B'referenza għall-mistoqsijiet parlamentari 23509 u 22918 jista' l-Ministru jgħid x'passi qed jittieħdu biex jitħarsu l-bdiewa li għandhom ir-raba saqwi fl-inħawi u se jintlaqtu ħażin mit-triq il-ġdida fil-Limbordin?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li qiegħed nagħti għal Mistoqsija Parlamentari Nru 23847.
Għal xiex se tintuża l-mina li tħaffret minn Wied iż-Żiju l/o Sant'Antnin sal-power station ta' Delimara? Meta beda x-xogħol ta' tħaffir tal-mina li mill-impjant tar-riċiklaġġ ta' Sant Antnin Wied il-Għajn twassal għal power station ta' Delimara?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.
Jista' l-Ministru jara li jitkompla x-xogħol neċessarju f'bini li waqa' u li spiċċa biex ħalla d-dar ta' l-appoġġ b'ħajt singlu bi tbatija għall-koppja anzjana, li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament, peress li din id-dar spiċċat tkun f'kondizzjoni ta' kesħa kbira?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninsab infurmat li fuq il-fond in kwestjoni kienet saret talba permezz ta’ applikazzjoni PA 164/06 biex jitwaqqa’ l-bini imsemmi però din kienet irtirata. Saret talba oħra (DS 0034-06) biex jitneħħew is-soqfa li kienu fil periklu li jiġġarfu. Fil-fatt, din l-awtorizzazzjoni ħarġet fis-16 ta' Marzu 2006 biex isir dan ix-xogħol biss. Dan huwa l-uniku permess li hemm fuq is-sit. Mhemm xejn fil-liġi li jagħti l-jedd lill-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) tordna lis-sid li jagħmel xi xogħol li mhuwiex kopert bil-permessi meħtieġa. Sid il-propjetà li jsoffri danni minn azzjoni ta’ sidien ta’ propjetà aġġjaċenti jista’ jfittex għad-danni u jieħu miżuri oħra simili skond il-liġi kontra min qiegħed jikkawża l-ħsara.
Jista' l-Ministru jgħid kemm fil-fatt għola l-prezz tal-laħam tal-majjal għall-produtturi tal-majjal kull kilo? X'kienu r-raġunijiet li l-prezz tal-laħam tal-majjal frisk ma roħosx kif kellu jorħos wara s-sħubija ta' Malta fl-Unjoni Ewropea u dan abbażi tas-sussidju li l-gvern ta biex dan iseħħ għall-ġid tal-konsumatur?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li peress li l-prezz huwa materja ta’ natura kummerċjali, it-tweġiba tista’ tingħata biss minn min ħa deċiżjoni biex jirrevedi l-prezzijiet fis-suq. Fir-rigward tat-tieni parti tal-mistoqsija, l-Onorevoli Interpellant hu mgħarraf li l-iskop tas-sussidji kien biex jagħmel tajjeb għad-differenzi storiċi fil-prezzijiet bejn dawk ta’ uħud mill-pajjiżi membri ta’ l-Unjoni Ewropea u ta’ Malta. Naturalment, qatt ma kien il-ħsieb li dawn is-sussidji jiggarantixxu roħs dejjiemi fil-prezzijiet, liema prezzijiet għandhom jirriflettu tibdil fis-suq.
Jista' l-Ministru jinformana dwar il-punti li dwarhom kien hemm qbil bejn il-KIM u l-Ministeru fil-laqgħa li saret nhar it-Tlieta 16 ta' Jannar, 2007?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-KIM qablet li tissottometti programm ġdid għall-ġenetika ġdida sa Marzu 2007. Il-Ministeru ser jgħin biex dan il-programm jitwettaq skond il-parametri ta’ dak li hemm fit-Trattat ta’ Sħubija.
Il-parti mhux żviluppata faċċata ta' Triq Indri Grima, fis-Swatar, Msida hija earmarked bħala zona ta' żvilupp?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jirreferi għall-mappa Nru 29 tad-Dokument "Local Plans - Rationalisation of Development Boundaries", li ġie approvat mill-parlament f’Lulju li għadda.
Jista' l-Ministru jgħid liema huma l-bordijiet li twaqqfu fid-dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu? Min huma l-membri ta' kull bord? Meta twaqqfu u kemm iltaqgħu? X'inhi l-onorarja ta' kull wieħed?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jispeċifika aktar fid-dettal għal liema perjodu ta’ żmien qiegħed jirreferi.
