B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari numru 1389 jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra c-CV tal-part-time finance officer li ġie impjegat mal-SWDP?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra id-dokument (Curriculum Vitae) mitlub mill-Onor. Membru. Il-persuna kkonċernata hija mpjegata ma' l-SWDP fuq bażi part-time għal ħmistax-il siegħa fil-ġimgħa.
16.12.98
B'riferenza għat-tweġiba ta' mistoqsija parlamentari tiegħi numru 1180 dwar il-welfare services peress li l-Ministru qed jgħid li t-tagħrif mitlub jitlob wisq xogħol biex jinġabar, jista' l-Ministru jwieġeb it-tieni parti ta' l-istess mistoqsija mis-snin 1995 sa llum u in kwantu għall-ispiża nvoluta jagħti s-somma totali ta' kull tip ta' servizz ta' welfare offrut mid-dipartimenti/entitajiet li jaqgħu taħt id-dikasteru tiegħu?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Nerġa ntenni dak li kont għidt fl-aħħar paragrafu tat-Tweġiba għall-Mistoqsija Nr. 1180, jiġifieri li x-xogħol meħtieġ sabiex tinġabar l-informazzjoni mitluba dwar l-ispiża għal kull servizz ta' welfare m'huwiex ġustifikat f'dan il-kuntest.
Waqt li m'għandux ikun hemm diffikulta' sabiex tingħata nformazzjoni dwar in-nefqa tad-Dipartiment u l-Aġenziji konċernati, anke mill-1995 'l-hawn, a bażi ta' l-Estimi Finanzjarji, s'issa ma kienetx il-prattika ġenerali li jinżammu kontijiet separati għal kull servizz li jipprovdu dawn id-Dipartimenti u Aġenziji u, għalhekk, il-ġbir ta' din l-informazzjoni tinvolvi ħafna ħin ta' riċerka minn uffiċċjali li għandhom dmirijiet oħra.
16.12.98
Jista' l-Ministru jgħid kemm hawn persuni li għandhom working permit li ġejjin minn pajjiż mhux fl-Unjoni Ewropea? Minn liema pajjiżi ġejjin?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Nitlob lill-Onor. Membru jagħmel il-Mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat, jiġifieri lill-Ministru ta' l-Intern li taħt id-dikasteru tiegħu jaqa' d-Dipartiment taċ-Ċittadinanza u ta' l-Expatriates.
16.12.98
Jista' l-Ministru jpoġġi kopja ta' l-applikazjoni u kondizzjonijiet applikabbli għall-iskema ġdida mħabbra mill-Awtorita' tad-Djar għal sussidju fuq xogħlijiet ta' irranġar u titjib fi djar fil-Kottonera, il-Belt Valletta u l-Furjana?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra dokument li jipprovdi l-informazzjoni mitluba mill-Onor. Membru.
16.12.98
Jista' issa l-Ministru jirrispondi l-mistoqsijiet parlamentari numri 603, 950, 291 u 2267 li jikkonċernaw l-istess suġġett?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella li tipprovdi l-informazzjoni mitluba dwar il-membri tas-Segretarjat Parivat tiegħi li sa l-14 ta' Diċembru kienu ffirmaw il-kuntratt kif rikjest fil-proċeduri stabbiliti.
Il-kuntratt li ffirmaw dawn l-impjegati huwa wiehed 'pro forma' u kopja tiegħu tinsab fid-dokument dwar l-ingaġġ ta' mpjegati fis-Segretarjati Privati li kien tqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra.
16.12.98
Jista' l-Ministru jirrispondi l-mistoqsijiet parlamentari numri 604 u 2268 li jikkonċernaw l-istess suġġett?
Response (GONZI, LAWRENCE)
It-Tweġiba għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 604 qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
It-Tweġiba għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 2268 qed tingħata separatament.
16.12.98
Jista' l-Ministru jgħidilna jekk l-ordni li ta biex jiddaħħlu social workers addizjonali fl-SWDP ġietx esegwita?
Response (GONZI, LAWRENCE)
It-talba għar-reklutaġġ ta' aktar 'Social Workers' ma' l-SWDP kienet ilha li saret għal numru ta' xhur qabel il-bidla fl-Amministrazzjoni u din kienet baqgħet ma ntlaqgħetx. Din it-talba jien approvajtaha ftit wara l-bidla fl-Amministrazzjoni u nikkonferma li l-proċess ta' reklutaġġ twettaq.
16.12.98
Rigward ir-risposti parlamentari għall-mistoqsijiet parlamentari numri 773 u 1308, jista' l-Ministru jgħid jekk ordnax inkjesta dwar il-kawża għaliex informazzjoni daqshekk sensittiva m'hijiex available fis-sistema komputerizzata?
Response (GONZI, LAWRENCE)
L-Onor. Interpellant imissu jaf li dan is-saqaf tad-Dar ta' l-Anzjani tal-Furjana sar ix-xogħol fuqu fl-1991/92. Dak iż-żmien id-Dipartiment għall-Anzjani ma kellux programm komputerizzat li jiġbor fih din l-informazzjoni. Għalhekk ma nħossx li hemm bżonn ta' l-ebda inkjesta.
16.12.98
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari numru 1091, jista' l-Ministru jgħid jekk kellux risposta mingħand l-imsieħba soċjali miġbura fil-MCED għal dak li jirrigwarda ċ-CERA u l-IRA? Jista' l-Ministru jgħarrafna jekk iltaqax ma' l-imsieħba soċjali biex jiddiskuti dawn il-liġijiet?
Response (GONZI, LAWRENCE)
In segwitu għar-risposta għad-Domanda Parlamentari 1091 nixtieq ninforma l-Onor. Interpellant li jien informat li M.C.E.D. qedin jippreparaw biex jibgħatuli l-proposti konkreti tagħhom fi żmien raġonevoli.
