Jista' l-Ministru jgħid x'talbiet hemm pendenti mill-kunsilli lokali biex jitwaħħlu bozoz fit-toroq tal-lokal tagħhom? Jista' l-Ministru jagħti risposta, raħal b'raħal u jagħti l-isem tat-triq f'kull każ? Kemm huwa n-numru totali ta' dawn il-każi? Kemm minn dawn it-talbiet ġew sodisfatti mill-5 ta' Settembru 1998 sal-lum?
Response (BONNICI, JOSEF)
Jiena nfurmat li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar mill-Korporazzjoni Enemalta u għalhekk tali informazzjoni ma tistax tingħata għalissa.
Jista' l-Ministru jgħid fiex wasal ix-xogħol li kien inbeda mill-amministrazzjoni preċedenti dwar il-kontroll ta' l-ilma tax-xita msejjaħ l-istorm water master plan?
Response (BONNICI, JOSEF)
Hemm il-ħsieb li jinħarġu offerti għax-xiri ta' software relatat u għall-konsulenza dwar it-trattament ta' dan l-ilma. Hemm ħsieb ukoll li jinbeda survey dwar il-kwalita ta' l-ilma u l-effett tiegħu fuq l-ilma ta' taħt l-art.
Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-ftehim li kien għamel Gvern Nazzjonalista preċedenti mal-European Investment Bank, meta biex jissellef flus għal użu partikolari intalab li jdaħħal taxxa fuq id-drenaġġ? Billi issa jidher li din it-taxxa se tiġi rtirata, jista' jgħid x'se jiġri billi issa nkisru l-kondizzjonijiet?
Response (BONNICI, JOSEF)
It-tariffi tal-ilma ppubblikati waqt il-Konferenza stampa ta' nhar is-Sibt 21 ta' Novembru 1998 mogħtija mill-Prim Ministru, jinkludu dak kontemplat fil-ftehim li kien sar mal-European Investment Bank u ċioe f'paragrafu numru 6.09 tal-istess ftehim li kopja relattiva tpoġġiet fuq il-mejda tal-kamra bi tweġiba għall-mistoqsija numru 1381.
Jista' l-Ministru jgħid kemm tħallas overtime l-impjegat tal-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma, li ismu qed jintbagħat separatament, matul il-perjodu Ottubru 1995 - Ottubru 1998, kull sena separatament?
Response (BONNICI, JOSEF)
Jiena nfurmat li l-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma qed tiġbor l-informazzjoni meħtieġa u għalhekk tweġiba tingħata f`xi seduta oħra.
Jista' l-Ministru jgħid kemm-il darba ltaqgħu l-bordijiet tad-diretturi tal-korporazzjoni li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu matul il-perjodu 1/1/95 - 31/12/96 u mill- 1/1/97 sal-lum?
Response (BONNICI, JOSEF)
Qed inpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant.
Jista' l-Ministru jgħid jekk hux qiegħed jikkonsulta mal-bordijiet tad-diretturi tal-korporazzjonijiet għas-Servizzi ta' l -Ilma u Enemalta fl-eżerċizzju tar-reviżjoni tar-rati tas-servizzi ta' l-ilma u l-elettriku?
Response (BONNICI, JOSEF)
Nixtieq ninforma lill-Onor. Interpellant li fl-eżerċizzju msemmi saru konsultazzjonijiet mal-Management taż-żewġ Korporazzjonijiet.
Jista' l-Ministru jara li l-parti ta' Triq l-Ifran, fil-Belt, bejn Triq San Gwann u Triq Santa Lucia, tiġi mdawwla aħjar peress li bħalissa din tinsab mudlama?
Response (BONNICI, JOSEF)
Jiena nfurmat li l-parti tat-triq imsemmija hija mdawwla tajjeb pero hemm ħtieġa ta' xogħolijiet ta' manutenzjoni.
Jista' l-Ministru jagħti dettalji dwar kif qed titħaddem is-sistema tar-recombined cycle fil-power station ta' Delimara? Teżisti xi problema fit-tħaddim ta' din is-sistema?
Response (BONNICI, JOSEF)
Is-sistema tal-Combined Cycle Gas Turbine fil-power station ta' Delimara qiegħda fil-fażi ta' commissioning fejn jibdew jitħaddmu l-partijiet differenti tat-trapjant u jsiru aġġustamenti li jkun hemm bżonn qabel is-sistema tkun lesta biex jitħaddem fuq bażi regolari.
Il-problemi eżistenti huma normali u li wieħed jistenna waqt il-commissioning.
Jista' l-Ministru jirrispondi l-mistoqsija parlamentari tiegħi numru 1007?
Response (BONNICI, JOSEF)
L-informazzjoni mitluba ma tistax tingħata minħabba d-dispożizzjonijiet dwar il-kunfidenzjalita fl-Artikolu 33 ta' l-Att dwar l-Iżvilupp Industrijali (Cap.325)
B'riferenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari numru 320 magħmula fis-26 ta' Ottubru, 1998 u risposta mogħtija fit-18 ta' Novembru, 1998, jista' l-Ministru jispjega kif wasal li jagħti r-rati ta' dawl u ilma għal konsumaturi lil korpi kostitwiti u unions, meta ma kellux l-informazzjoni bażika mitluba fil-mistoqsija parlamentari numru 320?