Jista' l-Ministru jgħid jekk is-siġar fi Triq Proserpina, l-Imtarfa jistgħux jiġu miżbura u dan b'urġenza għaliex qed ikunu waħda mill-kawżi li jġibu l-ħmieġ fiz-zona u dan b'konsegwenza li hemm infestazzjoni ta' ġrieden?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-ministru kkonċernat minħabba li t-triq li semma’ taqa’ taħt ir-responsabbiltà tal-kunsill lokali.
Jista' l-Ministru jgħid jekk l-applikazzjoni lill-MEPA 7040/06 ġietx approvata? Jekk fin-negattiv, ix-xogħol diġa' inbeda u jekk sar hekk, x'passi qegħdin jittieħdu kontra l-applikant?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninsab infurmat li l-applikazzjoni msemmija għadha qed tiġi pproċessata u hemm enforcement ECF 121/07 li qed tittieħed azzjoni fuqha.
Jista' l-Ministru jgħid liema kienu t-taxxi, it-tariffi jew il-miżati li ddaħħlu jew ġew riveduti (kemm jekk għolew kif ukoll jekk raħsu) minnu, mid-dipartimenti jew mill-awtoritajiet, istituzzjonijiet u aġenziji li jaqgħu taħtu matul is-sena 2006? Jista' jindika wkoll kemm kienu qabel ma għolew u kemm saru wara li għolew?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li fis-sena 2006 ma kienx hemm tibdil fit-taxxi, tariffi jew miżati mill-Ministeru għall-Affarijiet Rurali u l-Ambjent u l-entitajiet tiegħu.
B'riferenza għal skedar ta' proprjeta' mħabbra fid-19 ta' Diċembru 2006 fil-Gazzetta tal-Gvern Nru 1070 għall-inħawi ta' Simar mit-Triq tal-Miżieb sa Xatt il-Pwales, jista' jgħid x'effett se jkollu dan l-iskedar fuq it-triq il-ġdida li qed tiġi ppjanata fil-Limbordin u li se jikkonsisti fil-qerda ta' raba' saqwi u tħaffir ta' mina taħt ix-Xagħra ta' l-Għansar li tħarbat l-ilma tal-bdiewa?
Response (PULLICINO, GEORGE)
L-informazzjoni għadha qed tinġabar; tweġiba tingħata f’Seduta oħra.
B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 23469, jista' l-Ministru jgħid jekk hux se jiġu aġġustati mill-ġdid il-Boundaries tal-UCA fil-Pjani Lokali b'mod partikolari dak taz-zona ċentrali fejn areas li ma kenux f'din iz-zona ġew inklużi fiha fil-verzjoni finali, u dan sar mingħajr ma kien hemm konsultazzjoni pubblika? Liema zoni m'għandhomx il-karattru ta' UCA u fihom diġa' hemm committments fil-MEPA bl-għoli ta' tlett sulari?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li amendi assoċjati ma’ l-UCA's qed ikunu ndirizzati b'diversi modi. Wieħed minnhom hu permezz ta' reviżjonijiet għad-DC 2005 li riċentement ħarġu għall-konsultazzjoni pubblika. Mod ieħor huwa permezz ta' l-Urban Conservation Area street classification hierarchy exercises li bħalissa qed isiru fuq diversi pjanijiet lokali. Dawn l-eżerċizzji qed jevalwaw il-kwalità u l-karattru tal-faċċati matul it-toroq f'żoni ta' konservazzjoni urbana. Meta jitħejjew l-abbozzi ta' dawn l-istudji, dawn jinħarġu għall-konsultazzjoni pubblika.
Rigward it-tieni parti tal-mistoqsija, nitlob lill-Onorevoli Interpellant jindika ż-żoni li jidhirlu li m'għandhomx karattru ta' UCA u li ddaħħlu fl-UCA fil-pjan approvat għaċ-ċentru ta' Malta.
B'riferenza għal rapporti fil-media dwar sit f'Hal Luqa fejn allegatament 103,600 metru kwadru ta' art ġew użati illegalment bħala dump yard u li fuqu l-MEPA kienet ħarġet enforcement order (ECF 1050/98), jista' l-Ministru jgħid x'azzjoni ttieħdet sabiex is-sid jagħmel tajjeb għal ħsara ambjentali li għamel?
