Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 9 PQ #10759 Sitting 169 1999-11-02 Oral · Final From: CHRIS AGIUS To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Universita' — Studenti

Question

Jista' l-Ministru jagħti lista lokal b'lokal ta' l-istudenti li jattendu l-Universita'?

Response (GALEA, LOUIS)

L-informazzjoni mitluba qed tinġabar u tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.
Leg 9 PQ #10819 Sitting 169 1999-11-02 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Tenders — Żgħażagħ u Sports

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm-il tender ġew approvati matul l-ewwel sena ta' Gvern Nazzjonalista f'dawk l-oqsma li jaqgħu taħt l-oqsma taż-żgħażagħ u sport? Kemm kien il-valur ta' kull tender u lil min ġie awarded?

Response (GALEA, LOUIS)

L-informazzjoni mitluba ser titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Leg 9 PQ #10833 Sitting 169 1999-11-02 Oral · Final From: CHARLES BUHAGIAR To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skola Gan Franġisk Abela — Għalliema

Question

Jista' l-Ministru jgħid għal-liema perjodu kienu mingħajr għalliema ta' l-Ingliż, Sociology u Home Economics l-istudenti tat-tieni sena fil-Junior Lyceum Ġan Franġisk Abela?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li s-suġġetti msemmija kellhom l-għalliema kollha meħtieġa għall-istudenti tat-tieni sena kif ġej: 1. Id-Dipartiment tas-Soċjoloġija sal-25 ta' Ottubru. 2. Id-Dipartiment tal-Home Economics sal-21 ta' Ottubru. 3. Id-Dipartiment ta' l-Ingliż sad-29 ta' Ottubru.
Leg 9 PQ #10588 Sitting 168 1999-11-01 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel — Tgħalim ta' l-Ingliż lill-barranin

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm applikazzjonijiet pendenti għal ftuh ta' skejjel li jgħallmu l-Ingliż lill-barranin? Minn min saret kull applikazzjoni u f'liema lokalita'? Meta saret kull applikazzjoni?

Response (GALEA, LOUIS)

L-informazzjoni mitluba ser titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Leg 9 PQ #10589 Sitting 168 1999-11-01 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel — Junior College - Sports

Question

Jista' l-Ministru jgħid għaliex meta team ta' l-isports (football, volleyball, eċċ.) fil-Junior College jieħu sehem f'xi logħbiet kontra skejjel oħra ma jkunux akkumpanjati minn għalliema? Jikkonferma l-Ministru li din kienet ir-regola s-sena li għaddiet, speċjalment f'logħob bejn l-iskejjel? Jista' jara li din is-sena jkun hemm għalliem mat-timijiet?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-Junior College huwa membru tal-M.S.S.F u jipparteċipa fl-attivitajiet sportivi li jiġu organizzati minn din l-għaqda. Il-Junior College jipparteċipa fil-kategorija taħt id-19-il sena f'dawn id-dixxiplini: * Volleyball * Basketball * Football * Athletics Informat ukoll li s-Sur I Riolo huwa full-time Assistant Lecturer fil-Fakulta` ta' l-Edukazzjoni ta' l-Universita` fil-Physical Education Programme u hu responsabbli għall-ko-ordinament ta' l-attivitajiet sportivi fil-Kulleġġ. Huwa normali illi l-Kulleġġ jaħtar Senior Team Captains li jorganizzaw it-timijiet rispettivi tagħhom, jiffissaw il-ħinijiet għat-training u għal-laqgħat u jwasslilhom l-informazzjoni meħtieġa fil-Kulleġġ. Dan jagħti l-opportunita` ta' 'leadership' u l-etika sportiva.
Leg 9 PQ #10721 Sitting 168 1999-11-01 Oral · Final From: CHARLES MANGION To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Ministeru ta' l-Edukazzjoni — Konsulenti

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm-il konsulent għandu ngaġġat mal-ministeru tiegħu u kemm jitħallsu dawn il-konsulenti individwalment?