Jista' l-Ministru jagħti risposta għall-mistoqsija parlamentari numru 320?
Response (BONNICI, JOSEF)
Il-Gvern, kif kien wiegħed fil-programm elettorali, raħħas sostanzjalment it-tariffi tad-dawl u ta' l-ilma. Il-Gvern wasal għal dan ir-roħs wara li ra li kien soċjalment ġust, ekonomikament vijabbli u wkoll wara konsultazzjonijiet mal-partijiet soċjali kollha.
Dan ir-roħs sar wara li l-cost production ta' unit ta' konsum ta' dawl u ta' unit ta' konsum ta' ilma eżistenti fi żmien l-amministrazzjoni preċedenti servew bħala gwida fil-formulae tat-tariffi l-ġodda, u ċioe Lm1.10c kull metru kubu ta' Ilma u 4.7c kull unit ta' dawl.
Iż-Żewġ Korporazzjonijiet qed jeżaminaw diversi sistemi biex il-prezz tal-produzzjoni jkompli jonqos.
Jista' l-Ministru jagħti lista ta' dawk l-impjegati fid-dekasteru tiegħu li qed jirċievu xi forma ta' allowance mill-5 ta' Settembru, 1998?
Min huma u xi grad għandhom?
F'liema dipartiment jew sezzjoni qegħdin?
Għal-liema raġuni qed tingħata l-allowance lil kull wieħed jew waħda minnhom?
Response (BONNICI, JOSEF)
Ninsab infurmat li s`issa m`hemmx impjegati fid-dekasteru tiegħi li bdew jirċievu xi forma ta` `allowance` mill-5 ta` Settembru 1998.
Jista' l-Ministru jgħid kemm ingħataw trasferimenti mis-6 ta' Settembru sat-28 ta' Ottubru, 1998 fil-Korporazzjoni Enemalta? Jista' l-Ministru jagħti r-raġuni għalfejn saru dawn it-trasferimenti?
Jista' l-Ministru jgħid jekk huwiex il-ħsieb li jsiru trasferimenti fil-futur qarib fil-post tax-xogħol hawn fuq imsemmi?
Response (BONNICI, JOSEF)
Jiena nfurmat li fil-perjodu msemmi saru s-segwenti trasferimenti fil-Korporazjoni Enemalta.
8 impjegati irritornaw lura minn diversi Ministeri
4 impjegati marru jagħtu s-servizz tagħhom f'Ministeri
3 impjegati ġew trasferiti wara li ngħataw ħatra fi grad ogħla
2 impjegati ġew trasferiti biex jimlew vaganzi li nħolqu
2 impjegati ġew trasferiti fuq talba tagħhom stess
Għal dak li jirrigwarda trasferimenti fil-futur, dawn isiru, jekk ikun mehtieġ, skond l-eżiġenzi tal-Korporazzjoni.
Jista' l-Ministru jgħid kemm ingħataw trasferimenti mis-6 ta' Settembru sat-28 ta' Ottubru, 1998 fil-Water Services Corporation? Jista' l-Ministru jagħti r-raġuni għalfejn saru dawn it-trasferimenti?
Jista' l-Ministru jgħid jekk huwiex il-ħsieb li jsiru trasferimenti fil-futur qarib fil-post tax-xogħol hawn fuq imsemmi?
Response (BONNICI, JOSEF)
Jiena nfurmat li matul il-perijodu msemmi saru dawn it-trasferimenti fil-Korporazzjoni għas-Servizzi ta` l-Ilma:
1. Leak Detector intbagħat mill-fergħa distrettwali ta` Raħal Ġdid għal dak ta` Birkirkara biex jissostitwixxi persuna oħra fl-istess grad li għamlet operazzjoni serja.
2. Labourer ġie trasferit mill-imħażen ta` Wied il-Kbir għall-Ġibjun ta` Hal-Luqa fuq talba tiegħu stess.
3. Żewġ Security Enforcement Inspectors irritornaw lura fis-Sezzjoni tas-Sigurta` mis-Sezzjoni ta` l-Internal Audit fuq talba tagħhom stess.
Għal dak li jirrigwarda trasferimenti fil-futur, dawn isiru, jekk ikun meħtieġ, skond l-eżiġenzi tal-Korporazzjoni.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm ħaddiema taħt id-dekasteru tiegħu (i) każwali u (ii) bil-kuntratt u għal liema pożizzjonijiet f'kull każ?
Jista' jgħid kemm minn dawn ġie mitmum l-impieg/ingaġġ tagħhom jew għalqilhom it-terminu u ma ġġeddidx, inklużi dawk fuq bordijiet governattivi, parastatali jew ta' kull xejra oħra, mill-5 ta' Settembru, 1998 'l hawn?
Fil-każijiet kollha separatament jista' l-Ministru jgħid kemm ġie mħallas kumpens fejn applikabbli lil dawk fuq imsemmijin li ma baqgħux ingaġġati mill-Gvern preżenti?
Response (BONNICI, JOSEF)
L-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant għadha qed tinġabar u risposta tingħata f`xi seduta oħra.