Response (PULLICINO, GEORGE)
B'riferenza għal rapporti fil-media dwar sit f'Hal Luqa fejn allegatament 103,600 metru kwadru ta' art ġew u¿ati illegalment bħala dump yard u li fuqu l-MEPA kienet ħarġet enforcement order (ECF 1050/98), jista' l-Ministru jgħid x'azzjoni ttieħdet sabiex is-sid jagħmel tajjeb għal ħsara ambjentali li għamel?
Tweġiba :
Ninsab infurmat li s-sit indikat skond ECF 1050/98 jifforma parti minn art ikbar ta’ l-istess operatur fejn il-parti l-oħra tal-propjetà hija suġġetta għal Avviż ta’ Twettieq ieħor bir-riferenza ECF 837/02.
Wara li kien ħareġ l-Avviż ECF 1050/98, u dan talli sar tħammil u nbidel l-użu ta' l-art għaż-żamma ta'
scrap
fuq parti mis-sit, kienet saret applikazzjoni għal żvilupp PA 5803/98
(outline)
biex l-istess art tkun tista’ tintuża għall-ipparkjar t' ingenji. Din it-talba kienet ġiet rifjutata mid-
Development Control Commission
(DCC), liema deċiżjoni kienet ġiet ikkonfermata ukoll mill-Bord ta’ l-Appelli dwar l-Ippjanar.
Però, l-iżviluppatur kien reġa’ appella l-każ tiegħu fil-Qrati Superjuri fejn il-Qorti ta' l-Appell qalbet id-deċiżjoni u talbet lill-Bord ta’ l-Appelli dwar l-Ippjanar biex jerġa’ jiftaħ il-każ. Kien f'dan l-istadju li ġie deċiz mill-Bord ta’ l-Appelli li għandha ssir applikazzjoni oħra mill-iżviluppatur
PA 6138/02
(outline)
li tipproponi
master plan
fuq l-art kollha milquta miż-żewġ Avviżi ta’ Twettieq imsemmija. Din l-art kollha tkopri ċirċa 20,073m2 u allura hija ferm iżgħar mill-ammont li semma’ l-Onorevoli Interpellant.
Għaldaqstant, l-Awtorità trid tistenna l-eżitu kemm ta' l-applikazzjoni PA 6138/02 li għadha pendenti quddiem id-Direttorat ta' l-Ippjanar u kemm id-deċiżjoni mill-appell li għad hemm pendenti quddiem il-Bord ta' l-Appelli. Ikun dan il-Bord li finalment irid jiddeċiedi jekk jingħatax permess jew jekk jiġix ikkonfermat ir-rifjut minn PA 5803/98 fejn imbagħad jiskattaw il-proċeduri t'infurzar skond il-liġi u skond kif mitlub fiż-żewġ avviżi, ċioè ECF 1050/98 u ECF 837/02.
Irid jingħad li fl-1993, 1994, 1996 u 1998, kienu nħarġu diversi permessi ta' żvilupp fuq partijiet minn din il-propjetà biex jinbnew uffiċini, garaxxijiet u mħażen għal użu kummerċjali.
Jista' l-Ministru jgħid jekk l-istabbiliment li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament, għandux il-permessi kollha tal-MEPA biex jopera n-negozju li qiegħed imexxi minn ġo fih?
Response (PULLICINO, GEORGE)
L-informazzjoni għadha qed tinġabar; tweġiba tingħata f’Seduta oħra.
Jista' l-Ministru jinvestiga u jgħid x'raġuni hemm biex il-MEPA tieħu t-tul ta' żmien ta' kważi seba' snin biex tagħti deċiżjoni dwar l-applikazzjoni mill-Awtorita' tad-Djar? Id-dettalji tal-każ qed jintbagħtu separatament.
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninsab infurmat li l-applikazzjoni PA 3774/01 ġiet sospiża fit-13 ta' Novembru 2006 skond l-Artiklu 32 (vi) ta' l-Att Dwar l-Ippjanar ta' l-Iżvilupp minħabba li l-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) baqgħet ma rċevitx l-ebda risposta għall-ittri li ntbagħtu lill-perit u lill-applikant fit-22 ta' Mejju 2006, 11 ta' Lulju 2006 u 18 ta' Awissu 2006. Fit-28 ta' Frar 2002, intbagħtet talba għal iżjed informazzjoni mingħand il-perit u l-applikant. Din kienet imwieġba fit-22 ta' April 2002 u wara bdew il-konsultazzjonijiet mas-Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali, mad-Dipartiment tal-Protezzjoni Civili u ma’ l-Enemalta. Skond il-ligi ta’ l-Ippjanar jekk risposta tibqa’ ma tingħatax sat-13 ta' Mejju l-applikazzjoni tiġi awtomatikament irtirata.
Jista' l-Ministru jispjega x'ġara nhar il-Ħamis, 25 ta' Jannar, 2007 meta riħa ta' żejt qawwija kienet preżenti għall-ħin twil fil-lokalitajiet tal-Kalkara, Birgu, Bormla, Fgura, Żabbar u Xgħajra? X'kienet il-kawża u x'rimedji ttieħdu? Jista' l-Ministru jippreżenta rapport dettaljat fuq il-mejda tal-Kamra?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninsab infurmat li l-Ħamis, 25 ta` Jannar 2007, l-Ispettorat tal-Pollution Prevention and Control Unit (PPCU) fi ħdan l-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) irċieva telefonata ta` emerġenza dwar irwejjaħ inkonvenjenti fl-akwati tal-Kalkara. L-ispetturi għamlu l-istħarriġ tagħhom fuq is-sit u rrizulta li r-riħa msemmija nxtammet għal ftit ħin fit-tegħla tal-Kalkara li twassal għal Bighi. Fl-ispezzjoni, l-ispetturi damu jduru għal tul ta’ hin fl-akwati kollha tal-Kalkara, inkluż ix-xatt tal-Menqa tal-Kalkara (jiġifieri minn taħt Sant’Anġlu għal taħt Bighi), fil-bajja tar-Rinella, kif ukoll fit-telgħa li twassal għal Triq Santu Rokku (ħdejn il-Batterija tar-Rinella). Fl-ebda punt minn dawn imsemmija ma reġgħet inxtammet din ir-riħa. Bħala parti mill-investigazzjonijiet ta’ dan il-każ fil-preżent qed tintalab informazzjoni mingħand sorsi oħra possibbli bħal attivitajiet marittimi fil-viċinanzi. Din l-informazzjoni qed tiġi korrelata mad-direzzjoni u l-forza tar-riħ fil-ġranet imsemmija, li skond l-istazzjon ta’ monitoraġġ ta’ l-arja ta’ Kordin, jirriżulta li d-direzzjoni tar-riħ varjat ħafna u l-forza kienet baxxa. L-investigazzjonijiet għadhom għaddejjin. Tkun ta’ għajnuna jekk min għandu xi informazzjoni addizzjonali dwar il-possibilitajiet tas-sors ta’ din ir-riħa, javviċina lill-ispettorat tal-Pollution Prevention and Control Unit (PPCU) fuq in-numri 21678034 (tel.) u 21660108 (fax).
Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra lista bl-ismijiet ta' dawk kollha li applikaw għax-xogħol ta' disinn ta' park fil-Magħtab?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-ismijiet ta' dawk kollha li applikaw għax-xogħol ta' disinn ta' park fil-Magħtab ma jistgħux jitħabbru f’dan l-stadju qabel ikun magħluq il-proċess ta’ l-għażla. Dan skond it-termini ta’ riferenza tas-sejħa biex tkun protetta l-unanimità tal-kompetituri.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hu l-ammont ta' skart li jiġi ġenerat per capita fil-gzejjer Maltin? Kif kienet it-trend ta' dan il-parametru matul dawn l-aħħar għaxar snin?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għall-iState of the Environment Report 2005 Sub-report 8: Waste.
Jista' l-Ministru jinfurmani, wara li jivverfika, jekk hux minnu li mini market f'Tas-Sliema li dettalji tiegħu qed jintbagħtu separatament, għadu kemm waħħal sign bid-dawl b'reklam ta' soft drink u dan bla permess b'inkonvenjent għar-residenti ta' ħdejh li ma jistgħux jorqdu minħabba din it-tabella u qed ikollhom dawl f'darhom?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninsab infurmat li saret spezzjoni mill-Enforcement Officer inkarigat mill-area u kien ikkonfermat li twaħħlet tabella bid-dawl fuq il-font imsemmi. Għaldaqstant, inħareġ Avviż Biex Tieqaf u ta' Twettieq Rif. ECF112/07 skond l-Att I ta' 1992 dwar l-Ippjanar.