Response (GALEA, LOUIS)

Mal-Ministeru hemm ingaġġati ħames konsulenti, tlieta minnhom part-time. Konsulent ieħor li jagħti servizz part-time lill-Ministeru huwa ingaġġat ma' l-Uffiċċju tal-Prim Ministru. Żewġ konsulenti oħra huma ngaġġati ma' l-uffiċju tas-Segretarju Parlamentari, wieħed minnhom part-time. Il-ħlas individwali ta' ħamsa mill-konsulenti huwa hekk : Lm7154, Lm17,400, Lm3000, Lm5233, Lm1950. Żewġ konsulenti oħra għadhom qatt ma tħallsu għax il-kuntratt tagħhom għadu qed jiġi negozjat.
Leg 9 PQ #10757 Sitting 168 1999-11-01 Oral · Final From: CHRIS AGIUS To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Bormla — Triq Santa Tereża

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb li jsir xi xogħol mill-istudenti ta' l-iskola Gilormu Cassar, fuq il-knisja ta' Santa Tereża, Bormla?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li peress li l-istudenti ta' l-iskola tas-snajja' Ġilormu Cassar huma taħt is-16-il sena, dawn ma jagħmlux xogħol ta' restawr barra mill-iskola.
Leg 9 PQ #10816 Sitting 168 1999-11-01 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Malta Racing Club — Kumitat

Question

Jista' l-Ministru jgħid min huma l-membri tal-kumitat il-ġdid tal-Malta Racing Club? X'responsabbiltajiet għandhom fi ħdan il-kumitat? Kemm qed jitħallsu kull wieħed u x'ħidma jwettqu fil-Malta Racing Club? Jista' l-Ministru jgħid ukoll jekk hemmx min qed jagħmel xogħol ieħor marbut mal-Malta Racing Club u qed jitħallas? Jekk iva, min u kemm qed jitħallas jew jitħallsu? Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta' l-istatut tal-Malta Racing Club?

Response (GALEA, LOUIS)

L-informazzjoni mitluba qed tinġabar u tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.
Leg 9 PQ #10817 Sitting 168 1999-11-01 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Festi ta' l-Indipendenza — Tiġrijiet taż-żwiemel

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk il-qligħ li sar mit-tiġrijiet taż-żwiemel fil-meeting tal-Ħadd, 12 ta' Settembru, 1999 ġewwa l-Marsa fejn saru diversi tiġrijiet marbuta mal-festa ta' l-Indipendenza organizzati mill-Għaqda Dilettanti tal-Ponijiet, ingħatax lill-Partit Nazzjonalista? Kemm kien dan il-qligħ li sar f'dan il-meeting imsemmi hawn fuq?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-programm ta' tiġrijiet taż-żwiemel fl-imsemmi Meeting la ġie organizzat mis-Segretarjat Parlamentari fil-Ministeru ta' l-Edukazzjoni u lanqas mill-Malta Racing Club, imma mill-Għaqda Dilettanti tal-Ponijiet. Tajjeb li l-Onor. Interpellant ikun informat li l-Għaqda Dilettanti tal-Ponijiet hija għaqda indipendenti. Għaldaqstant, m'hiniex f'pożizzjoni li nagħti aktar tagħrif dwar xi arranġamenti li setgħu saru bejn din l-Għaqda u xi entita` oħra li ma taqax taħt il-kompetenza tas-Segretarjat.
Leg 9 PQ #10818 Sitting 168 1999-11-01 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Pixxina Nazzjonali — Offerti għal dome

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm saru offerti minn għaqdiet/individwi/kumpanniji għat-twaqqif ta' dome jew struttura oħra biex titgħatta l-pixxina nazzjonali? Kemm kienet l-offerta f'kull każ? Kif se tintgħażel l-offerta? Għaliex inħasset il-ħtieġa li jinbidlu l-proposti għal sottomissjonijiet?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li d-data ta' l-għeluq għas-sottomissjonijiet tal-proposti ġiet estiża għall-Ġimgħa 12 ta' Novembru. Ġejt informat li dawn is-sottomissjonijiet huma magħmula minn żewġ proposti separati, viz. dik ta' natura teknika (ġabra ta' specifications) u dik ta' natura finanzjarja. Il-proposti tekniċi wara jiġu kunsidrati mill-Bord ta' Tmexxija tal-Pixxina b'konsultazzjoni ma' nies tekniċi, bil-ħsieb li jiġi deterninat x'tip ta' cover hija adattata. Sussegwentement, id-Dipartiment tal-Kuntratti jevalwa mil-lat finanzjarju l-offerti relatati mat-tip ta' cover rakkomandat mill-Bord, kemm-il darba jiġi deċiż li din l-istruttura ssir. Informat ukoll li l-proċeduri kollha fil-proċess ġew mibdula sabiex jiġi assigurat proċess aktar ġust u trasparenti. Dawn il-proċeduri ġodda ġew approvati mid-Dipartiment tal-Kuntratti.
Leg 9 PQ #10837 Sitting 168 1999-11-01 Oral · Final From: DOLORES CRISTINA To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Mużew Marittimu — Assistenti Kuraturi

