Jista' l-Ministru jgħid jekk hux se jitkompla t-twaqqigħ tal-ħajt tat-Tarzna f'Bormla? Jekk fl-affermattiv, jista' jgħid meta?
Response (BONNICI, JOSEF)
Peress li l-ħajt li għalih qed jirreferi l-Onorevoli Interpellant jifforma parti mill-Baċir numru 1, nirreferi lill-Onorevoli Membru għat-tweġibiet li tajt għall-mistoqsijiet numri 341 u 1037.
Jista' l-Ministru jgħid sena b'sena mill-1993 sal-lum kemm tħallset id-ditta Megabyte mingħand il-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma u jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista sħiħa ta' l-invoices kollha li ntbagħtu lil din il-kumpannija b'diskrizzjoni tas-servizzi jew equipment li ngħata?
Jista' l-Ministru jpoġġi lista oħra li tikkonċerna direct order li ngħatat l-istess kumpannija?
Response (BONNICI, JOSEF)
Jiena nfurmat li l-Korporazzjoni għas-servizzi tal-Ilma qed tiġbor l-informazzjoni meħtieġa u tweġiba tingħata f`xi seduta oħra.
Jista' l-Ministru jgħid fiex waslu t-tħejjijiet sabiex jibdew jintbagħtu l-kontijiet tad-dawl u l-ilma u jgħid ukoll meta l-konsumaturi domestiċi se jirċievu l-ewwel kont?
Response (BONNICI, JOSEF)
Il-Korporazzjoni għas-Servizzi ta` l-Ilma u l-Korporazzjoni EneMalta bdew jaħdmu fuq il-ħruġ tal-kontijiet immedjatament wara li tħabbru t-tariffi l-ġodda.
Qiegħed isir kull sforz biex dawn il-kontijiet jinħarġu fl-aqsar żmien possibbli.
Bank ta' l-Investiment Ewropew — Tneħħija tat-tariffa tad-drenaġġ
Question
Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra jekk matul il-perijodu mis-6 ta' Settembru, 1998 sal-lum kienx hemm xi diskussjonijiet mal-Bank ta' l-Investiment Ewropew rigward it-tneħħija tat-tariffa tad-drenaġġ u jekk l-istess bank ġiex informat b'din id-deċiżjoni?
Response (BONNICI, JOSEF)
Mis-6 ta` Settembru 1998 sal-lum, ma sarux diskussjonijiet bejn il-Ministeru u l-Bank ta` l-Investiment Ewropew in konnessjoni mat-tneħħija tat-tariffi tad-dranaġġ, u sal-lum m`hemmx ħtieġa li jinżammu tali diskussjonijiet stante l-fatt li t-tariffi tal-ilma kif imhabbra mill-Gvern waqt il-Konferenza stampa ta` nhar is-Sibt 21 ta` Novembru 1998 mogħtija mill-Prim Ministru, jinkludu dak kontemplat fil-ftehim li kien sar mal-European Investment Bank u cioe` f`paragrafu nru. 6.09 tal-istess ftehim, li kopja relattiva qed titpoġġja fuq il-mejda tal-kamra għas-sodisfazzjon tal-Onorevoli Interpellant.
Jista' l-Ministru jispjega kif sejrin jiġu ffinalizzati l-operat tal-korporazzjonijiet Enemalta u ta' l-Ilma speċjalment f'dak li għandu x'jaqsam ma' spejjeż ta' produzzjoni, distribuzzjoni u amministrazzjoni wara r-reviżjoni tat-tariffi tad-dawl u l-ilma?
Jista' l-Ministru jgħid b'kemm se tiżdied is-subvention li jalloka l-gvern lill-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma wara li isir reviżjoni tat-tariffi?
Response (BONNICI, JOSEF)
L-Onorevoli Interpellant japprezza li stante il-fatt illi għadhom qed jiġu finalizzati l-estimi relattivi, tali estimi għadhom mhux konklużi; madana kollu, l-informazzjoni mitluba ser tkun ippubblikata fl-Estimi taż-żewg Korporazzjonijiet.
Jista' l-Ministru jgħid min għamel l-istudji neċessarji rigward ir-reviżjoni tat-tariffi tad-dawl u l-ilma, jekk din il-persuna għandhiex xi konnessjoni mal-Korporazzjoni Enemalta u ta' l-Ilma u jekk fin-negattiv, min kienu l-uffiċjali taż-żewġ korporazzjonijiet li kienu mdaħħla fid-diskussjonijiet li saru rigward ir-reviżjoni tat-tariffi tad-dawl u l-ilma?
Jista' l-Ministru jgħid kemm tħallset il-persuna li ħadmet fuq ir-reviżjoni tat-tariffi tad-dawl u l-ilma?