16.12.98
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm persuni li qed jieħdu ħsieb l-IDA Section fl-ETC?
Response (GONZI, LAWRENCE)
L-iskema tal-IDA Training Grants hija amministrata mill-istess sezzjoni li tamministra l-iskemi tal-Apprendistati fi ħdan id-Diviżjoni ta' Taħriġ tal-Korporazzjoni tax-Xogħol u Taħriġ (ETC).
Ix-xogħol kerikali konness mal-IDA li jinkludi processar u data inputting jsir minn skrivana full time.
Waqt li xogħol ieħor konness ma l-iskema isir mill-uffiċjali li jiffurmaw parti mill-istess diviżjoni tat-taħriġ.
15.12.98
Jista' l-Ministru jispjega x'inhuma l-Incentive Schemes ippjanati mid-Dipartiment tal-Labour?
Għaliex tnaqqas il-vot minn Lm20,000 għal Lm10,000 skond il-Budget 1999?
Response (GONZI, LAWRENCE)
L-'Incentive Schemes' imsemmija fl-Item 4041 -Dipartiment tax-xogħol, huma x'fadal minn 3 skemi li ilhom li ddaħħlu mill-1989. Dawn it-tlett skemi kellhom l-iskop li jippromuovu inizjattivi favur (a) impjegati industrijali tal-Gvern; (b) membri tad-Dejma u (c) self-employment.
Huwa ovvju li dawn l-iskemi jridu jiġu 'phased out', anke għaliex mill-1990 'l hawn l-ETC nidiet u qegħda tamministra diversi skemi ta' inċentivi kif jirriżulta mir-rapport annwali li tqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra.
Item 4041 (Incentive Schemes - Lm10,000) ta' l-Estimi 1999 huwa provisjoni għall-ispejjes relatati mal-phasing out ta' dawk l-inċentivi kif imsemmija fil-paragrafu preċedenti.
15.12.98
Jista' l-Ministru jgħid, dejjem skond is-census ta' l-1995, kemm kien hawn familji li qalgħu bejn l-Lm10,000 u t-Lm13,000 u li kellhom ħamest itfal taħt is-16-il sena? Kemm minn dawn kellhom dħul wieħed fulltime, kemm kellhom żewġ incomes għax kienu jaħdmu iż-żewġ ġenituri u kemm kien hemm familji li laħqu dawn iċ-ċifri permezz ta' xogħol extra part-time?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Nitlob lill-Onor. Membru jagħmel il-Mistoqsija tiegħu lill-Ministru responsabbli għad-Dipartiment ta' l-Istatistika.
15.12.98
Jista' l-Ministru jikkonsidra l-possibbilta' li jsiru l-lifts fil-Qasam tad-Djar Ta' Pennellu, fil-Mellieħa? Kemm fil-fatt hu n-numru ta' familji residenti f'dan il-Qasam tad-Djar? Billi x-xewqa tar-residenti ilha s-snin li jkollhom ġnien f'dawn l-inħawi, jista' l-Ministru jara li jikkordina mad-dipartimenti konċernati sabiex dan ix-xogħol fuq il-ġnien jinbeda fil-ġejjieni qarib? Jekk fl-affermattiv, meta?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Nirreferi l-Onor. Interpellant għat-tweġibiet għal PQ Nru. 409 u 639 dwar il-possibilta' ta' stallar ta' lifts f'bini tal-Gvern. Rigward il-possibilta' li jsir il-ġnien f'Ta' Pennellu, ngħarraf lill-Onor. Interpellant li dan l-estate huwa wieħed minn dawk li d-Dipartiment tal-Bini u Tiswija ta' Djar għandu ppjanat li jfassal ġnien fih fis-snin li ġejjin.
15.12.98
B'riferenza għad-diskors tal-Budget mill-Ministru John Dalli, jista' l-Ministru jgħid kemm se jibbenefikaw familji għaċ-children's allowance li jkollhom aktar minn ħamest itfal u li d-dħul tagħhom tela' minn Lm10,000 għal Lm13,000?
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' persuni li bdew jirreġistraw għax-xogħol matul ix-xahar ta' Novembru u kemm kien in-numru ta' persuni li kienu qegħda u sabu x-xogħol fl-istess xahar?
Response (GONZI, LAWRENCE)
F'Settembru 1998 in-numru ta' persuni li bdew jirreġistraw għax-xogħol mal-Korporazzjoni tax-Xogħol u Taħriġ kien ta' 1,234. Filwaqt li numru ta' persuni li kienu qegħda u sabu xogħol fl-istess xahar kien ta' 365.
15.12.98
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' tfal taħt is-16-il sena li kellhom jew għandhom il-permess li jaħdmu wara li ngħataw permess jitilqu mill-iskola din is-sena? Kemm inqabdu tfal jaħdmu bla permess din is-sena?
Response (GONZI, LAWRENCE)
In-numru ta' tfal taħt is-16-il sena li nqabdu jaħdmu bla permess minn Jannar sa Novembru 1998 hu ta' 34.
15.12.98
Jista' l-Ministru jgħid jekk il-Gvern għandux il-ħsieb li jressaq l-emenda fil-liġi ta' l-ETC, li ġiet imħejjija mill-Gvern Laburista preċedenti, bil-għan li l-ħaddiema ta' Kalaxlokk ikunu jistgħu jiġu mpjegati malli jkun hemm vakanzi fis-Servizz Pubbliku u f'entitajiet tal-Gvern?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Mill-informazzjoni li għandi s'issa ma tirriżulta ebda informazzjoni dwar xi emenda kif suġġerit mill-Onor. Interpellant.
15.12.98