Question

Jista' l-Ministru jgħarraf lill-Kamra fejn wasal il-proċess ta' ingaġġ ta' assistenti kuraturi fil-Mużew Marittimu tal-Birgu?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-applikazzjonijiet għall-Assistenti Kuraturi fil-Mużew Marittimu għadhom qed jiġu pproċessati.
Leg 9 PQ #10895 Sitting 168 1999-11-01 Oral · Final From: MARIO GALEA To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Eżamijiet

Question

Jista' jekk hu possibbli l-Ministru jieħu passi biex l-eżamijiet tal-Marketing, Accounts, Economics u Computer Matsec "A"level,ma jikklexjawx fl-istess ħin ta' l-accounts, economics, computer - London "A" level u commerce "O" level kif ġieli ġara fil-passat u dan billi hemm għadd ta' studenti li se jagħmlu dawn l-eżamijiet u allura tkun problema jekk jinzertgaw fl-istess ħin?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li għalkemm il-Bord tal-Matsec jixtieq li ebda eżami tal-Matsec ma jikklexxja ma' xi eżami ieħor għax il-ħinijiet jaħbtu flimkien, ma' dan kollu ma jistax jagħti garanzija li dan ma jseħħx. L-Onor. Membru jifhem li l-eżamijiet tal-Matsec jibdew mit-2 ta' Mejju u jibqgħu sejrin sas-6 ta' Ġunju 2000, waqt li l-maġġoranza ta' l-eżamijiet l-oħra jaħbtu wkoll fl-istess żmien. Bħall-każ tas-suġġetti li semma' l-Onor. Membru, hemm ħafna suġġetti oħra li għandhom numru kbir ta kandidati li jixtiequ joqogħdu għall-eżamijiet tal-Matsec u għal dawk ta' barra.
Leg 9 PQ #10583 Sitting 167 1999-10-27 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel — Junior College - Lecturers

Question

Il-Ministru jikkonferma li għas-sitt klassijiet ta' l-Ingliż (Intermediate) hemm lecturer wieħed biss fil-Junior College? X'qed isir biex din is-sitwazzjoni tiġi rimedjata? Kemm hemm studenti li qed isegwu dan il-kors?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li fl-ewwel sena tal-Junior College hemm 599 student li qed jieħdu l-Ingliż f'livell Intermedjarju. Dawn imqassmin f'sitt gruppi. Is-sitt gruppi jerġgħu jitqassmu fi ħmistax-il 'sub group' li kull wieħed jieħu sagħtejn fil-ġimgħa ta' lezzjonijiet. Ebda lecturer ma jgħallem fil-livell Intermedjarju biss. Għad hemm xi gruppi li għad ma nstabx lecturer għalihom iżda l-awtoritajiet qed jieħdu l-passi kollha biex is-sitwazzjoni tiġi rimedjata f'qasir żmien.
Leg 9 PQ #9331 Sitting 165 1999-10-26 Oral · Final From: JOSEPH CUSCHIERI To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Għawdex — Skejjel sekondarji - eżamijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid kienx hemm xi irregolaritajiet waqt l-inviġilanza fl-eżamijiet għad-dħul fl-iskejjel sekondarji tal-Knisja f'Għawdex? Jekk ir-risposta hija fl-affermattiv, x'passi ttieħdu kontra l-abbużi mwettqa?