Response (BONNICI, JOSEF)
Kien hemm diversi persuni, kemm fl-Enemalta kif ukoll fil-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma, li ġew ikkonsultati biex jgħinu fl-istudji neċessarji dwar ir-reviżjoni tat-tariffi tal-ilma u l-elettriku. Jien infurmat li ħadd minn dawn il-persuni ma tħallas ta` dan l-istudju. Kien hemm ukoll persuna oħra li għenet f`dan l-eżerċizzju tat-tariffi u li bħalissa qed nikkunsidra nagħtihiex kuntratt ta` konsulenza ekonomika mal-Ministeru. Sa issa għadu ma sar l-ebda ħlas lil din il-persuna.
Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-istudju li sar kif ukoll is-simulation exercise in konnessjoni mar-reviżjoni tat-tariffi tad-dawl u l-ilma?
Response (BONNICI, JOSEF)
L-Onorevoli Interpellant għandu jkun infurmat illi waqt il-konferenza stampa fuq ir-rati il-ġodda tad-dawl u l-ilma mogħtija mill-Prim Ministru nhar is-Sibt 21 ta` Novembru 1998, kienu tpoġġew għad-disposizzjoni tal-gurnalisti diversi `handouts`, dettaljati inklużi tabelli relattivi, in konnessjoni mar-reviżjoni tal-imsemmija tariffi.
MIA Baggage Handling Department — Sistema ta' ċirkolazzjoni
Question
Jista' l-Ministru jiċċekkja jekk is-sistema ta' ċirkolazzjoni ta' l-arja fl-MIA Baggage Handling Department hijiex sodifaċenti għal saħħet dawk li jużawh inkluż il-ħaddiema u jekk le, xi pjanijiet hemm biex id-disinn jitjieb?
Response (BONNICI, JOSEF)
Il-Kumpanija Malta Inernational Airport plc tikkonferma li s-sistema ta' ċirkolazzjoni ta' l-arja li titħaddem fl-ajruport hija sodisfaċenti għal saħħet dawk kollha li jużaw il-bini ta' l-ajruport internazzjonali ta' Malta, inklużi l-ħaddiema kollha.
Ta' min jgħid, li kull meta kien hemm xi lment mill-ħaddiema, inklużi dawk li jaħdmu fil-Baggage Handling Department, dejjem ġew mistħarrġa u ttieħdu l-miżuri kollha li ġew irrakkomandati.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien l-għadd ta' Maltin li ġew minn barra b'passaġġ sussidjat mill-Gvern biex jivvotaw fl-aħħar elezzjoni u mil-liema pajjiżi ġew?
Kemm kien in-numru relattiv fl-elezzjoni ta' qabel?
Response (BONNICI, JOSEF)
L-għadd ta' Maltin li ġew Malta minn barra b'passaġġ sussidjat mill-Gvern biex jivvutaw fl-aħħar elezzjoni kien ta' 613.
Dawn il-passiġġieri ġew mill-pajjiżi msemmija hawn taħt:
Renju Unit - 383
Italja - 74
Franza - 8
Ġermanja - 37
Skandinavja - 7
Olanda - 20
Greċja - 5
Bahrain - 6
Spanja - 2
Belġju - 22
Eġittu - 3
U.A.E. - 8
Irlanda - 8
Turkija - 2
Ċipru - 1
Tuneżija - 3
Awstrija - 11
Svizzera - 13
It-total ta' passiġġieri li ġew Malta għall-elezzjoni ta' l-1996 kien ta' 628.
Jista' l-Ministru jgħid liema huma l-azjendi fejn il-Gvern għandu kontroll maġġoritarju jew kontroll sħiħ? Kemm huwa stmat l-investment tal-Gvern f'kull każ?
Response (BONNICI, JOSEF)
L-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant qed tinġabar u għalhekk it-tweġiba tingħata f`xi seduta oħra.
Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għall-paġna 355 ta` l-Estimi 1998.
Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra kif jista' jiġi deskritt sew ossia spjegat kemm u kif jintnefqu flus f'kull job li jsir fl-Enemalta - Sezzjoni tal-generation (maintenance u servicing tal-Power Station) meta dan qed jiġi inkluż kollu f'vot wieħed (E104)?
Jista' l-Ministru jgħid jekk hux qed tinżamm informazzjoni tal-manpower u materjal użat kemm da parti ta' dawk bix-shift kif ukoll tad-day duty?
Response (BONNICI, JOSEF)
Jiena nfurmat li l-account numru E104 jirreferi għall-istokk tal-Power Staion tal-Marsa u għalhekk ma` jkun fih l-ebda element ta` `labour`.
Jekk l-Onorevoli Interpellant qed jirreferi għall-Account numru E103 - dan hu l-valur ta` l-istokk li jinħadem mad-`distribution workshop` ta` l-istandard items użati mis-sistema tad-distribuzzjoni ta` l-elettriku.
Kull job ikollu requisition u t-Technical Officer jimla` c-charges kemm ta` materjal kif ukoll tal-labour li jsir kuljum.
Għal dak li għandu x`jaqsam mal-maintanance workshop, il-Korporazzjoni għada nieqsa minn din l-informazzjoni biex tevalwa kull job li jsir fil-Power Station. Dan għaliex ħafna mix-xogħol għadu jsir manwalment jew permezz ta` computers li mhumiex updated.
