Legislature:
Category:
Reset
Active:

PBS — Co-ordinator news

Question

Jista' il-Ministru jgħid xi kwalifiċi akkademiċi għandha s-sinjura li għadha kif ingħatat il-ħatra ta' co-ordinator news fil-PBS? Kemm-il sena ilha taħdem fil-PBS din il-persuna? Kemm ilha tagħmel xogħol ta' aħbarijiet fl-istess kumpannija? X'kien il-grad ta' din l-istess persuna qabel ingħatat il-kariga ta' co-ordinator news?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.

PBS — Ħaddiem

Question

Jista' il-Ministru jgħid xi kwalifiċi akkademiċi għandu l-ħaddiem tal-PBS li ismu qed jintbagħat separatament? Kemm-il sena ilu jaħdem fil-PBS u kemm ilu jagħmel xogħol fil-qasam ta' l-aħbarijiet fl-istess kumpannija? X'inhu l-grad fil-PBS ta' din il-persuna?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.

MOBC

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni għala l-persuni indikati separatament, m'għadhomx involuti fit-tmexxija ta' l-MOBC?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi waqt li persuna minnhom għadha fl-istess pozizzjoni, il-persuna l-oħra spiċċat mill-pozizzjoni tagħha minħabba l-integrazzjoni tal-MOBC mal-Enemalta.

Gozo Channel — Ħaddiema

Question

Jista' il-Ministru jgħid meta ser jiġi rivedut il-ftehim dwar il-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-ħaddiema tal-Gozo Channel?

Response (GATT, AUSTIN)

Il-kundizzjonijiet tal-ħaddiema huma regolati b'żewġ Ftehim Kollettivi. Il-Ftehim Kolletiv li jirregola l-ħaddiema li jaħdmu fuq il-baħar (minbarra l-uffiċċjali) u n-nies li jaħdmu x-xatt, u li skada fl-aħħar ta' Settembru 2002, preżentament qed jiġi negozjat . Il-Ftehim Kollettiv mal-uffiċċjali li jaħdmu fuq il-vapuri jiskadi fl-aħħar ta' Diċembru 2004.

Gozo Channel — Garr ta' luggage

Question

Jista' il-Ministru jgħid u jispjega għal-liema raġuni mhux qed ikun hemm ġarr ta' luggage mat-tripsta' wara nofs in-nhar fuq il-vapuri tal-Gozo Channel?

Response (GATT, AUSTIN)

Jiena nfurmat li l-UHM ordnat lill-membri tagħha ma jipprovdux is-servizz tal-ġarr tal-bagalji għat-turisti u l-passiġġieri, liema azzjoni mingħajr ġustifikazzjoni qed toħloq inkonvenjent għal xejn. Din id-direttiva ngħatat wara li l-Kumpannija ma' laqgħetx it-talba tal-UHM sabiex jiżdiedu l-ħaddiema li jieħdu ħsieb is-servizzi tal-bagalji -bl-iskuża li l-ħaddiema li qed jieħdu ħsieb dan ix-xogħol illum issa fis-sajf għandhom wisq x'jagħmlu. Il-kumpanija toffri servizz billi żewġ impjegati tagħha fiċ-Ċirkewwa u tnejn fl-Imġarr jgħabbu l-bagalji tat-turisti f'vettura apposta u mbagħad għal fuq il-vapur u mbagħad iħottu l-bagalji mal-wasla fid-destinazzjoni tal-vapur. Mir-records jidher li fil-fatt, it-traffiku tal-bagalji żdied bi ftit ħafna u din iż-żieda ma tiġġustifikax l-ispiża li jiżdiedu l-ħaddiema mal-bagalji. Minħabba l-insistenza tal-UHM, il-kumpanija iddeċediet, u fil-fatt implimentat il-proċedura li titlob lill-passiġġiera jkunu huma li jqiegħdu il-bagalji tagħhom fil-luggage trolleys ħlief għal passiġieri anzjani jew b'diżabilita' fejn għandha tibqa' l-għajnuna ta' l-impjegati tal-kumpanija. Dan il-bdil sar biex jassigura li l-passiġġieri jinqdew xorta waqt li l-ħaddiema ma jkollhomx għalfejn jgħidu li żdidilhom wisq ix-xogħol. Minkejja din is-soluzzjoni, il-UHM ordnat lill-ħaddiema jwaqqfu s-servizz tal-luggage trolleys.

Membru Parlamentari Ewropew — Impjegat mal-Bank of Valletta

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk Membru Parlamentari Ewropew elett riċentement għadhux jidher fuq il-kotba tal-Bank of Valletta bħala impjegat jew jekk huwiex qiegħed leave without pay?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li minħabba in-natura kummerċjali tal-BOV, mhux fl-interess tal-kumpanija li jingħata it-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant.

Sliema — Triq il-Kulleġġ l-Antik

Question

Jista' il-Ministru jieħu l-passi kolha meħtieġa biex isiru l-ispezzjonijiet u t-tiswijiet kollha neċessarji fi Triq il-Kulleġġ l-Antik, f'Tas-Sliema minn bieb numru 3 sa 13, peress li r-residenti li joqogħdu f'dawn id-djar qed jidħlilhom ilma jew drenaġġ mil-ħitan tagħhom, liema ilma jew drenaġġ ġej minn xi leakage tas-sistemi ta' l-ilma jew drenaġġ li għaddejjin mill-istess triq jew f'xi triq fil-viċinanza?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.

METCO — Skemi ta' irtirar kmieni

Question

Jista' il-Ministru jgħid u jikkonferma dwar skemi ta' irtirar kmieni fil-METCO skond kif ġie rappurtat riċenti f'gazzetta lokali? Jista' jagħti aktar dettalji?

Response (GATT, AUSTIN)

Jiena nfurmat li numru ta' skemi ta' irtirar kmieni ġew offruti lill-impjegati tal-METCO, MDC u IPSE. Dawn l-iskemi huma fuq binarri simili għal dawk li ġew offruti lill-impjegati ta' entitajiet publiċi u bi ftehiem mal-Unions rispettivi.

WSC — Postijiet tal-kiri - kontijiet pendenti tad-dawl u l-ilma

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk jistax jikkonsidra li tinstab sistema aktar ġusta rigward kontijiet pendenti tad-dawl u l-ilma fuq postijiet tal-kiri għax ikun hemm ħafna każi fejn meta jidħlu inkwilini ġodda jkollhom iħallsu l-kontijiet ta' ħaddieħor?

Response (GATT, AUSTIN)

Jiena nfurmat li ftit taż-żmien ilu kienet introdotta proċedura li l-inkwilin (f'każ ta' kiri) li jrid jaqleb il-kontijiet fuqu jintalab depożitu ta' LM200 biex il-kont jinqaleb fuqu u fl-istess ħin ikun hemm garanzija biex meta jitlaq il-post l-inkwilin ma jħalliex dejn mal-Korporazzjoni . Naturalment kien hemm reazjoni negativa għal dan id-depositu u l-Korporazzjoni qeda tistudja tistax issib sistema aktar ġusta għall-konsumaturi kollha. Jekk l-Onorevoli Interpellant għandu xi każ speċifiku, jista' jgħaddi l-informazjoni biex il-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-ilma tkun tista' tindaga aħjar.

WSC — Service charge fuq kontijiet tad-dawl u l-ilma

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'inhu s-service charge li dan l-aħħar deher fuq il-kontijiet tad-dawl u l-ilma? Jista' jgħid ta' xiex qed iħallsu l-konsumaturi?

Response (GATT, AUSTIN)

Jiena nfurmat li s-service charge fil-kont tal-WSC hija l-kera tal-meter ta' l-ilma. Ir-rata tal-kera għal kont domestiku hija ta' LM12 fis-sena.

Ħaddiema ta' l-Air Malta

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'inhi l-proċedura meta xi ħaddiema tal-Air Malta jinqabdu jabbużaw minn xogħlhom? Kemm hemm ħaddiema tal-Air Malta sospiżi u għaliex huma sospiżi?

Response (GATT, AUSTIN)

Jiena nfurmat li l-proċedura użata meta xi ħaddiema jinqabdu jabbużaw minn xogħolhom hija mfissra fil-ftehim kollettiv rispettivi artikli 20 tal-UCC u ALPA - 23 tal-AAE u 24 tal-GWU. Il-ħaddiema sospiżi huma tnax. Ir-raġunijiet tas-sospensjoni huma - Importazzjoni illegali ta' sigaretti minn wieħed mill-ħaddiema, Kawża ġudizzjarja pendenti fil-każ ta' tnejn mill-ħaddiema u Sospensjoni fuq akkuża ta' serq mid-disa' ħaddiema l-oħra.

Sewege treatment plant

Question

Jista' il-Ministru jgħid għalfejn il-kuntratt għas-sewage treatment plant tat-Tramuntana ta' Malta ma ingħatax bit-tender meta dak l-istess servizz f'Għawdex ingħata b'tender? Jista' il-Ministru jgħid kemm jiswa' dan il-kuntratt?

Response (GATT, AUSTIN)

Nirreferi lill-Onor Interpellant ghat- twegibiet li ngħataw ghall-Mistoqsijiet Parlamentari 5401,5658,5976 u 6090. Il-procedura li ntużat fil-kaz tas-sewage treatment plant tat-tramuntana hi bhal dik li qed tintuża fil-kaz ta' kuntratti oħra li ser jithallsu mill-protocol Taljan. L-istima tal-proġett tas-sewage treatment plant tat-tramuntana ta' Malta tammonta ghal madwar 11.3 miljun Euro.