Response (GALEA, LOUIS)

Il-Ministeru ta' l-Edukazzjoni m'għandu ebda rwol għall-inviġilanza fl-eżamijiet għad-dħul fl-iskejjel tal-Knisja.
Leg 9 PQ #10494 Sitting 165 1999-10-26 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel — Għajnuna lil tifel bi problemi

Question

Jista' l-Ministru jara li tingħata għajnuna lill-għalliema tat-tifel ta' seba' snin, u lit-tifel innifsu, li l-iskola qed tibgħatu d-dar minħabba l-imġieba tiegħu? Meta se jkun jista' jattendi regolarment l-iskola dan it-tifel kif inhu d-dritt li jagħmel?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li kien hemm riżenji fil-bidu tas-sena fost il-Kindergarten Assistants li jgħinu lit-tfal bi bżonnijiet speċjali u l-iskola f'dawn iċ-ċirkostanzi għamlet użu bil-Kindergarten Assistants li kellha biex tlaħħaq mat-tfal kollha. L-iskola ppruvat ukoll tintegra iżjed lit-tifel konċernat. Intbagħtet aktar għajnuna fl-iskola u għalhekk dan it-tifel u oħrajn se jkollhom l-għajnuna meħtieġa.
Leg 9 PQ #9259 Sitting 164 1999-10-26 Oral · Final From: JOSEPH CUSCHIERI To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel — Tuck shops

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari numru 5207, jista' l-Ministru jgħid kemm tħallset xahar b'xahr il-kumpannija li rrifera għaliha mill-5 ta' Settembru 1998 sal-21 ta' Ġunju 1999?

Response (GALEA, LOUIS)

Peress li fil-Mistoqsija msemmija ma jirriżultali l-isem ta' ebda kumpannija, nitlob li din il-Mistoqsija tiġi rikonsidrata.
Leg 9 PQ #10415 Sitting 164 1999-10-26 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel — Ħamrun

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'tip ta' għajnuna se jingħata t-tifel li ismu qed jintbagħat separatament li jattendi l-iskola primarja Dun Ġorġ Preca tal-Ħamrun u li ġie ċċertifikat mill-psikologu edukattiv Carmel Cefai bħala li għandu bżonn l-appoġġ biex ikun jista' jitgħallem? Għall-istess raġunijiet, x'għajnuna se jingħata t-tifel li ismu qed jintbagħat separatament, li jattendi l-kinder ta' l-iskola primarja tal-Belt?

Response (GALEA, LOUIS)

Nixtieq infakkar lill-Onor. Interpellant li fiż-żmien li kien Ministru ta' l-Edukazzjoni, kien waqqaf Statementing Board u li kienet ittieħdet deċiżjoni li dan hu l-uniku korp rikonoxxut fl-identifikar ta' appoġġ speċjali għal tfal bi bżonnijiet sepċjali. Informat li quddiem l-Istatementing Board, ma hemmx talba għall-ewwel tifel, waqt li t-talba tat-tifel l-ieħor waslet fis-7 ta' Ottubru u għalhekk ma kienx hemm żmien biex l-Istatementing Board jagħmel l-evalwazzjoni tiegħu.
Leg 9 PQ #10416 Sitting 164 1999-10-26 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Ċentru ta' Restawr — Korsijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hemm persuni li applikaw biex isegwu xi kors fiċ-Ċentru tar-Restawr? F'kull każ għal-liema kors applikaw? Kemm ġew aċċettati studenti għal kull kors? Kif intgħażlu l-istudenti? Kemm kien hemm studenti li talbu reviżjoni tal-karti ta' l-eżami li qagħdu għalih? Min se jgħallem lil dawn l-istudenti?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li kien hemm 159 studenti li applikaw biex isegwu xi kors fiċ-Ċentru tar-Restawr. Minn dawn kien hemm 125 li applikaw għal kors ta' Diploma/Degree u l-bqija applikaw għal kors ta' sena. Madwar 130 student li segwew il-kors preparatorju u 70 student resqu għall-eżami tad-dħul. B'kollox kien hemm 16-il studenti li għaddew mill-Eżami tad-Dħul u dawn kollha għażlu li jsegwu l-kors ta' 4 snin. Dan ta l-aħħar kien tħabbar li kien sejjer ikollu 22 post u għalhekk kien hemm biżżejjed post għall-istudenti kollha li għaddew l-Eżami tad-Dħul. Dawn huma maqsuma f'erba' setturi ta' speċjalizzazzjoni kif jidher hawn taħt: a) Fine & Minor Arts 9 studenti b) Metal & Ceramics 4 studenti c) Books & Paper 2 studenti d) Textiles 1 studenta Informat ukoll li peress li kien hemm nuqqas ta' konkorrenza għall-korsijiet ta' sena, dawn ma nfetħux għal din is-sena akkademika. L-istudenti ingħażlu permezz ta' Eżami tad-Dħul li kien maqsum fi tlett partijiet ewlenin u li kienu kollha obbligatorji: 1. Line Drawing 2. Integration (b'għażla minn wieħed jew aktar mill-4 setturi ta' speċjalizzazzjoni) 3. Academic & Personal Aptitude (maqsum bejn eżamijiet bil- miktub u orali) Informat li żewġ studenti talbu reviżjoni tal-karti. Dawn l-istudenti sejrin jiġu mgħallma minn għadd ta' għalliema Maltin u barranin, kemm part-time u kemm full-time. Dawn l-għalliema huma: 1. Restawraturi Maltin u Taljani, kemm full-time kif ukoll part-time, li intgħażlu wara sejħa pubblika imxandra f' gazzetti Maltin u Taljani jew/u 2. Gradwati Maltin f'kampijiet diversi bħall ma huma l-Istorja ta' l-Arti, l-Istorja ta' l-Arkitettura, l-Arkejoloġija, li intgħażlu bħala lecturers part-time wara sejħa publika imxandra f'gazzetti Maltin jew Taljani jew/u 3. Lecturers fuq bażi part-time nominati jew rakkomandati minn diversi dipartimenti ta' l-Universita` ta' Malta: jew 4. Restawraturi jew lecturers nominati bħala guest lecturers mill-Istituto Centrale per il Restauro u l-Istituto Centrali per la Patologia del Libro ta' Ruma (ħafna drabi hu prevst li dawn jinżlu Malta għal xi ġimgħat, skond is-suġġett ta' speċjalizzazzjoni) 5. Occasional lecturers li jistgħu jiġu mistiedna mill-kap tad-dipartiment biex jagħtu taħdita jew ftit taħditiet fuq xi suġġett li fihom huma speċjalizzati.
Leg 9 PQ #10463 Sitting 164 1999-10-26 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel — Żejtun