Huwa ittamat li l-Korporazzjoni ma ddumx ma` toħroġ sejħa għall-offerti għall-kompjuterizzazzjoni ta` ħafna mill-funzjonijiet tagħha, biex b`hekk l-informazzjoni tkun aktar preċiża.
Jista' l-Ministru jgħid kemm huwa l-persentaġġ ta' units ta' enerġija elettrika li joħorġu mill-power stations tal-pajjiż u li eventwalment ħadd ma jħallas għalihom (unaccounted for units)? X'qiegħed isir biex dan it-telf għall-kumpannija jonqos?
Response (BONNICI, JOSEF)
Peress li l-Onorevoli Interpellant ma speċifikax għal liema perijodu qed jirreferi qed nagħti l-informazzjoni mitluba bejn l-1993 u l-1997.
1992 -93 19.64%
1993 -94 14.81%
1994 -95 17.26%
1995 -96 13.84%
1996 -97 14.00%
Bħalma wieħed jista` jinnota il-persentaġġ ta` l-`unaccounted for units` ivarja minn sena għal oħra.
Wieħed irid jifhem li kull sistema ta` l-elettriku għandha t-telf, pero` wieħed irid jammetti li t-telf f`pajjiżna huwa għoli meta imqabbel ma` pajjiżi oħra fl-Ewropa.
Minn studju li sar f`April 1998 mill-`Energie de France` rigward `Technical Losses` instab li dan ilaħħaq għal madwar ħamsa fil-mija li mhux persentaġġ -il bogħod minn dak ta` pajjiżi Ewropej. Għalhekk il-persentaġġ li baqa` huwa `non-technical losses` u huwa hawn fejn jista` jsir kontroll għax hawnhekk il-persentaġġ huwa għoli ħafna.
In-`non technical losses` huma riżultat ta` arloġġi weqfin, arloġġi jaħdmu bil-mod u serq ta` l-elettriku.
Billi hemm diskussjonijiet bejn l-Italja u l-Libja u l-Unjoni Ewropea dwar medda ta' gas pipeline li jista' jkun ta' interess u benefiċċju għall-qasam ta' l-enerġija f'pajjiżna, jista' l-Ministru jgħid jekk sarux jew kienx hemm xi attentat min-naħa tal-Gvern biex forsi Malta tkun tista' tkun kompliċi f'dan l-investiment?
Response (BONNICI, JOSEF)
Peress li l-materja in kwistjoni għadha qed tiġi analizzata min-naħa tal-Gvern għadu prematur biex wieħed jagħti dettalji. Dawn id-dettalji jingħataw fi żmien opportun.
Jista' l-Ministru jinforma lil din il-Kamra fiex wasal iċ-charter tal-konsumatur li kien qiegħed jiġi ppreparat u inizzjat mill-amministrazzjoni preċedenti?
Response (BONNICI, JOSEF)
Jiena nfurmat li l-Amministrazzjoni preċedenti qatt ma ippreparat jew inizzjat xi Charter tal-Konsumatur.
Jista' l-Ministru jgħid kemm huwa l-ammont/pagamenti pendenti f'ċifra ta' flus li l-Malta Drydocks u Malta Shupbuilding għandhom jitħallsu għal xogħlijiet li wettqu diġa' sa Lulju 1998?
Response (BONNICI, JOSEF)
Jiena nfurmat li skond ir-rapporti finanzjarji sa Lulju 1998, il-Malta Shipbuilding Co. Ltd., għad trid tirċievi s-somma ta' Lm2,947,897 fi ħlasijiet għal xogħolijiet li għamlet.
L-ammont dovut lill-Malta Drydocks sas-7 ta' Awissu 1998 huwa ta' Lm10,529,082.
Jista' l-Ministru jgħid jekk il-gvern preżenti għandux xi forma ta' politika dwar l-użu ta' l-enerġija f'pajjiżna? Jista' l-Ministru jagħti rendikont tal-politika tal-Gvern dwar l-użu ta' l-enerġija f'pajjiżna?
Response (BONNICI, JOSEF)
Nixtieq ninforma lill-Onor. Interpellant li l-politika tal-Gvern dwar l-użu tal-enerġija għall-pajjiżna hija mmirata biex tlaħħaq mad-domanda u l-aspettattivi tal-konsumatur b'mod effiċjenti u fl-istess ħin jiġi mħares l-ambjent ta' madwarna.
Irrid inżid ukoll li l-Kunsill ta' Xjenza u Teknoloġija qed ikollu diversi laqgħat mad-dipartimenti w aġenziji biex tkun formulata policy dwar l-enerġija.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numriuta' trasferimenti li saru fid-dekasteru u entitajiet li jaqgħu taħtu mis-6 ta' Settembru sa l-24 ta' Ottubru, 1998?
Response (BONNICI, JOSEF)
Qed inpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant.