn il-Kummissjoni Nazzjonali Persuni b'Diżabilità (KNPD) u s-Segretarjat Parlamentari għall-Ippjanar u s-Simplifikazzjoni tal-Proċessi Amministrattivi fis-27 ta' Marzu 2014.

Kera ta’ telecare – każ ta’ persuna

Question

Jista’ l-Ministru jara li jsir kuntatt mal-anzjana ta’ 80 sena li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament fejn din minkejja li għandha l-kartuna roża xorta tħallas il-kera tat-telecare u s-sussidju tal-kera?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li sar kuntatt mal-persuna li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament u ġie spjegat lilha x'għandha tagħmel.

Pensjoni tal-Wens

Question

Jista' l-Ministru jgħid kif ser jinbidlu l-kriterji tal-Pensjoni tal-Wens (Carer’s Pension) u l-Għajnuna Soċjali għall-Carers (Social Assistance for Carers) skont kif ġie mħabbar fil-Baġit 2017? Jista' jgħid min ser ikun eliġibbli biex japplika, kemm persuni ser ikunu qed jibbenefikaw minn din ir-reviżjoni u kemm ser ikun il-massimu li kull persuna tista' tkun qed tirċievi permezz ta' dawn l-iskemi?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi, minn Jannar 2017, persuni li jirċievu l-Pensjoni tal-Wens se jinqalbu awtomatikament għal benefiċċju l-ġdid Allowance Miżjuda għal Carer (ICRA). Din l-allowance se tkun ta’ €140 fil-ġimgħa. Minn dan l-istess xahar ser jibdew jintlaqgħu applikazzjonijiet ġodda minn persuni singoli kif ukoll persuni miżżewġa li ma jaħdmux, li huma taħt l-età tal-pensjoni u li jgħixu fl-istess dar u qed jagħtu kura lill-pazjent li, skont skali stabbiliti ibbażati fuq il-Barthel Index, ikun ikkunsidrat li għandu grad ta’ dipendenza għolja. Dan il-benefiċċju ġdid mhux se jkun skont test tal-mezzi għalkemm Artikolu 90 tal-Att dwar is-Sigurtà Soċjali (Kap. 318) jibqa’ jgħodd. Dan ifisser li persuna ma tistax tikkwalifika għal żewġ benefiċċji fl-istess waqt imma tingħata l-benefiċċju, pensjoni, allowance, jew assistenza li jkollha dritt għaliha bl-ogħla rata. Dawk li sal-bidu ta’ Jannar 2017 kienu qegħdin jirċievu Għajnuna Soċjali għal Carer, se jiġu maqluba awtomatikament għall-Allowance għal Carer (CRA). Mill-bidu ta’ Jannar 2017, se jibdew jintlaqgħu applikazzjonijiet għal dan il-benefiċċju ġdid li se jibqa’ jkun skont test tal-mezzi, kif jipprovdi l-Att dwar is-Sigurtà Soċjali (Kap. 318) u li se jkun sa massimu ta’ €90 fil-ġimgħa. Il-persuni singoli li jistgħu japplikaw iridu jkunu jgħixu mal-pazjent, ma jkunux f’impjieg u jkunu qed jieħdu ħsieb il-pazjent li jkun ikkunsidrat li għandu grad ta’ dipendenza medja skont l-iskali fuq imsemmija.