Question

Jista' l-Ministru jinvestiga ilment u jieħu l-passi neċessarji biex jinstab rimedju dwar rapporti li wasluli li fl-Iskola Primarja B taż-Żejtun tfal ta' Klassi 5E tawhom ktieb tal-matematika bejn tnejn u dan qed jitfa' lura lill-istudenti? Jista' l-Ministru jara li ma jibqgħux jiġu stmati b'dan il-mod ħażin it-tfal li l-aktar għandhom bżonn attenzjoni u appoġġ?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-iskola msemmija ġiet provduta bil-kopji kollha tal-kotba tal-matematika li għandha bżonn. Kien hemm xi dewmien fit-tqassim ta' dawn il-kotba minħabba problemi ta' printjar. Dawn issa ġew solvuti.
Leg 9 PQ #10611 Sitting 164 1999-10-26 Oral · Final From: CARMELO MIFSUD BONNICI To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Mużewijiet/Bini storiċi — Żjajjar min studenti

Question

Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra kemm studenti tal-primarja marru jżuru l-mużewijiet tagħna jew postijiet storiċi matul il-ħin ta' l-iskola bħala parti mit-tagħlim tagħhom? Jistgħu jiġu ndikati n-numru skond il-mużew jew post storiku?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li n-numru ta' studenti, mhux biss tal-primarja iżda l-istudenti kollha li żaru mużewijiet u postijiet storiċi minn Jannar sa Settembru 1999 huwa: MUŻEW STUDENTI Mużew ta' l-Arkeoloġija 1,095 Mużew ta' l-Arti 670 Mużew ta' l-Istorja Naturali 3,433 Mużew ta' l-Antikitajiet Rumani 2,380 Għar Dalam 1,543 It-Tempji ta' Ħaġar Qim 1,103 Il-Palazz ta' l-Inkwiżitur 1,591 Il-Mużew Marittimu 2,035 L-Armerija tal-Palazz 1,348 Il-Kmamar Statali u s-Sala ta' l-Arazzi fil-Palazz 1,049 Il-Katakombi ta' San Pawl 1,041 It-Tempji ta' Ħal Tarxien 1,778 Il-Mużew tal-Gwerra 1,702 Mużew ta' l-Arkeoloġija, Għawdex 837 Mużew tal-Folklor, Għawdex 1,240 Mużew tax-Xjenza Naturali, Għawdex 550 It-Tempji tal-Ġgantija, Għawdex 2,222 Il-Mitħna ta' Kola, Għawdex 1,495