Little Armier — Servizz ta' drenaġġ u ilma f'beach rooms

Question

Jista' il-Ministru jgħid xi pjani għandha l-korporazzjoni għas-servizzi ta' l-ilma biex twassal is-servizzi tad-drenaġġ u l-ilma lill-iżjed minn 1,500 beach room li saret applikazzjoni għalihom biex jinbnew fl-inħawi tal-Little Armier? Kemm hi stmata li se tkun in-nefqa għal kull wieħed minn dawn is-servizzi u min se jġorr l-ispiża biex dawn is-servizzi jiġu estiżi f'dawn l-inħawi?

Response (GATT, AUSTIN)

IL-KSI m'ghandha l-ebda applikazzjoni ghall-provista ta' ilma f'1500 beach room fl-Little Armier. Madwar sentejn u nofs ilu l-Works Division fi hdan il-Ministeru ghall-Ambjent talab stima fuq l-infrastruttura necessarja biex jigi provdut is-servizz ta' l-ilma ghal zvilupp imsejjha "Armier Develoment Project". Din l-istima saret u ntbagħtet lill-Works Division fis 27 ta' Marzu 2002. Dak iz-zmien din kienet tlaħħaq bejn Lm180,000 u Lm235,000. Dak iz-zmien, meta il-possibilita' ta' dan l-izvilupp kienet qed tigi kkunsidrata, id-Dipartiment tad-Drenaġġ kien parti mill-istess Ministru ghall-Ambjent u mhux parti mill-KSI.

Freeport — Privatizzazzjoni

Question

Jista' il-Ministru jgħid fiex wasal il-proċess tal-privatizzazzjoni tal-Freeport ta' Malta? X'passi qed jittieħdu biex meta l-Freeport jgħaddi għand tmexxija privata barranija jitħares l-interess komuni ta' pajjiżna u nkunu moqdija sew għal skop ta' importazzjoni u esportazzjoni?

Response (GATT, AUSTIN)

Nixtieq ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li dħalna fil-fażi finali ta' dan il-proċess. Il-ħarsien ta' l-interess ta' l-ekonomija Maltija huwa wieħed mill-objettivi primarji ta' dan l-eżerċizzju u se jiġi trattat f'wieħed mill-kuntratti konnessi mal-privatiżżazzjoni.

MIA — Ajruplan KM615

Question

Jista' il-Ministru ġentilment iwieġeb il-mistoqsija parlamentari 6428 u cioe' jista' jgħid jekk l-ajruplan li għamel it-titjira minn Ruma għal Malta KM615 ta' nhar is-Sibt 26 ta' Ġunju 2004 u li wasal Malta għall-ħabta tat-8.30 p.m. ġiex ipparkjat fil-parti ta' l-airport fejn proprju kien ġara l-inċident ta' ajruplan ieħor ta' l-Air Malta li kien ħabat ma' arblu u għamel ħsarat konsiderevoli? Jekk ir-risposta hi fl-affermattiv, x'inhi r-raġuni li pparkja hemm meta fl-inkjesta mmexxija mill-Maġistrat Saviour Demicoli kien ikkonkluda li din il-parti ta' l-ajruport hi nieqsa minn ċerti faċilitajiet u li setgħu wasslu għall-inċident imsemmi?

Response (GATT, AUSTIN)

Jiena nfurmat illi l-ajruplan bit-titjira KM615 tas-26 ta' Ġunju ma kienx ipparkjat kif semma l-Onor. Interpellant fil-mistoqsija tiegħu.

Tarzna/Malta Shipbuilding — Ex-ħaddiema

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk fil-kuntratt li ffirmaw l-ex ħaddiema tat-Tarzna/Shipbuilding obbligawx ruħhom li jridu jew ma jridux ikollhom imorru jaħdmu ta' bilfors ma' entitajiet privati?

Response (GATT, AUSTIN)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għal dak li hemm miftiehem fil-ftehim bejn il-Gvern u l-GWU, u cioe, "(f) Ix-Xogħol li jista' jkun identifikat ser ikun (i) mal-gvern stess (ii) ma' entitajiet tal-Gvern inklużi Kunsilli Lokali (iii) ma' PPP eżistenti jew ġodda (iv) mal-Privat fuq bażi volontarju jew wara konsultazzjoni effettiva mal-Unions."

Manikata — Problema dwar ħruġ ta' drenaġġ

Question

Jista' il-Ministru jgħid fiex wasal ix-xogħol biex tinbidel il-parti mis-sistema tad-drenaġġ fil-Manikata biex titranġa problema qadima tal-ħruġ tad-drenaġġ fl-inħawi?

Response (GATT, AUSTIN)

Ġie deċiż li dan ix-xogħol isir direttament mill-ħaddiema tal-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma. Dan ix-xogħol hu mistenni jibda f'Awissu.

Kalaxlokk Co. Ltd.

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'futur għandha l-kumpannija Kalaxlokk u l-ħaddiema tagħha?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Gvern ser jitratta s-sitwazzjoni tal-kumpanija Kalaxlokk eżatt bħal ma' tratta s-sitwazzjonijiet fl-entitajiet l-oħra. Il-futur ta' kumpanija li mhux strateġika jiddependi mill-vijabilita' finanzjarja tagħha.