Official Malta Budget – promozzjoni 2 Ġid li jasal għand kulħadd

Question

Skont promozzjoni li qed tidher in konnessjoni mal-Official Malta Budget 2017 (Promo 2 - Ġid li jasal għand kulħadd), qed jiġi rreklamat li tifla ta' koppja anzjana li ddeċidiet li tibqa' d-dar biex tieħu ħsieb il-ġenituri tagħha, ser tkun qed tieħu benefiċċju ta' €7,280 bħala carer tagħhom, jista' l-Ministru jgħid kif ġie kkalkolat dan il-benefiċċju u x'inhuma l-kriterji sabiex tfal ta' koppji anzjani li jibqgħu jgħixu d-dar, jibbenefikaw minn dan il-benefiċċju ta' €7,280?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi, skont il-miżuri tal-budget, it-tifla ta’ koppja anzjana li qed tiġi referuta fir-reklam li qed issir referenza għalih, tkun tikkwalifika għall-Allowance Miżjuda għall-Carer (ICRA) ġaladarba xi ħadd mill-ġenituri tagħha jkollu grad ta’ dipendenza għolja skont skali li se jiġu stabbiliti fil-liġi tas-Sigurtà Soċjali bbażati fuq il-Barthel Index. Din l-allowance se tkun ta’ €140 fil-ġimgħa u mhux se tkun skont test tal-mezzi. Dawk li llum diġa qed jieħdu l-Pensjoni tal-Wens, li issa se ssir Allowance Miżjuda għal Carer, awtomatikament se jaraw il-benefiċċju tagħhom jiżdied b’€34.70 fil-ġimgħa mill-1 ta’ Jannar li ġej ‘il quddiem mingħair il-bżonn li l-pazjent ikun eżaminat. F’każ li l-ġenitur ma jkollux grad ta’ dipendenza għolja imma medja, wieħed ikun jista’ jikwalifika jekk jgħaddi mit-test tal-mezzi għall-Allowance għal Carer (CRA) b’pagament fil-ġimgħa sa €90 li se jitħallas minn Jannar 2017. Dawk li llum diġa qed jieħdu l-Għajnuna Soċjali għal Carer, li issa se ssir Allowance għal Carer, awtomatikament se jaraw il-benefiċċju tagħhom jiżdied b’€13.47 fil-ġimgħa mill-1 ta’ Jannar li ġej ‘il quddiem mingħajr il-bżonn li l-pazjent ikun eżaminat.

Official Malta Budget – promo 1 ġid li jasal għand kulħadd

Question

Skont promozzjoni li qed tidher in konnessjoni mal-Official Malta Budget 2017 (Promo 1- Ġid li jasal għand kulħadd) qed jiġi rreklamat li bil-miżuri tal-Baġit 2017, issa ser ikun hemm 2,800 familja li ser ikunu qed igawdu minn sussidju tal-kera. Jista' l-Ministru jgħid x'tibdil ser ikun hemm fil-kriterji sabiex aktar familji ser ikunu qed jibbenefikaw minn dan is-sussidju? Jista' jgħid x'inhu l-ammont massimu ta' assi li jista' jkollhom applikanti biex ikunu jistgħu jibbenefikaw?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi, il-kundizzjonijiet tal-iskema li qed issir referenza għaliha ser jibqgħu simili għal kundizzjonijiet tal-iskema preżenti, madankollu sabiex wieħed jikkwalifika għal dan is-sussidju jrid jippreżenta kuntratt tal-kera. Min qiegħed diġà jibbenfika mis-sistema preżenti u ma jkollux kuntratt ta’ kirja allura dan jibqa’ bis-sussidju attwali. Barra minn hekk taħt l-iskema l-ġdida, l-ammont massimu ta’ assi li l-applikanti jista’ jkollhom biex jikkwalifikaw se jitla’ minn €10,000 għal €23,300. Barra minn hekk, fejn qabel sabiex jikkwalifika għas-sussidju d-dħul tal-applikant ma setgħax ikun aktar minn €18,514.80 fis-sena, taħt din l-iskema kif imħabbar fil-Baġit għas-sena 2017 id-dħul li jiddetermina l-eleġibilita’ ta’ persuna biex tikwalifika minn sussidju tal-kera issa ġie esti¿ sa massimu ta’ €23,000 fis-sena. Huwa għalhekk li se ji¿diedu dawk li jibbenefikaw mis-sussidju fuq il-kera.